Fl-ewwel kummenti tiegħu lil dan is-sit wara l-aħħar żviluppi fil-każ ta' qtil ta' immigrant, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar żvela kif is-suldati li issa ġew arrestati u li mistennijin jitressqu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin, ma kinux ilhom ħafna fil-Forzi Armati ta' Malta. Fil-fatt huwa mifhum li l-akkużati huma żgħażagħ. Iż-żewġ suldati inkwistjoni se jkunu akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleyman li seħħ nhar is-16 ta' April li għadda, meta dawn it-tnejn allegatament sparaw fuq immigranti minn ġo karozza.
Cutajar sostna li "l-investigazzjonijiet ilhom għaddejjin b'mod intensiv mill-ewwel ġurnata u dan is-suċċess wasal grazzi għall-kordinazzjoni li qiegħda dejjem tikber bejn it-taqsimiet speċjalizzati flimkien mal-Pulizija tad-distrett biex Malta tkun stat aktar sigur."
L-akkużati mistennijin jittellgħu l-Qorti fis-sigħat li ġejjin, illejla jew inkella f'xi ħin għada.