Uffiċjali għolja tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) iħossuhom pupazzi ta’ Kastilja. Dan intqal mal-ILLUM, wara li attivisti mill-għaqdiet ambjentali pprotestaw quddiem Kastilja dwar kif il-Gvern ta’ Robert Abela qed jinjora d-deċiżjoni tal-Qorti dwar permess inkluż l-iżvilupp bla permess mill-megażviluppatur Joseph Portelli.
AQRA WKOLL: Attivisti jikkritikaw is-sanzjonar ta' bini illegali mill-PA minkejja deċiżjonijiet tal-Qorti
Fil-frattemp, il-gazzetta tkellmet ma’ uffiċjali għolja mill-Awtorità tal-ippjanar dwar “indħil kontinwu mill-Gvern.”
“Ma tistgħux timmaġinaw kemm hemm indħil minn Kastilja anke fuq permessi żgħar, sirna pupazz. Morna lura għaż-żminijiet ta’ kontroll politiku. Ħadd qisu ma qed jinduna li l-Gvern biegħ ruħu totalment lil żviluppaturi,” huma qalu.
Fil-każ tal-gvern, Ministri li tkellmu mal-gazzetta oħt, MaltaToday, qalu li qabel l-affarijiet kienu jsiru b’iktar galbu, illum ħafna jiġu mwiegħda affarijiet li teknikament u skont il-policy mhux possibbli.
“Ara x’ġara b’din ir-riforma dwar meta permess li jkun taħt appell ma jkunx jista’ jsir kostruzzjoni jew xogħol, sena ilu Robert Abela ħareġ tweet fejn qal li se tibda l-konsultazzjoni, kollox kien lest ... imma bħas soltu nafu x’ġara. Xejn!”
Is-sors qrib il-kabinett kompla jgħid li wara li għadda dak iż-żmien kollu saru jafu “li se jitressaq quddiem il-kabinett imma mhux qabel ma jiġu konklużi erba’ proġetti illegali.”
“Ara Joe Portelli, l-impressjoni li jagħmel li jrid mhux ’il bogħod mill-verità, u lanqas hu ’l bogħod mill-verità dak kollu li jrid jieħdu mill-Gvern. Il-paroli kollu li se nkunu aktar viċin it-tħassib tan-nies huwa biss paroli fil-vojt.”