Jibdew l-attivitajiet marbuta mal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f'pajjiżna
Illejla se jsir spettaklu fuq il-Fosos tal-Furjana biex timmarka l-ftuħ uffiċjali tal-Logħob tal-Paijjiżi Żgħar
More in Socjali
Illejla se jsir spettaklu fuq il-Fosos tal-Furjana biex timmarka l-ftuħ uffiċjali tal-Logħob tal-Paijjiżi Żgħar
It-Tnejn filgħodu, Malta laqgħat il-Ministri responsabbli mill-Isport tal-pajjiżi parteċipanti fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar għall-Konferenza Ministerjali, fejn dawn intlaqgħu mill-Ministru għall-Isport Malti, Clifton Grima.
Hawn ġew diskussi żewġ dokumenti li ppreżentati minn Malta, bl-isem ta’ ‘Elite athletes and understanding their challenges in the small states of Europe’ u ‘Grassroots in sport in the small states of Europe’.
Fost dawk preżenti kien hemm President tal-Kumitat Olimpiku Ewropew Spyros Capralos, li rrikonoxxa lill-Ministru Grima għall-organizzazzjoni ta’ dawn il-logħob f’Malta. Capralos faħħar l-impenn ta’ Malta, u stqarr li huwa sodisfatt bl-entużjażmu tad-delegazzjonijiet kollha wara nuqqas tal-logħob minħabba l-pandemija.
F’pajjiżna, qed jieħdu sehem rekord ta’ 1,000 atleta minn 9 pajjiżi, u din hija t-tielet darba li Malta ospitat dan l-avveniment, hekk kif kienet organizzat il-logħob fl-2003 u fl-1993. Il-ftuħ uffiċjali tal-logħob se jsir it-Tnejn filgħaxija fuq il-fosos tal-Furjana permezz ta’ spettaklu miżgħud b’talent Malti.
Minkejja dan, it-Tnejn bdew ukoll xi kompetizzjonijiet fosthom il-logħob tal-basketball, tennis u squash. Il-Logħob tal-Pajjiżi ż-żgħar jibqgħu għaddejjin sa’ nhar is-Sibt li ġej, meta ssir ukoll iċ-ċerimonja tal-għeluq.
Fil-konferenza, li tmexxiet mill-Ministru Grima, ipparteċipaw il-Ministru tal-Andorra Monica Bonell Tuset; il-Ministru tal-Iżlanda Ásmundur Einar Daðason; il-Ministru tal-Liechtenstein Dominique Hasler; il-Ministru tal-Lussemburgu Georges Engel; il-Ministru ta’ San Marino Teodoro Lonferini; u l-Ministru tal-Montenegro Vasilije Lalošević. Min-naħa ta’ Ċipru kienu rappreżentati minn Andreas Michaelides, li huwa l-President tal-Organizzazzjoni tal-Isport tal-pajjiż, filwaqt li kien nieqes biss il-Ministru ta’ Monaco minħabba li l-gvern għadu mhux iffurmat wara l-elezzjoni fil-pajjiż.