Il-Gvern jirċievi 13-il proposta għal floating solar farms fl-ibħra Maltin

Iħabbru l-proposti li saru, il-Ministeru għall-Enerġija qalu li t-13-il proposta saru kemm minn kumpaniji lokali kif ukoll internazzjonali

Tressqu b’kollox 13-il proposta mill-privat għal proġetti ta’ pannelli tax-xemx f’wiċċ il-baħar.  

Il-Gvern ikkonferma matul il-ġurnata tas-Sibt li l-proposti tressqu lir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma bħala parti minn konsultazzjoni biex ikun stabbilit hemmx interess mill-privat li jidħol għal proġetti tax-xorta fl-ibħra territorjali, jiġifieri sa 12-il mil nawtiku mill-kosta Maltija. 

Il-Gvern kien ħabbar li identifika żona, erba’ mili nawtiċi ’l barra minn Delimara, bħala l-ewwel post fejn jista’ jsir proġett ta’ pannelli tax-xemx f’wiċċ il-baħar f’Jannar li għadda. 

Dak iż-żmien kien qal li l-proġett se jkolli kapaċità li jagħti 50 MW (megawatt) ta’ enerġija nadifa lill-grid nazzjonali tal-elettriku.  

Kien intqal ukoll li dan kien l-aħjar sit għax jinsab viċin l-infrastruttura elettrika tal-Enemalta f’Delimara.  

Għaldaqstant waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni, il-Gvern kien qal li mhux marbut biss ma’ din iż-żona u jistgħu jiġu proposti bnadi oħra. 

Iħabbru l-proposti li saru, il-Ministeru għall-Enerġija qalu li t-13-il proposta saru kemm minn kumpaniji lokali kif ukoll internazzjonali.  

Jirreaġixxu għal dan, il-Ministru Miriam Dalli qalet li r-rispons jirrifletti l-potenzjal ta’ Malta fl-enerġija nadifa u l-kredibilità li Malta qed tibni f’dan il-qasam. 

Dan filwaqt li l-Kap Eżekuttiv tar-REWS, Marjohn Abela, qal li se jitwaqqaf kumitat ta’ esperti tekniċi biex jevalwa l-proposti li saru u jkun jista’ jitlob kjarifiki mingħandhom. Temm jgħid li dan imur id f’id mal-ħidma li għaddejja biex fil-ġejjieni toħroġ sejħa kompetittiva għall-offerti għal pannelli tax-xemx f’wiċċ il-baħar. 

 

More in Politika