Azzjoni diretta fuq 204 post tax-xogħol mill-OHSA
Il-204 ordnjiet biex jitwaqqaf ix-xogħol kienu jinkludu 185 stop orders f’siti ta’ kostruzzjoni relatati ma’ riskji ta’ waqgħat mill-għoli u 19 -il stop order relatati ma’ inġinerija, minħabba nuqqas ta’ ċertifikati ta’ apparat tax-xogħol
minn Marianna Calleja
Mal-204 postijiet tax-xogħol twaqqfu milli jkomplu jaħdmu wara l-nqabdu fi ksur mill-Awtorita` u s-Sigurta` fuq il-post tax-xogħol, OHSA.
“Dawn kienu jvarjaw minn riskji serji għas-saħħa u s-sigurtà (bħal riskju minn waqgħat mill-għoli f’siti ta’ kostruzzjoni) għal nuqqas ta’ ċertifikati ta’ makkinarju tax-xogħol bħal per eżempju tower cranes, escalators, liftijiet u oħrajn,” il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riformi fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, qal lill-ILLUM.
Attard spjega kif l-uffiċjali tal-OHSA ma jagħmlux spezzjonijiet biss f’siti ta’ kostruzzjoni. “L-OHSA tirrigwardja l-postijiet tax-xogħol kollha,” żied jgħid, “fil-fatt, dawn il-204 ordnijiet biex jitwaqqaf ix-xogħol kienu jinkludu 185 stop orders f’siti ta’ kostruzzjoni relatati ma’ riskji ta’ waqgħat mill-għoli u 19 -il stop order relatati ma’ inġinerija, minħabba nuqqas ta’ ċertifikati ta’ apparat tax-xogħol.”
Id-19-il ordni kienet maqsuma fi: tliet escalators f’ċentri kummerċjali (shopping malls), tmien tower cranes f’siti ta’ kostruzzjoni, tliet lifts tal-passiġġieri f’uffiċini u ħames apparati oħra ta’ xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni.
Attard qal kmieni din il-ġimgħa illi dawn l-ordnijiet tat-twaqqif raw żieda radikali mis-sena l-oħra hekk kif fl-2023 twaqqfu biss 22 sit tax-xogħol milli jkomplu għaddejja.
Minn 2,585 spezzjoni fi 2023, għal 4,000 fl-ewwel nofs tas-sena
Fl-ewwel nofs tas-sena, 4,000 spezzjoni mill-OHSA wasslu għal 204 stop orders f’siti tax-xogħol, inkluż escalators f’ċentri kummerċjali, tower cranes, u persuni f’riskju ta’ waqgħat mill-għoli.
Is-sena l-oħra, L-OHSA, flimkien ma’ numru ta’ awtoritajiet u persuni oħra, kienet taħt skrutinju qawwi minħabba l-inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, f’sit ta’ kostruzzjoni f’Kordin fl-2022. Kienet din l-inkjesta illi, mhux biss imbuttat fuq quddiem tal-aġenda Parlamentari sett ġdid ta’ regolamenti u riforma sħiħa tas-settur, iżda waqt ir-reshuffle f’Jannar ta’ din is-sena, Attard ingħata r-responsabbilità li jassigura żvilupp fir-riforma u tibdil fil-kultura tas-settur.
Mistoqsi jekk dawn iż-żidiet fl-ordnijiet kinux riżultat ta’ żieda fl-abbuż jew żidiet sostanzjali fl-ispezzjonijiet mill-uffiċjali mqabbda, il-Ministru għall-Ġustizzja, u r-Riformi fis-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard dlonk ikkredieta lil tal-aħħar.
“Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar nies qed ikunu konxji tal-obbligi legali u d-drittijiet tagħhom fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol. Dan jgħodd kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema. Kienet bla dubju ż-żieda fl-ispezzjonijiet li wasslet għal dan in-numru ta’ stop orders,” Attard qal lill-gazzetta ILLUM.
Apparti dan, bi tħejjija għal-liġi l-ġdida, l-OHSA bdiet proċess ta’ ristrutturar intern li beda jħalli l-frott tant li fl-ewwel sitt xhur tas-sena nħarġu 260 multa meta kkumparat mat- 68 fl-2023, filwaqt li ttieħdu 618-il forma differenti ta’ azzjoni ta’ infurzar fuq il-lantijiet tax-xogħol, minn 135 meħuda s-sena li għaddiet. Dawn il-260 multa kienu jfissru €165,000.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, l-Ministru Attard semma li kien hemm ukoll żieda fl-ispezzjonijiet fejn minn 2,585 fl-2023, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena diġa twettqu 4,000 spezzjoni.
Qal li l-OHSA qed tkompli tifrex l-għeruq tagħha f’oqsma varji bħall-istabbilimenti tal-ikel, manifattura u servizzi ta’ kura tas-saħħa, u fuq kollox qed twieġeb ukoll għas-settur tal-kostruzzjoni fejn l-aħħar ċifri jindikaw li aktar min-nofs l-ispezzjonijiet saru fuq dan il-lant.
Bil-liġi l-ġdida, il-multi amministrattivi se jkunu jilħqu l-massimu ta’ €20,000. F’nuqqasijiet ta’ natura kriminali, l-azzjoni tittieħed fil-Qorti b’multa li tista’ tilħaq il-€50,000, bil-possibilta` li jittieħdu l-liċenzji kollha u sentenza ta’ sentejn ħabs.
“Rajna li jkun hemm multi u pieni li jirriflettu r-realtajiet tal-lum u jwasslu biex ikun hemm deterrent li joħloq din il-kultura ta’ responsabbilizzazzjoni,” Attard temm jgħid.
Fl-istess konferenza stampa dwar il-bidu tal-proċess tal-implimentazzjoni tal-liġi ġdida tal-OHSA, il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA, Josianne Cutajar elenkat bosta tibdiliet fosthom anke fl-iskeda t’offiżi li jwasslu għal reati kriminali, u fil-ħatra ta’ membri tat-tribunal u l-membri tal-bord tal-governanza tal-OHSA.
Qalet li l-OHSA se żżid ukoll ir-riżorsi umani tagħha li minn 30 ħaddiem se jitilgħu għal 80 s-sena d-dieħla.
“Għandna issa l-proċess ta’ sejħiet pubbliċi biex ningaġġaw nies ġodda, uffiċjali ġodda kemm professjonisti u anki esperti, kif ukoll in-nies tekniċi li jridu jmorru jagħmlu l-ispezzjonijiet,” qalet Cutaja