Ftit ġimgħat wara li Norma Saliba rriżenjat minn Kap tal-Aħbarijiet ta’ TVM, illum tħabbar li din se tokkupa l-pożizzjoni ta’ Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
Dan hu ċentru ġdid li twaqqaf bil-għan li jappoġġja l-amministrazzjoni, l-organizzazzjoni u l-operat tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Lura fl-2015, Saliba kienet ġiet ippremjata fl-IĠM Awards b’diversi unuri, fosthom għall-użu tajjeb tal-Malti.
Il- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li t-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru se jwettaq differenza fejn għandu x’jaqsam il-ħarsien tal-ilsien Malti, partikolarment meta wieħed jikkunsidra d-dinja diġitali li qed ngħixu fiha.
Żied jgħid li investimenti fil-lingwa Maltija bħal dawn huma investimenti fl-identità Maltija, f’wieħed mill-aktar aspetti li jgħaqqadna bħala poplu.
Temm billi awgura lil Saliba kull suċċess f’din l-esperjenza.