Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri nieda skema ta’ għajnuna finanzjarja għall-individwi jew l-organizzazzjonijiet sabiex jikru fond li fih jinbnew karrijiet jew maskri grotteski għall-Karnival Reġjonali ta’ Għawdex 2025.
L-iskop ta’ din l-iskema huwa li jkompli jissaħħaħ il-Karnival f’Għawdex bħala attività kulturali li tiġbed udjenza minn Għawdex, Malta u barra minn xtutna, u tagħti wkoll kontribut ekonomiku lil Għawdex.
“L-iskema li qed inniedu llum hija xhieda tal-impenn tagħna li nkomplu nassistu sabiex it-tradizzjonijiet u l-kultura f’pajjiżna jibqgħu ħajjin. Permezz ta’ din l-għajnuna finanzjarja qegħdin ngħinu lid-dilettanti tal-karnival ikunu jistgħu jsibu post adegwat fejn jibnu l-karrijiet u l-maskri grotteski bl-ispejjeż tal-kirja jitħallsu minn din l-iskema. B’hekk ikunu jistgħu jsaħħu l-operat tagħhom u jagħtu spettaklu tant mistenni tul il-ħamest ijiem tal-Karnival,” qal il-Ministru Camilleri.
Il-fond irid jinkera għal perjodu minimu ta’ sena, li jista’ jiġi estiż fuq bażi annwali. Kull applikant jista’ jingħata għotja sa massimu ta’ ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000) fis-sena jekk jibni l-karrijiet u sa massimu ta’ għaxart elef ewro (€10,000) fis-sena jekk jibni l-maskri grotteski, li fiż-żewġ każi jkunu jkopru l-kera tal-fond. L-iskema nfetħet illum, it-3 ta’ April 2024, u se ddum miftuħa xahar.
L-applikazzjoni tista’ ssir online fuq is-sit elettroniku https://gozo.gov.mt/ jew inkella tittieħed bl-idejn il-Head Office tad-Direttorat għall-Wirt Kulturali, 11 Triq it-Telgħa tal-Kastell, Victoria.
Fis-sit elettroniku wieħed isib mehmuż il-Linji Gwida u Regolamenti tal-Iskema, inklużi l-kriterji tal-eliġibbiltà.