Dun Ġużepp Sultana jitpoġġa taħt att ta' akkuża; Se jkunu investigati l-messaġġi fuq il-mowbajl tiegħu
L-Isqof Teuma, Andrew Azzopardi mis-Safeguarding Commission u saċerdoti Għawdxin jixhdu fil-każ ta' Dun Ġużepp Sultana
minn Yendrick Cioffi
Dalgħodu kompla jinstema' l-każ kontra Dun Ġużepp Sultana ta’ 84 sena.
Sultana qed ikun akkużat li abbuża sesswalment abbati meta dan kellu madwar tmien snin. Il-każ allegatament seħħ bejn l-2003 u l-2005.
Fost oħrajn, xehdu l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma, l-eks Arċipriet tax-Xagħra Monsinjur Ewkarist Sultana u l-Arċipriet preżenti Monsinjur Carmelo Refalo.
Xehed ukoll Fr. Dominic Sultana, wieħed mill-qassisin li l-vittma fetaħ qalbu miegħu dwar l-abbuż u anke Andrew Azzopardi li jmexxi l-Kummissjoni tal-Knisja għall-Ħarsien tat-Tfal u l-Vulnerabbli, liema Kummissjoni għaddiet dan il-każ f'idejn il-Pulizija.
Dun Ġużepp ġie arrestat il-ġimgħa li għaddiet flimkien ma' Dun Ġużepp Cini li qed ikun akkużat bi stupru tal-istess vittma.
Ikompli l-każ kontra Dun Ġużepp Sultana
L-ewwel li ddaħħal fl-awla huwa Dun Ġużepp Sultana, hekk kif iż-żewġ saċerdoti tressqu separatament.
Id-Difiża għamlet talba lill-Qorti biex il-każ jinstema' wara l-bibien magħluqa. L-Avukata qed tilmenta għax, fi kliemha, hemm attenzjoni kbira fuq dan il-każ u għax fl-aħħar seduta x-xhieda tal-allegat vittma kienet kważi kważi rrappurtata kelma b'kelma.
Il-prosekuzzjoni saħqet li dan huwa normali li jseħħ u fil-fatt il-Qorti ma laqgħetx it-talba tagħha.
Madanakollu d-difiża reġgħet talbet biex il-Qorti tordna lill-midja biex tirrapporta biss wara li tkun intemmet is-seduta, biex ix-xhieda ma jkunux jistgħu jaqraw dak li qed jintqal minn xhieda oħra qabilhom.
Il-Qorti ma tilqax lanqas din it-talba.
Jixhed l-eks Arċipriet tax-Xagħra ... jgħid li l-vittma ma kienx abbati fi żmienu
L-ewwel xhud illum huwa Monsinjur Ewkarist Sultana. Huwa kien Arċipriet tax-Xagħra għal aktar minn 30 sena, bejn l-1973 u l-2004.
Dan ifisser li hu kien l-Arċipriet fi żmien li seħħew l-allegati abbużi.
Monsinjur Sultana jispjega kif ilu snin jaf lil Dun Ġużepp Sultana, anke għax kienu jistudjaw flimkien.
Mistoqsi jekk jafx lill-vittma, l-eks Arċipriet ikkonferma li jafu u li kien hu stess li għammdu.
"Ma kienx abbati fi żmien li jien kont Arċipriet," insista.
Ikkonferma wkoll li kien ikunhemm roster għall-abbatini, biex kull abbati jieħu ħsieb quddiesa tal-Ħadd.
Qal li din kienet issir minn abbati stess.
Jixhed Andrew Azzopardi li jmexxi s-Safeguarding Commission
Ix-xhud li jmiss huwa Andrew Azzopardi li jmexxi s-Safeguarding Commission, li hija kummissjoni interdjoċesana, jiġifieri kemm għall-Arċidjoċesi ta' Malta u anke għad-Djoċesi Għawdxija.
Kienet din il-Kummissjoni li għaddiet il-każ quddiem il-Pulizija.
Azzopardi jgħid li hu jaf lil Dun Ġużepp Sultana u jikkonferma li kien hu li rrapporta dan il-każ lill-Pulizija.
"Irċevejt telefonata fis-17 ta' Awwissu 2020. Kont qiegħed Għawdex. Iltqajt mal-vittma u qalli dak li kien seħħ meta kellu tmienja jew disa' snin," spjega.
Azzopardi qal li l-vittma qallu li Sultana kien abbużah f'konfessinarju u anke f'kamra oħra.
"Hu ma xtaqx jirrapporta l-każ lill-Pulizija imma kien imħasseb li Sultana kien f'kuntatt ma' aktar tfal," spjega. "Imbagħad qabel li l-każ ikun irrapportat lill-Pulizija, mingħajr ma jinkixef ismu."
Sultana jiċħad kategorikament
Azzopardi qal li wara dan, kien irrakkomanda restrizzjonijiet fuq il-ministeru pastorali ta' Dun Ġużepp Sultana. Fil-fatt kien tkellem mal-Isqof Mario Grech (li dak iż-żmien kien Amministratur Appostoliku għal Għawdex) u Anton Teuma (li dak iż-żmien kien l-Isqof-elett).
L-għada kien irrapporta l-każ lill-Pulizija.
Insista li hu, flimkien mal-Pulizija, kienu interrogaw lil Sultana f'Ottubru.
"Sultana ċaħad kategorikament u insista li qatt ma abbuża lil ħadd," kompla jixhed.
Sultana jgħid li ma jafx lill-vittma
Azzopardi qal li hu ma kellux il-permess tal-vittma biex jikxef ismu.
Insista li kien reġa' tkellem miegħu f'Ottubru u staqsih jekk jistax isemmi ismu u jekk iridx li jirrapporta lill-Pulizija u kien hawn li qabel.
Azzopardi notes that he did not have the victim’s permission to mention his name to the accused.
Fil-fatt, ir-rapport sar fid-29 ta' Ottubru u l-għada ltaqa' ma' Dun Ġużepp Sultana u l-avukat tiegħu.
Azzopardi saħaq li Sultana qallu li ma jiftakarx min kien il-vittma u ċaħad li qatt għamillu xi ħaġa meta kien iżgħar.
Ittra legali
Azzopardi qal li hu kien wissa lil Dun Ġużepp Sultana biex ma jagħmilx kuntatt mal-vittma jew il-familja tiegħu, imma aktar tard sar jaf li Sultana kien bagħat ittra legali lill-vittma.
Insista li hu kien talab lill-avukat biex jirtira l-ittra għax, fi kliemu, ma kinitx se tagħmel ġid, la lill-istess Sultana u lanqas lill-Knisja.
"Ma kinux jafu li kien hemm każ kriminali, imma kienu jafu li f'każi bħal dawn dejjem immorru għand il-Pulizija," insista.
Nhar id-19 ta' Jannar, il-vittma mar id-Depot, flimkien ma' Azzopardi u ppreżenta rapport ta' erba' paġni bid-dettalji tal-allegat abbuż.
Jixhed l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma; Iltaqa' mal-vittma 19-il darba
Jibda jixhed l-Isqof ta' Għawdex Anton Teuma. Qal li kienu l-ġenituri tal-vittma li talbuh l-għajnuna bħala counsellor.
Teuma qal li tkellem mal-vittma minħabba problemi li kien qed ikollu mal-ġenituri, ma' sħabu u anke fuq il-post tax-xogtħol.
"Kien hemm problemi emozzjonali u ta' mġieba," qal l-Isqof. "Kellu problemi ta' mġieba u self-esteem baxx."
Qal li ltaqa' mal-vittma 19-il darba iżda saħaq li f'dawn is-sessjonijiet qatt ma qallu l-istorja kollha kif qed tinstema' bħalissa.
L-Isqof qal li kien jipprova jikkonvinċi lill-vittma biex jirrapporta l-abbuż.
"Imbagħad sirt Isqof ta' Għawdex u kelli nirrapporta l-każ jiena stess. Meta ġie għandi, kont għidtlu li rridu nipproċedu. Imma baqa' jirrifjuta li jagħmel dan," saħaq l-Isqof Teuma. Dan kien f'Lulju.
Qal li kien talbu jikteb ittra li fiha jgħid li ma xtaqx jirrapporta l-każ. Kien fit-8 ta' Awwissu li l-vittma qallu li jrid jipproċedi.
"Kont kuntent għax ma flaħtx nerfa' aktar dan il-piż waħdi," xehed l-Isqof Teuma. "Bgħattu għand is-safeguarding commission u kompla miegħu Fr Dominic."
L-Isqof Teuma kellem lil Dun Ġużepp fis-17 ta' Awwissu
Teuma qal li kien tkellem ma' Dun Ġużepp fis-27 ta' Awwissu.
Dakinhar kien infurmah bir-rakkomandazzjoni biex jillimita l-ministeru pastorali tiegħu.
Qal li ma kienx iddiskuta l-każ miegħu.
L-ewwel darba li l-vittma semma l-abbuż kien f'Settembru 2019
Teuma qal li kien jieħu nota tas-sessjonijiet li kien ikollu mal-vittma.
Qal li l-vittma semma l-ewwel darba l-abbuż fis-sitt sessjoni li kellhom flimkien, jiġifieri f'Settembru 2019.
L-Isqof Teuma jtemm hawn ix-xhieda tiegħu iżda mistenni jerġa' jixhed aktar tard meta jkompli l-każ kontra Dun Ġużepp Cini.
Jixhed Fr Dominic Sultana li kien isegwi lill-vittma
Fr Dominic Sultana huwa x-xhud li jmiss. Jikkonferma li jaf lill-vittma għax kien parti minn grupp komunitarju terapewtiku magħruf bħala iċ-cenacolo.
Spjega kif dawn il-gruppi huma mmirati għal dawk iż-żgħażagħ li jkunu tilfu t-triq fil-ħajja tagħhom u jkollhom bżonn direzzjoni.
Fr Dominic jgħid li dawn il-korsijiet ilhom għaddejja mill-1980 u għamlu suċċess kbir.
Isemmi għall-ewwel darba l-abbuż...
Fr Dominic qal li l-ġenituri tal-vittma kienu marru jkellmuh f'Lulju għax ma xtaqx jibqa' parti mill-grupp.
"Iltqajt miegħu l-ewwel darba fil-21 ta' Lulju. Semma abbuż. Waqqaftu u qrajtu l-policy tal-Knisja għax ma kienx qiegħed iqerr," spjega s-saċerdot.
"Għidtlu biex immur għand is-safeguarding commission u tajtu n-numru ta' Andrew Azzopardi. Il-vittma qal li ma jridx li l-każ jispiċċa għand il-Pulizija u jixxandar ismu," kompla jixhed.
Xehed li l-vittma kellu bżonn trattament psikoloġiku u fil-fatt kien iddeċieda li jerġa' lura għall-grupp.
Jixhed l-Arċipriet tax-Xagħra, Monsinjur Carmelo Refalo
Ix-xhud li jmiss huwa l-Arċipriet tax-Xagħra, Monsinjur Carmelo Refalo. Huwa ilu mill-2005 jmexxi din il-parroċċa.
Huwa kien mitlub jiddeskrivi s-sagristija tax-Xagħra, il-post fejn allegatament seħħ l-abbuż.
Iddeskriviha bħala kamra kbira li tinkludi speċi ta' sala u kamra oħra bil-ħġieġ
Qal li din l-istess kamra kienet irranġata fl-2010 biex isservi bħala konfessinarju.
Insista li s-sala wkoll għandha konfessinarju.
Kompla jixhed kif is-sala ma tantx tintuża u dejjem tkun imsakkra.
L-Arċipriet jintalab jippreżenta r-rosters tal-abbatini
L-Arċipriet intalab jippreżenta r-rekords tal-abbatini kollha u anke r-rosters għall-perjodu 2003 sal-2005.
Ix-xhieda tiegħu ġiet sospiża sas-smigħ li jmiss, meta l-Arċipriet mistenni jġib miegħu din l-informazzjoni mitluba mill-Qorti.
Se jkun eżaminat il-mowbajl ta' Dun Ġużepp Sultana
Intant, il-Prosekuzzjoni ppreżentat fil-Qorti l-mowbajl, Nokia, ta' Dun Ġużepp Sultana. Id-Difiża oġġezzjonat għall-analiżi tal-mowbajl, għax fi kliemha, dan mhux relevanti għall-każ.
Madanakollu, il-Qorti tat il-permess lill-prosekuzzjoni biex tinvestiga l-messaġġi li jinsabu fuq il-mowbajl.
Id-Difiża talbet mill-ġdid il-ħelsien mill-arrest ta' Dun Ġużepp Sultana peress li ttellgħu jixhdu x-xhieda kollha.
Il-Qorti talbet lid-Difiża biex tippreżenta din it-talba lill-Qorti.
Dun Ġużepp Sultana jitpoġġa taħt att ta' akkuża
Hekk kif tressqu l-Qorti x-xhieda kollha, il-Qorti qalet li hemm biżżejjed evidenza biex toħroġ att ta' akkuża fil-konfront ta' Dun Ġużepp Sultana.
Fi kliem sempliċi, dan huwa dokument legali li jakkuża persuna b'att kriminali u għalhekk l-istess persuna tkun tista' tgħaddi ġuri.
Il-każ kontrih ikompli fit-8 ta' Marzu.
Aqra aktar dak li xehed il-vittma l-ġimgħa li għaddiet: