Analiżi | Għaliex il-Kulti perikolużi? Manche u l-poter taċ-ċarlatani (1)
Imma kif jemmnu daqstant fuq xi ħadd bħal Gordon John Manche? Reliġjożità jew fissazzjoni? U għaliex il-Pastor jiddependi tant minn dawk li jsegwu? Ix-xjenzat David Pace janalizza u jargumenta...
minn David Pace
Il-qtil brutali ta’ Pauline Dembska ħasad lil kulħadd għaliex f’dal-pajjiż ma tantx iseħħu delitti ta’ dan it-tip. Mhemmx xi ngħidu, l-poplu jitkellem u fost l-affarijiet li ssemmew kien li s-sħubija tal-imputat Abner Aquilina fis-setta ta’ Gordon-John Manche, River of Love u d-dikjarazzjonijiet tal-qassis David Muscat dwar l-omosesswali u l-“gayyaġni” – kelma dispreġġattiva li ħareġ biha biex jgħidilna li l-omosesswalità agħar minn dawk posseduti mix-xitan.
Jippretendu li jirrapreżentaw li Alla!
Importanti nibdew mill-fatt li kemm Gordon-John Manche kif ukoll David Muscat huma bnedmin u għax jippretendu li jirrappreżentaw lil xi Alla, ma jfissirx li dan hu minnu. Ma rridx nidħol fil-kumplessitajiet metafiżiċi tat-teoloġija, iżda dawn żgur ma’ jirrappreżentawx lil-Alla tal-Imħabba għax kemm kliemhom kif ukoll l-imġieba tagħhom hija waħda diviżiva mmens.
Ma’ Manche, kont iltqajt miegħu snin ilu fuq Xarabank u l-mod kif ikellem lil min ma’ jaqbilx miegħu hu mimli disprezz u nuqqas ta’ rispett. L-impressjoni li ħadt tiegħu hu li jaħseb li hu aħjar minn kulħadd għax hu l-“magħżul t’Alla” u dan jidher ċar fl-intolleranza kbira li juri lejn min ma’ jħaddanx l-istess twemmin fundamentalist tiegħu. Ma’ Muscat qatt ma’ ltqajt u lanqas nixtieq niltaqa’ għax l-intolleranza tiegħu tidher ċara fid-dikjarazzjonijiet u filmati tiegħu hu u jitkellem fuq il-youtube waqt il-laqgħat ma’ Norman Lowell.
Din l-intolleranza hija l-bażi tat-twemmin ta’ dawn it-tip ta’ nies u qisha virus li tinfetta lil nies oħra li għal diversi raġunijiet jibdew jisimgħu u jaqblu magħhom. Fil-każ ta’ setta bħar-River of Life, l-intolleranza tittrabba hekk kif mexxej kariżmatiku li jħoss li huwa speċjali u jitkellem bil-vuċi t’Alla jiġbed nies li qed ifittxu xi ħaġa li għalihom tagħmel sens jew iħossu li għandhom xi ħaġa nieqsa f’ħajjithom. Dan jagħmluh għal diversi raġunijiet u s-setet qishom mostri li jikbru billi jonsbu in-nies vulnerabbli.
Jekk tħarsu ftit lejn in-nies li aktar jaqbżu għal Manche u anke Muscat, tindunaw li jkunu nies vulnerabbli b’ċerta problemi u diffikultajiet li jvarjaw min-nuqqas ta' edukazzjoni, problemi psikoloġiċi (bħad-dipressjoni u low self-esteem), diffikultà biex jagħmlu l-ħbieb, nies li ma’ sabux l-imħabba, nies li ġew konvinti li l-omosesswalità hija marda, saħta jew speċi ta’ possessjoni mix-xitan ... insomma nies vulnerabbli li qed ifittxu lil min jgħinhom, iżda li għandhom bżonn għajnuna professjonali u mhux ta’ ċarlatani li kkonvinċew irwieħhom li huma mberkin u jitkellmu bil-qawwa t’Alla u li permezz tagħha jistgħu jagħmlu l-għeġubijiet.
Il-Kap tas-setta jiddependi mid-dħul tal-membri!
Is-setet bilfors iridu jkollhom kontroll assolut tal-membri tagħhom għaliex ikun ferm iżgħar fin-numru minn reliġjon organizzata bħall-Kattoliċiżmu jew l-Iżlam, u ma taffordjax li titlef il-membri. Tridu tifhmu wkoll li nies bħal Manche jieħdu stipendju mill-paga tas-segwaċi tiegħu u għalhekk jekk jitlaqlu xi ħadd jonqoslu d-dħul. Għalhekk il-kap tas-setta jagħmel diversi kundizzjonjiet biex iżomm il-membri mwaħħlin miegħu u jagħmilha diffiċli li jitilquh.
Kundizzjoni effettiva hija d-dipendenza. Jekk iġġiegħel lis-segwaċi tiegħu jiddependu fuqu billi jagħmilha ta’ ġenitur, konfessur u ħabib fl-istess ħin, ikun qiegħed jagħmel ċert li s-segwaċi tiegħu se jafdawħ b’għajnejhom magħluqa. Tinsewx li lil dan iqisuh bħala mbierek minn Alla u għalhekk ‘il fuq minnhom u huma mistennija li jobduh għaliex jitkellem bil-vuċi ta' Alla. Għalhekk kapijiet ta’ setet ħafna drabi jieħdu kontroll assolut tas-segwaċi tagħhom, tant li jibdew jindaħlu fil-ħajja privata u anke jispiċċaw jitturufnawhom mill-familji tagħhom. Niftakar każijiet ta’ ġenituri li t-tfal tagħhom kienu daħħlu mas-Scientologists, Moonies, ix-Xhieda ta’ Jehova u anke gruppi Evanġelisti oħra, li jkunu nkwetati għax it-tfal m’għadhomx ikollhom kuntatt ma' dawn l-għaqdiet u wħud minnhom anke taw ġidhom u l-libertà tagħhom lill-Pastur jew Mexxej tas-setta.
Għodda importanti: Il-biża'
Għodda oħra effettiva li dawn il-kapijiet tas-setet jużaw hija l-biża’. Peress li r-River of Love hija ossessjonata bl-Apokalissi u bix-xitan, il-membri huma mwerwrin li jekk jitilqu minn taħt il-kappa protettiva tal-magħżul Pastur tagħhom jerġa jaħkimhom ix-xitan, jitilfu ruħhom għal dejjem u jispiċċaw abbandunati meta tiġi r-Rapture - iż-żmien fejn jerġa' jiġi l-Mulej u jiġbor il-Kristjani ħajjin u jqajjem dawk mejtin biex jitilgħu l-Ġenna miegħu, filwaqt li dawk li ma jemmnux jitħallew l-art.
Ħafna jafu jitbissmu għax ma’ jemmnux kif il-membri ta’ setta jistgħu jkunu daqshekk mzazen, imma jinsew li dawn il-membri jkunu kkundizzjonati u brainwashed b’tattiċi oħra. Waħda minnhom hija li l-komunità tal-kult tibda tagħfas kemm tiflaħ fuq l-individwalità tal-persuna sabiex din tiġi taħseb kompletament bħall-mexxej. F’dan il-punt, is-setta tieħu post il-familja u l-Pastur u martu jieħdu post il-missier u l-omm.
Dan deher ċar fil-każ ta’ Rebecca li f’gazzetta lokali stqarret li: “Ir-River of Love u Gordon Manché ma kinux jinżluli… illum ma ngħix mingħajrhom” u saret waħda mill-persuni li tiddefendi bil-kbir lill-Pastur u l-mara tiegħu. Innotaw kif emfaizzat li ma tgħix mingħajrhom għax saret kompletament dipendenti fuqhom. F’dal-każ, il-brainwashing tagħha huwa komplet u diffiċli ħafna toħroġ minn taħt il-madmad tiegħu mingħajr l-għajnuna professjonali.
Dak il-ħafna kliem li ma tifhimx... il-Glossolalia
L-attentat tal-kap tas-setta li jieħu post l-għeżież tal-membri huwa mod wieħed qawwi ta’ kontroll bħalma hija t-twemmin assolut fil-poteri “kbar” tal-Pastur li jitkellem b’leħen l-Ispirtu s-Santu, fenomenu psikoloġiku li jissejjaħ Glossolalia u li hu ppruvat xjentifikament li huwa biss forma ta’ diskors ivvintat (gibberish), skont diversi studjużi fosthom il-lingwista William J. Samarin mill-Universita’ ta’ Toronto. Studju ieħor mill-Università ta’ Pennsyvania, sab li jkun hemm nuqqas ta’ kontroll fil-parti ta’ quddiem tal-moħħ, il-frontal lobe li tieħu ħsieb il-lingwa. Dan ifisser li min jitkellem bl-ilsna (glossolalia), ma jkunx - fil-verità - qed jitkellem għaliex id-dagħdiha u l-ferneżija reliġjuża li jesperjenza dak il-ħin tissarraf f’nuqqas ta’ kontroll. Fil-fatt, kemm l-imġieba, kif ukoll u l-ħsejjes li jagħmel l-individwu ma’ jkunu jfissru xejn u l-interpretazzjoni ta-Pastur hija biss opinjoni suġġettiva ta’ xi ħadd li jaħseb li hu ppreferut minn esseri ogħla minnu u li jaħseb li hu aħjar minn kulħadd.
Dawn il-fatturi, jispjegaw kif ħafna minn dawk li jmexxu s-setet ikollhom ċertezza kbira li huma speċjali għax fil-fatt jemmnu dan bis-sħiħ, u l-adulazzjoni tas-segwaċi tagħhom tkompli tirrinforza dan it-twemmin tagħhom li huma mberkin mill-Ispirtu Santu, jinsabu f’kuntatt kontinwu f’Alla, kapaċi jaraw il-futur, jagħmlu miraklu bħal fejqan tal-mard u jkeċċu lix-xjaten, jaqilbu s-sesswalità tal-omosesswali u jbassru l-futur.
Il-healing service tas-setet hija parti importanti mill-attività tagħha li tkompli tagħti saħħa kbira lill-Pastur li jmexxiha. Aktar kemm in-nies jarawh bħala bniedem ta' poteri supernaturali - bħal superman - u jibnu l-istatura tal-figura tiegħu, aktar isiru jemmnu fih u jkomplu jsaħħu l-fiduċja tagħhom fih. Dan ikompli jagħmilhom aktar lesti li jaċċettaw kull ħaġa oħra li jagħmel anke jekk tkun banali u ma titwemminx. Eżempju hija l-ossessjoni ta’ kapijiet ta’ setet bl-apokalissi, r-rapture u l-qerda tad-dinja ħalli jiġi Alla jew Kristu jsalva lilhom biss għax huma n-nies il-magħżula - dawk speċjali - u s-segwaċi li ħafna minnhom qabel ingħaqdu miegħu kellhom problemi ta’ dipressjoni, dwejjaq u nuqqas ta’ self-worth, u diversi problemi psikoloġiċi oħra, fl-aħħar jistgħu jħossuhom speċjali.
Din l-ossessjoni tal-Pastur dehret biċ-ċar fil-gazzetta Maltatoday tal-4 t’April 2014 u ma kinitx ċajta tal-ewwel t’April, iżda attentat ta’ profezija bbażata fuq interpretazzjoni tal-Bibbja skont Manche li qal: “Alla jqum wara jumejn, li jfisser 2,000 sena mit-twelid ta’ Ġesu Kristu (fejn qiegħda d-Dinja bħalissa) qabel ir-rabja tiegħu tinfexx fuqna fit-tielet jum qabel it-twelid ta’ Kristu fejn hemm qabża ta’ 4,000 sena mill-waqa’ t’Adam. Dawn is-6,000 sena jippreżentaw il-120 ġublew - ċikli ta’ 50 sena - imsemmija fil-Bibbja bħala tul ta’ ħajja ta’ bniedem normali (120 sena?)”
Kif tistgħu taqraw, din interpretazzjoni li tirrifletti l-mod kif jirraġuna Manche li jħoss u jemmen li hu biss jista’ jagħmel sens mill-Bibbja għaliex Alla lilu ta ċ-ċavetta tal-għerf u afdah biex imexxi l-merħla tiegħu, u dak li nkiteb huwa traduzzjoni diretta minn dak li ġie rrapportat dakinhar, u tistgħu anke tiċċekkja jekk hix vera billi taraw x’qal il-Pastur f’din il-link https://youtu.be/NxbkfQ5rG_E fejn iżid b’ċerta fervur li ż-żminijiet aħħarin ġejjin għal ħabta tal-2017, eżempju ċar ta’ profezija żgarrata għax kif tafu din is-sena għaddiet u hawn għadna.
L-aktar ħaġa importanti li għandu l-bniedem huwa moħħ liberu u t-talent li jixtarr u jagħżel. Tħallux lill-ħaddeħor jagħżel għalikom u tħallux lill-ħaddieħor iwegħdkom affarijiet li huma impossibli anke jekk tkunu muġugħin u qed tbatu. Hawn l-għajnuna professjonali, kemm medika u kemm psikoloġika, użaw lilha l-ewwel. B’hekk biss tkunu tistgħu tkissru l-poter ta’ ċarlatani li jwegħdu l-fejqan mediku, psikoloġiku u spiritwali għaliex dan jagħmluh biex jieħdu l-poter minn fuq daharkom.
David Pace bħala xjenzat u membru tal-għaqda SICEC għamel żmien twil jistudja it-tqarrieq reliġjuż, is-setet u l-kulti, u ra b’għajnejħ l-effetti ħżiena li jista’ jkollhom fuq l-individwi u l-familjari tagħhom.