L-Awtoritá għall-Ambjent u Riżorsi (ERA) daħħlet miżura fis-seħħ fil-15 t’Ottubru illi tgħid li se jibdew jingħataw multi lil dawk li jarmu ż-żibel tagħhom fil-boroż il-ħżiena. Huwa mandatorju li l-iskart ikun separat fil-borża t-tajba inkella individwi u anke negozji jistgħu jeħlu ċitazzjoni ta’ €150. Din daħlet fis-seħħ la darba l-perjodu ta’ sitt xhur għadda minn mindu kienet inħarġet l-iskeda l-ġdida ta’ ġbir ta’ skart f’April 2023.
Elaine Camilleri tkellmet mal-ERA sabiex jinxteħet dawl fuq xi strateġija ġiet implimentata biex Malta tkompli timxi ma’ din il-liġi l-ġdida. Minn mindu ħarġet il-liġi f’April 2023, l-ERA ħadet ħsieb u nediet kampanja nazzjonali ta’ għarfien sabiex ikun hawn iktar infurzar. L-ERA għamlet dan bl-għan li kulħadd jifhem u anki jidra kif għandhom jisseparaw l-iskart b’mod korrett fil-borża t-tajba, mhux fid-djar biss iżda wkoll fuq il-post tax-xogħol u f’kull postijiet oħra.
Kelliem mill-ERA spjega li kien hemm spezzjonijiet frekwenti madwar il-pajjiż, b’total ta’ 4,390 spezzjoni. Dan sar bl-iskop biex l-ERA flimkien ma’ uffiċjali tal-LESA jispjegaw u jwiddbu lil dawk li ma kinux qed jagħmlu l-almu tagħhom fis-separar tal-iskart. Tul dan il-perjodu ta’ spezzjonijiet, ingħataw multi u twissijiet lil iktar minn 4,700 persuna u negozji li nqabdu jiksru r-regolamenti, speċjalment ħruġ tal-borża tal-iskart fil-ġurnata l-ħażina jew fil-ħin ħażin.
L-ERA qalet li l-pajjiż għamel sforz ukoll min-naħa tiegħu hekk kif diġà bdew jaraw riżultati pożittivi. Skont stħarriġ li sar mill-ERA stess, in-nies qed jimxu mar-regolamenti kif mixtieq mill-awtoritajiet hekk kif il-kelliem innota li, “l-iskart mormi fil-boroż suwed qed jonqos gradwalment, filwaqt li l-iskart organiku sseparat fil-borża l-bajda qed jiżdied”. L- Awtoritá kompliet tgħid li dawn huma “passi inkoraġġanti” biex ikomplu jaqdfu ’l quddiem bil-mira li jitnaqqas l-iskart ġenerali mill-miżbliet u jiżdied ir-riċiklaġġ ta’ skart li jista’ ikun ipproċessat u jintuża mill-ġdid.
F’Ottubru 2023, wara l-perjodu ta’ edukazzjoni, daħlu fis-seħħ multi ta’ bejn €25 u €150 għal individwi jew negozji li ma jisseparawx l-iskart skont kif tisħaq il-liġi. Dawk li jinqabdu ma jisseparawx l-iskart kif suppost huma suġġetti għal twissija l-ewwel darba, imbagħad multi jekk jerġgħu jinqabdu jiksru l-liġi.
Mill-aħħar statistika pprovduta mill-ERA, ingħataw 68 twissija. Fl-ewwel ħamest ijiem tal-infurzar tar-regolamenti tas-separazzjoni mandatorja, inħarġu twissijiet lil persuni u negozji għal diversi kontravenzjonijiet tal-iskart; fosthom persuni li ħarġu l-boroż tal-iskart mil-lejl ta’ qabel il-jum tal-ġbir, persuni u stabbilimenti li kellhom skart mormi fil-borża l-ħażina u oħrajn li nqabdu joħorġu l-iskart fil-ġurnata l-ħażina.
L-ERA tikkonferma li l-ispezzjonijiet se jsiru iktar regolari f’kull lokalitá minn tim uffiċjali tal-infurzar u entitajiet oħra. Il-multi ta’ €150 diġá qed jiġu infurzati għal dawk li ma joħorġux l-iskart għall-ġbir fil-ġurnata t-tajba.
Il-kelliem kompla jgħid li l-ikbar sfida li qed iħabbtu wiċċhom magħha hija l-bżonn ta’ “impenn kollettiv” minn kulħadd biex jissepara l-iskart b’mod tajjeb u joħroġ il-borża tal-iskart fil-ġurnata u l-ħin li suppost skont l-iskeda nazzjonali. Li wieħed jissepara l-iskart hija faċenda żgħira u faċli, u din tibda “b’bidliet żgħar li bihom niżguraw futur aktar sostenibbli”.
F’dan ir-rigward l-ERA qed taħdem ma’ dawk kollha konċernati, ma’ komunitajiet differenti u anke ma’ setturi differenti tal-ekonomija, sabiex jingħelbu diffikultajiet loġistiċi speċifiċi, għal immaniġġjar tal-iskart aktar sostenibbli f’kull attività tal-ħajja soċjali u ekonomika tal-pajjiż.
Dawn ir-riżultati pożittivi mistennija jkomplu jissaħħu fis-snin li ġejjin, bit-twettiq tal-Pjan Nazzjonali tal-Immaniġġjar tal-Iskart 2021-2030. Dan il-pjan se jaħdem favur l-objettiv li jrid jintlaħaq sal-2035, li 10% biss tal-iskart imur fil-miżbliet, sostna l-kelliem tal-ERA. Dan mhux biss se jnaqqas it-tniġġis tal-art u tal-arja, iżda saħansitra jfisser ukoll inqas konsegwenzi ambjentali għal-lokalitajiet Maltin u inqas teħid ta’ art għal miżbliet ġodda.
L-iskart irriċiklat se jintuża sabiex tkun tista’ tiġi ġġenerata enerġija nadifa u b’hekk inkomplu nersqu pass dejjem eqreb lejn enerġija ċirkolari li ma tniġġisx u pass eqreb għal futur sostenibbli b’inqas impatti negattivi fuq l-ibħra u l-ambjent.