Waqt seduta fil-Parlament, il-Membru Ewroparlamentari, Cyrus Engerer, stqarr li l-politika partiġġjana tal-passat għandha tinqata'.
Qal dan b'referenza għall-kommunità LGBTIQ+ li minn dejjem affaċjat sfidi fosthom dawk partiġġjani minn individwi li jsibuha diffiċli jifhmu l-importanza li kull persuna ħaqqha drittijiet ugwali.
Huwa xtaq jirringrazzja lil dawk kolla li ġġieldu favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem fosthom l-Membri Parlamentari Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Graziella Attard Previ, li skont Engerer sfaw “attakati u rridikulati diversi drabi minħabba l-opinjonijiet tagħhom favur l-ugwaljanza fil-kommunità LGBTIQ+”.
Huwa kompla jgħid li l-istess Membri Parlamentari ġew mgħajjra “irrelevanti” minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-EuroPride. Minkejja dan kollu huwa rringrazzjhom talli żammew ma’ dak li jemmnu li huwa sewwa anke hekk sofrew xi tip ta’ tbatija li tista’ tinħass sal-lum il-ġurnata.
L-Ewroparlamentari għalaq id-diskors billi qal li jaf xi tfisser li tgħum kontra l-kurrent favur l-ugwaljanza u rringrazzja lill-Membri Parlamentari Randolph Debattista u Katya De Giovanni talli dejjem appoġġjaw id-drittijiet tal-LGBTIQ+.