Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar iħabbar li l-istaġun tal-kaċċa għas-summien jiftaħ għada l-Erbgħa 10 t’April u jibqa’ miftuħ sat-Tlieta 30 t’April, 2024, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar matul il-ġranet kollha tal-istaġun.
Dan wara li, b’referenza għal-Liċenzja Speċjali tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa 2024, l-Avviż Legali 85/2024 li jiddikjara l-istaġun tal-kaċċa għas-summien ġie ppubblikat illum.
Kull summiena li tiġi kkaċċjata għandha tiġi rrappurtata immedjatament u kull min joħroġ għall-kaċċa u ma jaqbad xejn għandu jirrapporta l-hunting effort, kif spjegat fil-Liċenzja Speċjali.
Il-kwota nazzjonali hija ta’ 2,400 summiena. M’hemmx kwoti individwali.
Sadattant, il-Qorti llum ċaħdet it-talba tal-BirdLife Malta għall-ħruġ tal-Mandat ta’ Inibizzjoni għall-kaċċa tal-gamiema. Għaldaqstant, l-Avviż Legali li jiddikjara l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem miftuħ mis-17 ta’ April sat-30 ta’ April, 2024, minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar matul il-ġranet kollha tal-istaġun, bi kwota nazzjonali ta’ 1,500 gamiema għandu jiġi ppubblikat fil-ħin li ġej.