Dawk li jħaddmu iridu strateġija skont il-popolazzjoni, 'għall-ġid tal-ekonomija'
Inċentivi favur ħaddiema li laħqu età tal-irtirar fost dak li qed jipproponu
More in Politika
Inċentivi favur ħaddiema li laħqu età tal-irtirar fost dak li qed jipproponu
L-MEA (Malta Employers Association) sejħet għal baġit li jidirizza l-fatt li l-ekonomija qed tikber b’veloċità għolja wisq, u li din hija theddida għas-sostennibbiltà u d-distribuzzjoni.
L-Assoċjazzjoni saħqet li “ċerti partijiet tal-popolazzjoni jistgħu jispiċċaw f’sitwazzjoni għar milli qiegħdin fiha attwalment,” u għamlet appell sabiex ikunu ndirizzati l-aspetti negattivi tat-tkabbir ekonomiku.
Skont l-MEA, iż-żieda fid-domanda għal ħaddiema ġiet indirizzata billi dawn ġew importati, u issa jammontaw għal 30% tal-ħaddiema kollha, u potenzjalment 50% tas-settur privat. Is-sitwazzjoni tal-ammont ta’ ħaddiema f’Malta kienet deskritta wkoll bħal “barmil imtaqqab,” b’numru ta’ nies jitilqu mill-pajjiż, b’ħaddiema importati jpattu għalihom, mingħajr ma jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ ħaddiema b’kwalifikazzjonijiet tekniċi.
Hi ssuġġeriet li l-Gvern jaħtar kummissjoni sabiex tevalwa s-sitwazzjoni kurrenti, u tagħti rakkomandazzjonijiet għal strateġiji li Malta għandha taddotta. “Il-ħtieġa hija evidenti; l-infrastruttura mhix tlaħħaq maż-żieda ta’ nies fuq il-gżejjer. Dan huwa rifless fil-problemi tad-dawl, fl-ammont ta’ skart, fit-traffiku u fis-sistemi ta’ drenaġġ li qed ifuru, fost sintomi oħra.”
Talbet ukoll għal aktar incentivi fiskali sabiex aktar anzjani jagħtu kontribut lejn is-settur tax-xogħol. “Bħalissa hawn eluf ta’ persuni fl-età tal-irtirar li waqfu jaħdmu biss sabiex ma jitilfux il-penzjoni. Għalkemm din tidher isha se jkun spiża għall-Gvern, fil-verità se żżid il-produttività, u t-taxxa li se tiġġenera se tagħmel tajjeb għaliha. Meta wieħed iqis li l-età mezza tal-Maltin qed togħla, din hi neċessarja sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq ħaddiema barranin.”