BirdLife: Tmut it-tieni Arpa li sfat vittma ta’ kaċċa illegali

Numru ta’ għasafar sfaw vittmi tal-istaġun tal-kaċċa li huwa mimli illegalitajiet, hekk sostniet il-BirdLife fi'stqarrija fejn fiha qalet li Arpa oħra sfat vittma tal-kaċċa illegali.

 

Ilbieraħ waranofsinhar BirldLife osservat Arpa feruta tittajjar fuq il-Buskett u nnotat li kellha ċrieket tal-kulur imwaħħlin ma' saqajha.

Il-BirdLife spjegat kif wara li sparawlha xi mkien fil-viċinanzi, l-Arpa ppruvat tinżel fuq waħda mis-siġar qrib il-Buskett iżda minħabba li ma setgħetx tuża saqajha, ippruvat taqbad ma' fergħa imma finalment spiċċat waqgħet mal-art minn fuq is-siġra.

Minnufih l-Uffiċjali tal-Environmental Protection Unit (EPU) tal-Pulizija marru fil-post, ġabru l-għasfur bl-għajnuna ta' birdwatchers u ħaduh mill-ewwel għand il-veterinarju.

Iċ-ċomb li laqtu l-Arpa spiċċaw kisrulha saqajha bl-ebda ċans li tirkupra mill-feriti.

Permezz taċ-ċrieki fuq l-għasfur, ġie identifikat li twieled ftit tax xhur ilu fil-Latvja, u kien fuq l-ewwel vjaġġ tiegħu lejn l-Afrika għax-xitwa.

L-istqarrija tgħid li sfortunatament “l-vjaġġ ta' dan l-għasfur, intemm ħesrem riżultat dirett tal-istat ta' impunità li jinsab fih is-settur tal-kaċċa f'pajjiżna. Snin ilu kien ikun impost curfew fit-3pm sabiex dawn it-tip ta' għasfar jiġu mħarsa milli jispiċċaw jiġu kkaċċjati hekk kif jaslu Malta biex jistrieħu matul il-lejl. Ħafna mill-kaċċa li tiġi osservata waranofsinhar tkun proprju fuq speċi protetti bħal dawn.”

Finalment l-istqarrija spjegat kif din hija t-tieni Arpa li spiċċat fil-mira tal-kaċċa illegali f'inqas minn ġimgħa u minkejja sforzi intensivi ta' konservazzjoni biex ikabbru l-popolazzjoni ta' dawn l-ispeċi lill hinn minn xtutna, il-policies kurrenti tal-gvern f'Malta qed iġibu fix-xejn dawn l-isforzi li qed isiru fuq livell Ewropew sempliċiment biex il-lobby tal-kaċċaturi jinżamm kuntent u jkun jista' joqtol aktar minn dawn l-għasafar.

More in Politika