Yorgen Fenech ma kienx deher fis-seba’ xenarji inizjali postulati mill-Europol fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qalet il-Qorti li qed tiġbor il-provi kontra Fenech.
Marius Van Der Meij, eks espert tal-Europol li kien għen fl-investigazzjoni fuq il-qtil tal-2017 vvjaġġa Malta mill-Olanda biex jixhed quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello nhar il-Ħamis.
Iżda mistoqsija dwar jekk xi waħda mill-kumpaniji ta’ Fenech kinitx tidher jew le fir-rapport ġiet imblukkata f’dan l-istadju mill-qorti.
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu dalgħodu, Van Der Meij ta lill-qorti envelop issiġillat, li kien fih ir-rapport tiegħu ta’ 106 paġna tal-eżami tad-dejta estratta minn kopja kklonata b’mod forensiku tal-mowbajl u SIM card ta’ Caruana Galizia, kif ukoll hard drive li fiha data relatata li kienet ġiet estratta mill-cloud storage.
Huwa kien bena r-rapport lejn l-aħħar tal-2017, fejn umbgħad issotomettih fl-atti tal-inkjesti maġisterjali fl-2018, qal Van Der Meij.
Huwa kompla jispjega li mill-għexieren ta’ eluf ta’ messaġġi tal-WhatsApp u emails, kien eżamina biss dawk bil-lingwa Ingliża. Qal li dak iż-żmien kien ta parir lill-maġistrat inkwirenti biex jqabbad kelliem Malti biex jeżamina l-bqija, iżda ma kienx jaf jekk eventwalment dan sarx jew le.
Il-Qorti ċaħdet it-talba tad-difiża biex tara r-rapport, u qalet lill-avukat Charles Merceica li l-ewwel kellha taraha hi stess u tiżgura li l-ebda mis-sorsi tal-ġurnalist ma jitqiegħdu f’riskju. Minflok, il-Maġistrat ordna li tinżamm taħt is-siġill sakemm jitlesta dak l-eżerċizzju.
Mercieca staqsa lix-xhud dwar ix-xenarji li fil-bidu kienu qed jiġu kkunsidrati fl-istadji bikrija tal-investigazzjoni. Kienu ipoteżiti seba’ xenarji, ikkonferma Van Der Meij, li identifikaw numru ta’ persuni bħala “instigaturi possibbli”.
L-avukat difensur issuġġerixxa li fost ix-xenarji postulati kien hemm dawk li jinvolvu politiċi, filwaqt li oħrajn kienu kkunsidraw membri tal-familja tal-vittma bħala suspettati potenzjali. Il-Qorti ma laqgħetx il-mistoqsija u ddeċidiet li x-xhud ma setax jiġi mistoqsi dwar l-ismijiet ta’ persuni oħra li kienu suspettati b’involviment fil-qtil.
Il-Maġistrat iżda ppermetta mistoqsija dwar jekk l-imputat, Fenech, kienx jidher f’dawk ix-xenarji. “Is-Sur Fenech jissemma f’din il-lista? Iva jew le?" staqsa l-avukat. "Le." Reġgħet kienet ir-risposta.
Is-Supretendent Arnaud ġie mċaħħad mill-permess mill-Qorti biex jistaqsi jekk kumpaniji marbuta ma’ Fenech dehrux fis-seba’ xenarji inizjalment ikkunsidrati. Il-Maġistrat ma laqgħetx il-mistoqsija, u qalet lis-supretendent li l-Qorti tagħha ma kinitx qed tinvestiga kumpaniji.
Espert ieħor maħtur mill-Qorti, l-avukat Martin Bajada, ħa l-pedina tax-xhieda biex jgħaddi hard drives li fihom kopji ta’ data li kien inħatar biex jiġbed. Huwa informa lill-Qorti li ma setax jesebixxi l-kontenut ta’ wieħed mill-esebiti – mowbajl tal-eks chief of staff tal-OPM Keith Schembri, minħabba gag order li huwa fis-seħħ bħalissa.
L-avukati tal-AG Anthony Vella u Godwin Cini qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri qed jassistu lil Fenech. L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jassistu lill-familja Caruana Galizia bħala parte civile.