F’okkażjoni rari, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat poġġa għal intervista fuq Smash TV mal-eks xandar fuq l-istazzjon ONE Radio Manuel Cuschieri, fejn Muscat qal tiegħu dwar dak li ġie rrappurtat fil-ġimgħat li għaddew b’rabta ma’ numru ta’ pagamenti li rċieva wara li rreżenja minn Prim Ministru.
Huwa tkellem ukoll dwar l-inkjesta Maġisterjali li għaddejja fil-konfront ta’ Vitals Global Healthcare, hekk kif skontu, hemm min irid jarah jittieħed il-Qorti, iżda qal li anke jekk jiġri dan, huwa xorta għandu l-appoġġ tan-nies.
Dwar dan, stqarr li se jfittex lil dawk li jwasslu għal hekk. Muscat qal li huwa ħa l-poter ta’ dawk li sejjaħ bħala “mażuni”, u qabbel lilu nnifsu mal-mexxejja Laburisti ta’ qablu bħala iben il-ħaddiem.
Tul l-intervista, Muscat ċaħad kull akkuża fil-konfront tiegħu dwar il-konsulenzi li ħa wara l-karriera politika tiegħu, u qabbel dak li għamel hu ma’ persuni oħra fil-Partit Nazzjonalista. Saħansitra qabbel lilu nnifsu ma Dom Mintoff, hekk kif stqarr li ġieli jgħidulu li se jissallab bħal Mintoff.
Muscat stqarr li l-konsulenzi li ngħata wara l-karriera politika tiegħu ma kinux marbuta ma pjaċiri politiċi li kien għamel meta kien fil-poter. B’rabta ma’ Accutor, il-kumpanija li kellu konsulenza magħha li rċeviet miljuni mingħand Steward Healthcare, l-eks Prim Ministru qal li ma kienx jaf ma’ min kienet qed tinnegozja din il-kumpanija.
Tkellem ukoll dwar il-konsulenza tiegħu ma’ kumpanija ta’ Johann Schembri, id-direttur maniġerjali tal-casino Dragonara, liema casino franka miljuni ta’ ewro wara li l-Gvern ta’ Muscat estenda l-kirja tal-art tal-casino mingħajr ma nħarġet sejħa pubblika. Dwar dan, l-eks Prim Ministru qal biss li l-ftehim kien approvat mill-Parlament.
Muscat ikkritika wkoll l-inkjesta Maġisterjali marbuta mal-Vitals, li skontu mhix ġusta minħabba li l-familja tal-Maġistrat għandhom rabtiet mal-għaqda Repubblika. Dwar il-konċessjoni tal-Vitals innifisha, huwa ddefenda dan il-ftehim li ġie kkritikat ferm mill-Awditur Ġenerali.
Dwar ir-rapport, Muscat qal li dan jikkritika l-għaġla li kien hemm biex issir il-konċessjoni, u li dak li ssemma’ fir-rapport ma jibdiex ma’ skandli f’investigazzjonijiet oħra ta’ Gvern Nazzjonalista.