Ryan Fava: ‘Mhux pjaċir tagħna meta numru ta’ persuni jispiċċaw bla dawl’

Is-sħana bdiet tagħmel tagħha, u għal sajf ieħor Malta qed tesperjenza qtugħ fid-dawl, imma x’inhi l-problema? X’qed isir biex tissewwa? Tort ta’ min? Saviour Balzan jintervista l-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta fuq il-programm Xtra

KELLKOM SFIDI KBAR BĦAL DAŻ-ŻMIEN SENA. X’INHUMA L-ISFIDI F’DAWN IL-ĠIMGĦAT LI ĠEJJIN, META JKUN HEMM L-AKBAR DOMANDA GĦALL-ELETTRIKU? 

L-Enemalta wieħed jista jikkunsidraha bħala infrastruttura importanti, għax id-dawl illum il-ġurnata huwa tant kruċjali, li anke fl-appartmenti wkoll kollox jaħdem bid-dawl. Illum spiċċajna li l-appartamenti m’għadhomx jaħdmu bil-gass għax eżempju cooker dan iż-żmien ukoll sar bl-induction, jiġġifieri bid-dawl. Dak li kellna s-sena l-oħra, dawk il-ħsarat kollha li sfortuntament ħarġu, ridna nindirizzawhom b’pjan infrastrutturali aggressiv li bih nattakkaw il-problemi kollha. Biex nagħmlu dan, f’Diċembru li għadda fassalna pjan, fejn qbadna il-problemi tas-sena l-oħra u flimkien ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta għamilna dan il-pjan ta’ 70 kilometri.  

DEHER ĊAR IS-SAJF LI GĦADDA SIBNA PROBLEMI BID-DISTRIBUZZJONI, LE? 

Le, biex nispjega dan aħjar, int għandek il-ġenerazzjoni ta’ dawl li ġejja minn Delimara, illi aħna għad-domanda li għandna fil-pajjiż, għandna biżżejjed ġenerazzjoni. Jiġġifieri meta inti tikkunsidra l-inġenji konvenzjonali li għandna, fejn aħna dejjem nirreferu għalihom bħala Delimara 3 u Delimara 4, għandna wkoll interconnector, u panelli solari. Din it-taħlita, tagħtina taħlita tajba ta’ ġenarazzjoni. Dik l-enerġija timxi minn Delimara għal 27 ċentru ta’ ditribuzzjoni. Dawn iċ-ċentri jwasslu l-enerġija f’1,500 sub station, fejn hawn il-vultaġġ jinżel għal għal dak li jkun qed jasal fid-djar u n-negozji tagħna. 

Il-problema li kellna s-sena l-oħra hija fil-provvista li kienet ġejja li l-enerġija li kienet ġejja miċ-ċentri ta’ distribuzzjoni għal ġos-sub stations. 

Biex nagħti eżempju sempliċi, qisek għandek kuruna tar-rużarju u għandek dawn is-sub stations qegħdin jingħaqdu flimkien f’ċirku. X’kien qed jiġri? Li kien qed jiġri beda’ jolqot l-iktar parti dagħjfa fil-cable, u waħda mill-aktar partijiet l-aktar integrali. Inti l-cable ma jiġhiex f’tul twil ta’ kilometri, inti tixtrih u kull ftit metri trid tagħmel dik li nsejħu “l-ġonta,” biex iżżewweġ cable ma’ ieħor. Li kien qed jiġri li meta kienet għaddejja din il-provvista, bdiet tfalli din il-ħolqa. 

Meta dan ifalli, it-tekniċi tagħna setgħu jaqilbu l-provvista fuq cable ieħor u allura dik is-sub station tingħata provvista minn ċentru ieħor. Iżda hawn ukoll bdiet tfalli l-ġonta għal darba oħra. 

DIN IL-ĠONTA BDIET TFALLI GĦAX SARET TA’ MALAJR, JEW KIEN GĦADDA ŻMIEN MINN FUQHA? 

M’għandha l-ebda storja li turi li għax cable hu antik huwa cable ħażin, mhux il-każ. Għandna cables li għaddew minn fuqhom is-snin, tmur taħdem fuqhom u ssibhom safjin u tajbin. Anke it-tekniċi tagħna, nibatuhom għand l-aqwa kumpanija li tipprovdi l-aqwa materjal għal ġonta, fil-Ġermanja. u jinatgħu tħarriġ hemm. Il-problema li kien qed ikollna li minħabba li din l-iktar biċċa sensittiva tal-cables, kien qed jiġi kkawżat xi ħsara fiha. 

IMMA DAN IFISSER ALLURA LI L-MANUTENZJONI MA KIENX QED ISSIR? 

Qed nużaw cables ta’ rating għoli, ta’ insulation tajba ħafna, u l-materjal qed inġibu kemm copper u aluminium. Ma jfissirx li ma hemmx manutennzjoni, manutenzjoni għaddejja l-ħin kollu.  

Is-sena l-oħra marru 80 ġonta ġol 15,000 ġonta li għandna. Meta tikkunsidra l-persentaġġ, jiġi inqas minn 1%, imma dan beda’ jħalli numru ta’ sub stations vojta.  

Għalhekk ridna nbiddlu s-sistema li naħdmu biha, u hemm fejn bdejna naħdmu bil-‘webbing system.’ Din is-sistema minflok inżommu d-distribuzzjoni bħal ċurkett, bdejna wkoll insallbu biex ikollok cable ieħor fuq xix teqleb. 

TKABBIR EKONOMIKU KBIR, LI MA BAQGĦAX BISS FUQ IL-KARTA GĦAX SAR TKABBIR REALI. AKTAR BINI, AKTAR APPPARTAMENTI, AKTAR NIES, KWAŻI RĦULA ĠODDA. TAĦSEB LI WASAL IŻ-ŻMIEN LI NIBDEW NDURU L-EFFETTI LI QED TĦALLI “L-VIŻJONI” FUQ L-INFRASTRUTTURA TAL-ELETRIKU? 

L-infrastruttura hija xi ħaġa ħajja, ma jfissirx li dak li għamilt ilbieraħ hu tajjeb għal għada. Mal-iżvilupp trid tirranġa u ttejjeb l-infrastruttura tiegħek. Dan bħal meta jkollok dar, u tagħmel estenzjoni tagħha. Ma jfissirx li trid tbiddel il-cables kollha, iżda żżid ma dak li għandek. Dan hu li nagħmlu aħna. 

Apparti tkabbir ekonomiku, aħna s-sena l-oħra rajna żieda kbira fil-load. Fejn qabel kien ikun hemm żieda ta’ 3.5% fuq il-load, is-sena l-oħra anke bis-sħana rajna żieda ta’ 14%. Dik iż-żieda sfortunatament waslet għas-sitwazzjoni li konna qegħdin fiha. Li rajna s-sena l-oħra kien prevvist li narawh fit-2028, allura bla dubju kellna niddefsu u nagħmlu xi ħaġa. 

L-ENEMALTA HAWN GĦAŻLET LI TIXTRI ŻEWĠ GENERATORS TEMPORANJI, LI QAJMU FTIT MHUX ĦAŻIN KONTROVERSJA. GĦALFEJN GĦAMILTUHOM DAWN U BDEJTU TUŻAWHOM DIĠÀ? 

Meta ħadna din id-deċiżjoni... kif diġà għidt aħna għandna biżżejjed ġenerazzjoni ta’ dawk, imma jekk alla ħares qatt ifalli wieħed mill-impjanti waqt żmien li l-aktar għandek bżonn ġenerazzjoni, inti qed tissagrifika li tħalli numru ta’ konsumaturi bla dawl. Allura meta rajna l-agħar sitwazzjoni li jista jkollna, iddeċidejna li ninvestu f’ġenerazzjoni temporanja, sakemm jitlesta l-bini tat-tieni interconnector. Dan huwa prevvist li jitlesta fl-aħħar ta’ 2026, jew il-bidu ta’ 2027. Bħalissa qed nistennew li jaslu, u jiġu installati f’Delimara, lesti għal dak li jista jinqala. 

GĦANDNA SITWAZZJONI FEJN IL-ĦIN KOLLU NITKELLMU FUQ KIF MA NEĦLUX L-ENERĠIJA, IMMA FL-ISTESS ĦIN TRIDU INTHOM TRIDU TBIEGĦU L-ELETTRIKU, INKELLA MHUX SE TAGĦMLU QLIEGĦ, MHUX HEKK? KIF ISSIB IL-BILANĊ BEJN IT-TNEJN? 

L-Enemalta qegħda hemm biex tagħti l-provvista tad-dawl, mhux qegħda hemm biex tgħidlek “tużax dan, imma uża dan.” L-Enemalta qed tipprovdilek il-provvista tad-dawl, imma mhux pjaċir tagħna meta numru ta’ konsumaturi jispiċċaw bla dawl. 

L-infrastruttura mhux il-cables biss, l-istazzjonijiet ukoll jagħmlu effett. Bħalissa qed nanalizzaw it-tenders għaċ-ċentri fis-Siġġiewi u n-Naxxar biex intejbu d-distribuzzjoni. Qed nitolbu wkoll li jekk qabel dar li issa saret appartamenti, isiru aktar sub stations. 

Iva vera li iktar kemm jiġi kkunsmat enerġija, ovvjament iktar ikollha profitt l-Enemalta. Imma nafu wkoll li l-Enemalta qegħda hemm biex tissuplixxi d-dawl waqt tmur oltre minn dak li l-Gvern ikun iddeċieda li jagħmel għal poplu. Eżempju bħalissa hemm l-għajnuna mill-Gvern biex l-Enemalta ma tagħmilx telf. Il-pożizzjoni tal-Enemalta hija dik. 

KEMM QEGĦDIN ‘IL BOGĦOD BIEX NILĦQU IL-MIRI, IL-PERSENTAĠĠ, TA’ ENERĠIJA RINOVABBLI MITLUB MILL-PAJJIŻ? 

L-Enemalta tixtri enerġija rinovabbli, bħalissa nixtru madwar 10%. Bħalissa 70% hija enerġija lokali, 20% qed nieħdu mill-interconnector u 10% li qed nieħdu minn panelli solari. 

Illum qed nilħqu 240mw ta’ panelli installati, li minnhom nieħdu madwar 160mw. Bla dubju meta inti qed tkabbar, fejn ukoll qed tingħata għajnuna mir-regolatur biex isiru aktar solar farms, panelli, etc, dawn se jkunu sorsi alternattivi tajbin biex l-Enemalta jkollha diversità li tista tuża b’mod aktar tajjeb. Pero’ mal-panelli solari, biex tieħu l-benefiċju tagħhom, irid ikollok fejn taħżen l-enerġija, u wara tuża fil-ħinijiet li verament għandek bżonn. Fis-7pm mhux se jkollok il-panelli li jtuk id-dawl, imma enerġija mill-interconnector jew lokali li ttik d-dawl. 

WAĦDA MILL-AKTAR AFFARIJIET LI JSIR ILMENT DWARHA MIN-NIES HIJA D-DESKREPANZI FIL-VULTAĠĠ. GĦALFEJN JIĠRI DAN, U X’QED TAGĦMLU BIEX TNAQQSU L-IMPATT? 

Parti mill-pjan li kellna għal sitt snin, huwa li jsiru 40 sub station fis-sena. Din is-sena parti mix-xogħol li qed nagħmlu għal cables taħt l-art, għandna fis-seħħ li tkunu installajna 68 sub station. Hekk inkunu qbiżna sew in-norma ta’ dak li kellna mfassal. Tkun sub station li tkun qed tirregola  l-voltaġġ biex kulħadd jieħu voltaġġ. 

Bħalissa qed ninstallaw ukoll voltage regulators. Dawn qed ninstallawhom fejn il-voltaġġ mhux ikun inqas jew aktar b’10% tal-voltaġġi normali.  

DIN IL-PROBLEMA, GĦANDKOM DEADLINE META SE TIĠI SOLVUTA? 

Fl-opinjoni tiegħi qegħdin kif suppost, il-kolleggi tekniċi ddentifikaw fejn qed ikollna dawn il-problemi, u dawn qed jiġu solvuti.   

LESTI BIEX DAK LI ĠARA S-SENA L-OĦRA MA JIĠHIEX REPETUT? 

Li nista ngħid li dawn il-ħames xhur, kienu ħames xhur impenjattivi ħafna għal ħaddiema kollha tal-Enemalta. Jien ma nistax ninsihom li dawn il-ħaddiema. Ngħid ukoll li l-chemistry bejn Enemalta, Infrastructure Malta u Transport Malta, ħadmet għax fl-aħħar ħames xhur lestejna pjan ta’ 22km madwar Malta u Għawdex. L-ewwel li kkonċentrajna fuqhom kienu ż-żoni li l-aktar kellhom problemi s-sena l-oħra. Mhux pjaċir ta’ ħadd li jkollna dan il-qtugħ. Garanzija ma nista nagħti qatt, imma bħal ma għamilna f’dawn iż-żoni, nkomplu nindirizzaw f’żoni oħra. 

Din l-intervista ġiet imxandra fuq l-istazzjon nazzjonali nhar it-Tnejn 15 ta’ Lulju, fuq il-programm Xtra

 

 

More in Politika