Il-PN jitlob lill-Byron Camilleri jikkrafika allegazzjonijiet fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin

Il-Partit Nazzjonalista jitlob lill-Ministru Byron Camilleri jikkonferma jew jiċħad jikkjarifika is-sitwazzjoni wara li uffiċjal għoli tal-ħabs allegatament ħalliet lill-Yorgen Fenech jisellef l-uffiċju tagħha sabiex jiltaqa’ ma’ numru ta’ nies

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Ministru Camilleri għandu immedjatament u pubblikament jiċċara l-pożizzjoni tas-sitwazzjoni fil-ħabs.
Il-Partit Nazzjonalista jgħid li l-Ministru Camilleri għandu immedjatament u pubblikament jiċċara l-pożizzjoni tas-sitwazzjoni fil-ħabs.

Il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ministru Byron Camilleri jikkjarifika is-sitwazzjoni fil-Faċilità Korettiva ta’ Kordin, wara li ġie rraportat illi l-Kap tal-Istrateġija tal-ħabs Svetlana Muscat tinsab bħalissa fuq forced leave.

“Il-Ministru Camilleri għandu immedjatament u pubblikament jiċċara l-pożizzjoni tas-sitwazzjoni fil-ħabs. B’mod speċjali, meta l-allegazzjonijiet huma li dan seħħ b’rabta ma’ Yorgen Fenech, il-persuna akkużat bħala l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u persuna li kien wieħed mill-imħuħ wara l-investiment tal-powerstation tal-gass, Electrogas,” il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista Darren Carabott qal fi stqarrija l-Erbgħa filgħodu.

It-Tlieta, MaltaToday irraportat kif Svetlana Muscat allegatament ħalliet lill-Yorgen Fenech jisellef l-uffiċju tagħha sabiex jiltaqa’ ma’ numru ta’ nies.

Fenech għadu qed jistenna li jissokta l-proċess kontrih fil-kawża tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fid-dawl ta’ dan, il-Partit Nazzjonalista talab lill-Ministru Camilleri sabiex jiċħad jew jikkonferma dak irrappurtat, kif ukoll:

  • Jagħti r-raġuni għalfejn ingħata forced leave lil Head of Strategy tal-ħabs Svetlana Muscat;
  • X’passi oħra ttieħdu fil-konfront ta’ Svetlana Muscat, u jekk ittieħdux passi wkoll fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u/jew terzi;
  • Jekk hu minnu li saru dawn il-laqgħat, dwar xiex kienu u jekk kienx hemm xi rabta ma’ proċeduri pendenti l-Qorti jew inkella dawn il-laqgħat saru dwar raġunijiet estraeni li se jiġu investigati;
  • Xi proċedura ġiet addottata sabiex Svetlana Muscat, minn communications coordinator, ingħatat l-inkarigu ta’ Head of Strategy f’Kordin, u fl-istess ħin jipprovdi l-esperjenza u r-rekwiżiti li għandha sabiex setgħet tokkupa tali kariga.

“F’dawn il-mumenti tant delikati, il-poplu jeħtieġ li jkollu informazzjoni immedjata u ċara dwar dan l-allegazzjonijiet,” Carabott qal.

Żied jgid li huwa fl-interess tal-Ministru Camilleri li jindirizza mal-ewwel u mingħajr dewmien dawn l-allegazzjonijiet li “kapaċi jċappsu isem l-amministrazzjoni tal-ħabs f’Kordin.”

“Dawn huma sigħat delikati, li jeħtieġu risposta immedjata mill-politiku responsabbli għal dawn l-allegazzjonijiet.”

More in Politika