Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tingħata l-unur tal-'Mara tas-Sena' waqt ir-raba' edizzjoni tal-konferenza Women in a Legal World, f'Madrid. Metsola ġiet ippreżentata dan il-premju prestiġġjuż mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Ekonomija ta' Spanja Nadia Calvino.
Dan il-premju ingħata b'rikonoxximent għall-ħidma ta' Metsola fit-tmexxija tal-Parlament Ewropew, b'mod partikolari għall-azzjonijiet li ħadet fil-konfront tal-gwerra fl-Ukrajna, għad-determinazzjoni tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll għall-ħarsien tal-valuri tal-Unjoni Ewropea.
F’diskors wara li rċeviet l-unur, l-MEP Maltija qalet li "waħda mill-aqwa deċiżjonijiet li għamlet f’ħajjitha kienet li għażlet karriera marbuta mal-qasam legali, li waslitha biex tidħol fil-politika." Spjegat li l-aspirazzjoni li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea kienet waħda mill-motivazzjoni li wasluha għal fejn tinsab illum. Roberta Metsola qalet li minkejja n-nuqqasijiet li għandha l-Unjoni Ewropea, din għenet biex “ħajjitna tkun aħjar. Aktar ġusta. Aktar sigura.”
Il-President Metsola, ħeġġet aktar nisa jidħlu fil-politika, u saħqet li jekk wieħed jaħdem u jistinka, m’hemm xejn li għandu jwaqqaf lil dik il-persuna milli tilħaq l-għanijiet tagħha. Kompliet li jeħtieġ isir iktar biex aktar nisa jkunu mħeġġa jibqgħu jsegwu l-aspirazzjonijiet tagħhom u jkollhom aktar opportunitajiet.