BIL-FILMAT: Peppi jerġa’ jiksirha ma’ Lowell wara li IE joħorġu reklam ‘qarrieqi’ dwaru

F’filmat imtella’ dalgħodu fuq Xarabank, Peppi Azzopardi jistaqsi fejn hi l-Awtorità tax-Xandir, u jekk hux se tkompli taqbeż għal Lowell, wara reklam “qarrieqi” dwaru mill-partit tal-lemin estrem 'Imperium Europa' tħalla jiġi mxandar fuq TVM

Ix-xandar veteran Peppi Azzopardi akkuża lill-Imperium Europa b’manipulazzjoni wara li l-partit tħalla jxandar fuq TVM reklam “qarrieqi.”

“Dan hu reklam immanipulat minn Norman Lowell, mhux vera li jien għidt li kellu raġun,” Azzopardi spjega viżibilment irrabjat.

Fir-reklam tal-Imperium Europa, Peppi Azzopardi jidher f’intervista, oriġinalment fil-poddata ta’ Jon Malli, jgħid li Lowell “għandu raġun.” Dan il-filmat, ta’ ftit sekondi, jidher qabel filmat ieħor ta’ Lowell jgħid daqsekk għal partiti l-kbar, “l-aħmar u blu.”

Intant juri l-filmat sħiħ, mingħajr il-muntaġġ, Azzopardi qal li l-verità hi totalment differenti minn dik preżentata fil-filmat tal-Imperium.

“Ara kif jista’ jkun ngħid li Norman Lowell kellu raġun, meta dan jgħid li għandna noqtlu trabi b’diżabilità, anke wara li jitwieldu. Ara kif jista’ jkun ngħid li Norman Lowell kellu raġun meta jgħid li jaqbel mat-tmexxija ta’ Adolf Hitler, li qatel, iggasja 60 miljun persuna. Ara kif jista’ jkun ngħid li Norman Lowell kellu raġun, meta dan l-aħħar qal li jekk għandek lil bintek, lil ibnek, jew xi ħadd li jiġi minnek, jieħu d-droga u qiegħed overdose mal-art, qal “ħallih hemm mal-art imut.”

Azzopardi qal li r-reklam immanipulat qed jidher fuq l-istazzjon tal-istat.

“Fejn hi l-Awtorità tax-Xandir, possibbli tibqa’ tissaportja lil Norman Lowell?” Azzopardi staqsa, qabel ma temm il-filmat iħeġġeġ lin-nies “iwaqqfu l-gidba” billi jqasmu l-filmat tiegħu.

More in Politika