Il-Qorti tal-Appell bidlet id-deċiżjoni ta’ ħelsien kundizzjonali li ingħatat lil raġel minn Għawdex is-sena l-oħra wara li dan uża ħadida jew injama tal-baseball sabiex ikkawża ġrieħi severi lil persuna oħra waqt argument fit-traffiku. Minflok, ingħatat sentenza sospiża.
Ir-raġel ta’ 38 sena kien oriġinarjament ingħata l-ħelsien kundizzjonali għal tliet snin, wara li dan wieġeb ħati għall-akkużi li kkawża ġrieħi gravi, li kiser il-paċi pubblika, u li aggredixxa lil ħaddieħor.
L-inċident seħħ f’Triq l-Imġarr f’Għajnsielem fit-8 ta’ Jannar tal-2022, b’reazzjoni għal dak li l-akkużat iddeskriva bħala sewqan perikoluż mill-vittma. L-akkużat kien imblokka l-karozza tal-vittma milli tipproċedi, filwaqt li niżel mill-vettura tiegħu u beda jsawwat lil vittma b’dak li kien deskritt fil-Qorti bħala “injama tal-baseball jew virga tal-metall.”
Il-vittma irrikjeda punti f’wiċċu bħala riżultat, waqt li nqalgħatlu wkoll sinna.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qablet mal-Avukat Ġenerali, li saħaq li din is-sentenza ma kinitx severa biżżejjed. Hi spjegat kif l-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi, li kienu jġorru piena ta’ ħabs bejn sena u seba’ snin, u li l-kondotta tiegħu kienet waħda mimlija episodji ta’ vjolenza.
Żiedet li ta’ dawn kien diġa ingħata l-ħelsien kundizzjonali diversi drabi, kif ukoll sentenza sospiża, u li dawn ma ħadmux sabiex iżommuh ilbogħod mill-kriminalità. Kawża t’hekk, huwa inbidel il-verdett fuq l-akkuża ta’ riċediviżmu, fuq liem l-ewwel Qorti ma kinitx sabitu ħati.
Huwa ingħata sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża għal erba’ snin, filwaqt li nħarġet ordni li dan għandu jżomm ilbogħod mill-vittma għal sena.
Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispettur Josef Gauci.