Stupraha, abbużaha, ħadilha filmat ... U weħel tmien snin ħabs
Raġel ta' 48 sena jeħel tmien snin ħabs wara li stupra mara li kellu relazzjoni magħha
minn Nirayl Grech
Il-Qorti ordnat sentenza ta’ tmien snin ħabs lil raġel mill-Furjana wara li sabitu ħati li stupra u attakka b’mod vjolenti mara li riedet ittemm ir-relazzjoni sigrieta u abbużiva tagħhom.
Ir-raġel ta’ 48 sena kien ġie mixli f’Settembru 2017, wara li l-vittma tiegħu marret għand il-pulizija.
Hu u l-vittma kienu bdew relazzjoni sesswali sigrieta, minkejja li t-tnejn kienu f'relazzjonijiet ma' nies oħra. Huma kienu jiltaqgħu fl-uffiċċju tiegħu tal-Belt Valletta matul il-ġurnata għal madwar disa’ xhur. Meta l-mara riedet ittemm ir-relazzjoni tagħhom, huwa kien hedded li jinforma lis-sieħeb tagħha dwar r-relazzjoni sesswali tagħhom, li kien ukoll iffilmja bil-moħbi tagħha.
Il-vittma kienet saret taf li ġew irreġistrati sessjonijiet meta ntbagħtu ritratti kompromettenti tagħha lil oħtha. Hija kienet qatgħet kull kuntatt mal-akkużat u kienet biddlet in-numru tal-mowbajl tagħha f'Awwissu 2017, iżda hu kien kompla jagħtiha fastidju u bagħtilha emails fuq l-indirizz tal-email tax-xogħol tagħha.
L-Ispetturi John Spiteri u Jeffrey Scicluna, li mexxew il-Prosekuzzjoni, qalu lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li waqt l-investigazzjonijiet il-pulizija sabu filmati li juru l-mara tibki u tgħid lir-raġel biex jieqaf. Dan wassalhom biex jittrattaw il-każ bħala stupru u mhux vendetta ta’ porn, il-Qorti semgħet.
L-Ispetturi qalu li l-vittma, li isimha ma jistax jiġi ppubblikat b’ordni tal-Qorti, qalet li ma kinitx taf li kienet qed tiġi ffilmjata. Hija kienet qalet lil-pulizija li l-akkużat kien qed jhedded li ser jiżvela r-relazzjoni sigrieta mas-sieħeb tagħha. Huwa kien juża dan biex iġiegħlha tagħmel is-sess miegħu, qalet.
Hu kien interrogat mill-pulizija, li sabu filmati fuq il-hard disk tiegħu li juru li l-mara b’mod ċar kienet skomda u li xi drabi kienet se tinfaqa’ tibki waqt l-attivitajiet sesswali. Il-filmati urew biċ-ċar li tgħid li hi ma riditx tagħmel sess miegħu u kienet qed tagħmel dan biss għax kien qed jhedded li jgħid lis-sieħeb tagħha.
Il-Qorti nnutat ukoll li fuq il-hard disk kien hemm filmati tal-akkużat ma’ nisa oħra, kategorizzati skont l-isem.
L-investigazzjonijiet urew li l-filmati u r-ritratti bejnu u l-vittma kienu ntbagħtu lil oħt il-vittma minn profil falz imwaqqaf mis-sieħba tal-akkużat wara li kienet skopriet bir-relazzjoni.
L-ispettur John Spiteri, qal lill-Qorti li l-filmati urew li l-kamera kienet imwaħħla f’post moħbi fl-uffiċċju tiegħu f'Vincenti Buildings. Spiteri xehed li l-vittma tinstema’ tibki u tgħid lill-istupratur tagħha li ma kinitx qed tgawdi l-att ma’ xulxin imma hu baqa’ jagħmel is-sess magħha.
Il-vittma kienet xehdet u qalet lill-Qorti li kienet iltaqgħet miegħu fuq Facebook f’Lulju 2016 u wara ltaqgħet miegħu għal kafè. Żviluppat relazzjoni intima kunsenswali, iżda madwar xahar mir-relazzjoni tagħhom, huwa sar dejjem "ossessjonat u invażiv."
F'okkażjoni minnhom, meta ma setgħetx twieġeb it-telefonati u l-messaġġi tiegħu minħabba problemi ta' reception, huwa kien bagħtilha messaġġ "Int mhux talli ma tkunx miegħi, talli ma' tkun ma' 'ħadd." Minn hemm 'il quddiem, waslu sensiela ta' theddid, bih iwissi li se jeqridha u li se jkun "l-iktar bniedem diżgustanti u salvaġġ fid-dinja." Aktar tard huwa hedded ukoll li joqtol lilu nnifsu jekk hi kellha ttemm ir-relazzjoni.
Il-Qorti nnutat li ċerti filmati wrew l-imġieba tal-agressur bħala, "l-iktar krudili” waqt li kien qed jistupra lill-vittma, li kienet tibki u titolbu biex ma jibqaxgħaddej b’dan l-att sesswali. "Xejn ma kien se jwaqqfu milli jissodisfa lilu nnifsu għas-spejjeż tagħha!" osservat l-Qorti, li kompliet tiddeskrivi l-atti bħala "kodardi" u "pervertiti."
Xhieda esperti qalu lill-Qorti li l-vittma issa ssofri minn PTSD u għadd ta' problemi psikoloġiċi u emozzjonali oħra bħala riżultat dirett tal-istupru kontinwu.
Il-filmati tar-raġel kienu huma stess l-aħjar evidenza kontrih, innutat il-Qorti, u ddeċidiet li s-soċjetà kellha tkun protetta mill-ossessjonijiet perikolużi tiegħu, "li rrendew mara skjava tal-bżonnijiet sesswali tiegħu."
"Fl-opinjoni tal-Qorti, l-azzjonijiet mwettqa’ mill-akkużat u l-imġieba kriminali tiegħu juru biċ-ċar li sakemm jasal il-jum li l-akkużat ikun verament riabilitat, il-post tiegħu ċertament mhuwiex fis-soċjetà."
“Fiċ-ċirkostanzi u id-dawl tal-evidenza , l-akkużat għandu jkun il-ħabs. Matul dan iż-żmien fil-ħabs, huwa mistenni li jieħu t-trattament u t-terapija kollha disponibbli biex jindirizza l-impulsività tiegħu, speċjalment ma' persuni li huwa intimu magħhom. Huwa biss b'dan il-mod li nisa oħra li jistgħu jiġbdu l-attenzjoni tiegħu fil-futur ikunu verament protetti minn predatur sesswali ta' din in-natura. "
Hu ingħatatlu sentenza ta’ ħabs ta' tmien snin u tpoġġa taħt Ordni ta’ Trattament ta’ tlett snin. Ġiet imposta wkoll ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin li tipprojbixxih milli jersaq lejn il-vittma jew il-familja tagħha.
Il-Qorti projbixxiet il-pubblikazzjoni tal-isem tal-vittma u l-partner tal-akkużat fuq il-midja kollha.