Monkeypox: Għaliex m’għandniex nallarmaw ruħna
Liema l-aktar infettivi; Is-sensazzjonaliżmu, il-misinformazzjoni jew il-Monkeypox? Huwa minnu li tittieħed mix-xadini? Veru li huwa trasmess mis-sess? Hemm trattament għalih? L-ILLUM tispjega…
minn Anthea Cachia
Erġajna bdejna bil-kwarantini? Le. Din il-ġimgħa kienet iddominata bl-aħbar li f'Malta ġie rrapportat l-ewwel każ tal-ġidri tax-xadini.
Fil-komunità Maltija inħass xi ftit jew wisq is-sens ta’ ansjetà fejn jidħlu aħbarjiet mediċi u dan jista’ jkun li huwa attribwit għal sentejn intensi ikkawżati mill-pandemija. Dak iż-żmien, in-nies kienu qed jiġu bbumbardjati bl-aħħar aġġornamenti tal-Covid-19 kull ħin u kull mument u għalhekk inqala’ panik meta ħarġet din l-aħbar.
Il-Monkeypox min fejn ġiet? X’inhi?
Il-Monkeypox ġejja mill-istess familja tal-ġidri (magħrufa wkoll bħala smallpox) u ġiet dijanjostikata għall-ewwel darba fl-umani fl-1970, fil-Kongo ġewwa l-Afrika, fuq tifel ta’ sitt snin.
Dan il-virus għandu żewġ tipi differenti, it-tip tal-Kongo, li huwa aktar qawwi u l-iktar li jittieħed u t-tip tal-Punent tal-Afrika.
Minkejja dan, il-virus ġie intraċċat u identifikat fl-1958 fuq xadina u għalhekk ingħata l-isem ta’ Monkeypox, mhux għax ġejja mix-xadini.
Is-sintomi ta’ dan il-virus jinkludu għejja, deni u glandoli minfuħin b’raxx madwar il-ġisem li eventwalment iwasslu biex jiffurmaw boċċi mdaqsin mimlijin likwidu. Dawn is-sintomi huma pjuttost simili tal-ġidri r-riħ, minkejja li huma żewġ viruses differenti.
L-ewwel imxijja lil hinn mill-Afrika kienet fl-2003 fl-Istati Uniti, meta xi klieb ġew infettati minn ġrieden - li kienu importati mill-Ghana - u kienu jinsabu fl-istess dar maghhom. Dan eventwalment wassal biex kien hemm aktar minn 70 każ fl-Istati Uniti biss.
Mas-snin il-Monkeypox daret madwar id-dinja minħabba persuni li vjaġġaw lejn l-Afrika. Fl-2018 kien hemm każi fl-Iżrael u n-Niġerja, fl-2019 instabu każi f’Singapore, mill-2018 sal-2022 kien hemm każi fl-Ingilterra u fl-2021 u 2022 instabu wkoll fl-Istati Uniti.
Kif jiġi trażmess? U jekk bdiet minn xadina… kif spiċċat fuq bniedem?
Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) dan il-virus ma jiġix trażmess faċilment bejn in-nies. Dan isir biss meta jkun hemm kuntatt dirett, għal perjodu ta’ żmien ma’ persuna oħra li hi infettata bil-virus. Mod ieħor ta’ kif wieħed jista’ jiġi infettat huwa meta persuna tkun f’kuntatt ma’ likwidi li ġejjin mill-persuna infetta inkluż b’xi ħwejjeġ, lożor jew xugumani. L-infezzjoni tista’ ssir ukoll permezz ta’ partiċelli respiratorji.
Ħafna umani ġew infettati bil-virus minn kuntatt ma’ annimali selvaġġi - li ovvjament kellhom il-virus - b’mod speċjali ma’ dawk li kienu morda jew mejta. Oħrajn possibilment ġew infettati wara li kkunsmaw laħam, mhux imsajjar sew, ta’ annimali nfettati bil-Monkeypox.
X’għandu x’jaqsam li tkun gay? Huwa minnu li huwa trażmess l-aktar minn persuni li għandhom relazzjonijiet omosesswali?
Dan ix-xhar il-virus ġie rrapportat li nstab f’disa’ stati membri tal-Unjoni Ewropea (UE); fl-Awstrija, fil-Belġju, fi’Franża, fil-Ġermanja, fl-Italja, fil-Portugal, fi Spanja, fl-Iżvezja u fl-Olanda.
L-ECDC qalet li l-“predominanza attwali fl-imxija ta’ dan il-virus minn irġiel li kellhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħra jindika li t-trażmissjoni saret waqt l-att sesswali.”
Hawn l-ILLUM tirrimarka li huwa ovvju li l-infezzjoni sseħħ waqt is-sess minħabba l-kuntatt dirett għal perjodu ta’ ħin bejn il-persuna, lil hinn mill-ġeneru tal-persuna. Għalhekk huwa minnu li dan il-virus anke jekk jiġi trasmess waqt is-sess, mhux trasmess sesswalment bħal mard sesswali ieħor, fosthom l-AIDS.
Kif se nipproteġu ruħna?
Kif għidna qabel, il-ġidri r-riħ (chicken pox), il-ġidri (small pox) u l-Monkeypox huma differenti minn xulxin. Il-ġidri u l-Monkeypox ġejjin mill-Orthopox virus filwaqt li l-ġidri r-riħ toriġina mill-varicella-zoster virus.
Il-ġidri hija ħafna aktar infettuża u fatali mit-tnejn, fil-fatt 30% tal-persuni li kienu nfettati mietu. Fl-1980, l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) iddikjarat uffiċjalment lil dan il-virus bħala eradikat u dan permezz ta’ programm estensiv u globali ta’ tilqim.
Tajjeb li nfakkru wkoll li t-tilqima tal-ġidri tipproteġi lil dawk kollha li tlaqqmu kontra l-Monkeypox ukoll. Dan b’mod partikolari dawk li tlaqqmu fl-aħħar snin hekk kif sar xi titjib fit-tilqima. Skont osservazzjonijiet bħala parti minn studji xjentifiċi t-tilqima tal-ġidri hija 85% effettiva biex tipprevjeni l-Monkeypox.
Minkejja li r-rata ta’ fatalità hija waħda żgħira u kkontrollata, xorta waħda kien hemm każi iżolati ta’ mwiet. Filwaqt li fil-passat ir-rata kienet tvarja bejn 0% u 11%, ir-rata ta’ fatalità llum il-ġurnata hija bejn 3% u 6%.
Sfortunatament l-aktar każi serji jkunu fit-tfal iżda l-gravità tiddependi minn kemm persuna ilha esposta għall-virus, is-saħħa tal-persuna u n-natura tal-kumplikazzjonijiet li jinqalgħu mill-virus. Apparti minn hekk problemi immunitorji jkomplu jżidu s-severità.
Sa’ issa ma hemm l-ebda indikazzjoni ta’ effetti sekondarji fit-tul wara li persuna tkun esposta għal dan il-virus, iżda jista’ jkun li l-Monkeypox tikkawża xi kumplikazzjonijiet. Dawn jinkludu infezzjonijiet sekondarji, bronchopneumonia u infezzjonijiet fil-kornea li jistgħu iwasslu għal telf ta’ viżtà, fost oħrajn.
It-trattament mhux għall-virus innifsu, iżda għas-sintomi tiegħu
Filwaqt li għandna t-tilqima biex nipprevenuha, m’għandniex kura biex infiqu minnha. Bħal-ġidri r-riħ, din tieħu bejn tliet u erba’ ġimgħat biex wieħed ifiq kompletament u l-persuna nfettata jkollha tagħmel kwarantina sakemm tfiq, bħal meta persuna jkollha l-ġidri r-riħ.
Il-kura fis-suq bħalissa hija immirata biex ittaffi s-sintomi li tikkawża l-Monkeypox u mhux biex tfejjaqhom.
X’qal it-tabib u membru parlamentari Malcolm Paul Agius Galea?
B’reazzjoni għal numru ta’ domandi li għamlulu n-nies, Malcolm Paul Agius Galea tabib, eks Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ u Membru Parlamentari Laburista, fuq Facebook, elenka numru ta’ sintomi kif ukoll kif wieħed jista’ jiġi nfettat minn dan il-virus.
Fl-aħħar huwa saħaq li, “għalkemm hawn ħafna informazzjoni għaddeja fuq il-midja soċjali, tajjeb li wieħed jinforma lilu nnifsu sew u li ma jkunx hawn allarm żejjed.”