ADPD jitolbu l-ħelsien ta’ spazji pubbliċi minn siġġijiet, imwejjed, umbrelel u sunbeds

Il-Partit tal-Ħodor isejjaħ għal politika li 'tħares l-ewwel l-interessi taċ-ċittadini'

Minkejja l-wegħdiet ta’ wara l-elezzjonijiet, il-problema ta’ spazji pubbliċi kkapparati minn entitajiet kummerċjali kompliet tikber, il-Partit tal-Ħodor qal is-Sibt waranofsinhar.

Huma sejħu għal politika li tħares l-interessi taċ-ċittadini l-ewwel - people-friendly u mhux business-friendly.

“Il-bluff ta’ Abela jidher ċar mill-fatt li wara li qal dan il-kliem, mhux talli ċertu llegalitajiet li nbnew reċentement ġew sanzjonati iżda komplew jiżdiedu l-platforms għall-imwejjed u bqajna naraw l-ispazji pubbliċi dejjem jittieklu u jonqsu,” iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci qalet.

Hi fakkret li wara r-riżultat tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-Prim Ministru Abela ammetta li waħda mill-affarijiet li ried jaħdem fuqha hi li jkun hemm bilanċ bejn imwejjed u siġġijiet, u spazji pubbliċi. Żiedet mal-lista d-deckchairs u l-umbrelel li skont hi f’post bħal San Pawl il-Baħar ukoll jikkapparraw spazji pubbliċi.

“Filwaqt li dawn l-istabillimenti qed jingħataw permessi minn entitajiet governattivi, irridu naraw li l-permessi jikkonformaw mal-liġi, li qegħda hemm biex tħares lil kulħadd, mhux biss lin-nies tan-negozju,” kompliet tgħid Gaui.

Qalet illi li jkollok permess ma jfissirx li qiegħed ttirrispetta l-liġi anzi “dan huwa nuqqas min-naħa tal-gvern li aktar lest li jingħoġob man-negozjanti, iktar milli jara li l-liġijiet tal-pajjiż jiġu rispettati.”

“X’tiswa liġi jekk il-gvern stess ma jobdihiex u ma jinfurzahiex jew jibgħat messaġġi konfliġġenti fejn l-entitajiet tiegħu stess jagħtu permessi fejn il-liġi hi ċara li permess ma jistax jinħareġ?”

Qalet li l-gvern hu komdu jgħid ħaġa u jagħmel eżatt bil-maqlub u huwa dan li jżid ir-rabja tar-residenti. Huwa għalhekk ir-residenti qed jingħaqdu bejniethom, skont hi, għax min imexxi qiegħed b’mod ċar jinjora l-bżonnijiet u d-drittijiet tagħhom biex ipaxxi lil xi erba’ pampaluni.

Qiegħed semmiet bħala eżempju l-pjazza f’San Pawl il-Baħar u l-kosta tal-madwar.

“Irridu niddeċiedu eżatt x’direzzjoni se nagħtu lill-pajjiz. Irridu naraw li l-ispazji pubbliċi tassew jitkattru u jiġu ppreservati,” Gauci temmet tgħid.

L-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi tal-ADPD, Brian Decelis qal li s-sitwazzjoni fejn art pubblika tiitieħed minn stabbilimenti tal-ikel u divertiment biex jestendu l-attivita’ kummerċjali tagħhom ilha tikber is-snin. Imma din iggravat speċjalment minn żmien il-Covid fejn ħafna konċessjonijiet temporanji spiċċaw permanenti u anke estiżi bil-barka tal-awtoritajiet.

“F’dawn l-aħħar xhur ingħaqadna ma’ residenti f’diversi lokalitijiet, mill-Belt Valletta sar-Rabat Għawdex fejn ipprotestajna kontra t-teħid ta’ spazju esaġerat minn imwejjed u siġġijiet li qegħdin joħonqu l-ispazji pubbliċi tagħna. Ippruvajna nimxu bejn ix-xatt tal-Gżira u Tignè u bilkemm jirnexxielek tagħmel dan. Din il-problema qegħda tinfirex ukoll f’lokalitijiet oħra bħal Marsaskala fejn il-bankini qegħdin jiġu maħnuqa b’numru dejjem jiżdied ta’ mwejjed u siġġijiet.”

Huwa qal li l-bajjiet Maltin għandhom ukoll il-problema ta’ umbrelel u sunbeds li jieħdu partitijiet sostanzjali minn dawn l-istess żoni. Anke fejn hemm permessi eżistenti, dawn jitħallew jestendu lilhinn minn dawk li jkollhom awtorizzat, u dan bil-barka tal-awtoritajiet li jagħlqu għajnejhom taħt skuża jew oħra għal dawn il-ħniżrijiet.

L-ADPD ssejjaħ biex kull żvilupp konness mal-ispazji pubbliċi fil-lokalitajiet Maltin isir b’konsultazzjoni vera mar-residenti għaliex l-art pubblika għandha sservi l-ħtiġijiet tan-nies qabel dawk tan-negozji.

“Hemm bżonn ta’ politika people-friendly, mhux business-friendly”, temm jgħid Decelis.

 

 

More in Politika