Jinħatru numru ta’ fizzjali fil-karigi ta’ Deputat Kummissarju, Assistenti Kummissarji u Supretendenti tal-Pulizija fil-Korp tal-Pulizija.
F’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, Ir-Riformi u l- Ugwaljanza Dr Byron Camilleri, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija s-Sur Angelo Gafà ħabbru dawn il-ħatriet.
Flimkien mas-Sur Kenneth Haber li nħatar bħala Deputat Kummissarju, inħatru 8 Assistenti Kummissarju u 14-il Supretendent.
Il-Ministru Camilleri spjega kif din hija okkażjoni importanti li fiha l-Korp tal-Pulizija ħatar l-ogħla karigi ta’ tmexxija fil-ġerarkija tal-istrutturi tiegħu, huwa sostna lill-uffiċċjali maħtura li huma “xempji tal-aħjar eżempju possibbli, ta’ korrettezza u impenn, lil dawk ta’ madwarkom”.
Min-naħa tiegħu, Gafà tenna li l-Korp tal-Pulizija qiegħed jaħdem f’soċjetà li qiegħda kontinwament tevolvi u bil-Korp propju jinsab f’nofs l-implimentazzjoni ta’ Strateġija ta’ Trasformazzjoni.
Il-Kummissarju Gafà qal li “huwa importanti li tkomplu ssaħħu l-motivazzjoni fil-kollegi tagħkom u tkunu l-aġenti tal-bidla. Fl- istess waqt tibqgħu tkunu ta’ servizz lejn il-poplu ħalli nkomplu nġeddu l-fiduċja tan-nies fil-ħidma li nwettqu.”
Waqt id-diskors tieghu, il-Kummissarju sellem ukoll il-memorja tas-Supretendent Jesmond Borg li miet ħames xhur ilu. Borg kien fost il-kandidati għall-kariga ta’ Assistent Kummissarju u għaldaqstant f’din il-ġurnata il-Kummissarju fakkar fil-legat tiegħu, partikolarment fil-valuri li kien iħaddan.