L-għoli tal-ħajja hija fost l-akbar sfidi li għandha tiġi indirizzata fil-baġit għas-sena d-dieħla. Jixhdu dan id-dokumenti tal-proposti ta’ numru ta’ msieħba soċjali li ġew ippubblikati fil-jiem u l-ġimgħat qabel il-baġit, hekk kif dawn id-dokumenti taw ħarsa lejn dak li l-imsieħba soċjali jistennew li l-Ministru għall-Finanzi jħabbar li se jkun qiegħed jindirizza.
L-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni huma temi li ilhom jiġu diskussi tul l-aħħar snin, iżda b’mod partikolari dawn it-temi saru ferm aktar relevanti għal bosta familji u negozji Maltin mill-2022. Dan hekk kif l-isfidi ekonomiċi maħluqa mill-gwerra fl-Ukrajna eżatt wara l-pandemija tal-Covid-19 laqtu u qed ikomplu jolqtu fil-laħam il-ħaj.
Għalhekk, l-imsieħba soċjali, fosthom il-Union Ħaddiema Magħqudin (UHM) u l-General Workers Union (GWU) jaqblu li l-baġit għandu jdaħħal miżuri fis-seħħ sabiex jilqa’ għal dak li jhedded is-sigurtà finanzjarja tal-ħaddiema.
B’mod partikolari, l-UHM u l-GWU jagħmlu referenza għall-mekkaniżmu tal-għoli tal-ħajja (il-COLA), hekk kif saħqu li dan jista’ jissaħħaħ. Il-UHM b’mod ċar qalet li l-għotjiet mill-mekkaniżmu tal-COLA m’għandhomx ikunu taxxati.
Il-GWU min-naħa l-oħra tkellmet ukoll fuq bidliet li għandhom jiddaħħlu sabiex il-COLA tirrifletti ż-żidiet fl-ispejjeż tal-ħaddiema sena wara oħra. Hawn saret referenza wkoll għat-tieni mekkaniżmu tal-COLA li ġie introdott din is-sena, li jolqot b’mod dirett lill-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà.
Dwar dan, il-GWU saħqet li għandu jkun hemm aktar diskussjonijiet sabiex dan il-mekkaniżmu jolqot aktar persuni vulnerabbli, fosthom dawk li jgħixu fuq il-paga minima u l-pensjonanti fost l-oħrajn.
L-imsieħba soċjali jinsabu wkoll imħassba dwar ċertu nuqqas ta’ pjan fit-tul fejn jidħlu suġġetti bħat-turiżmu, biex b’hekk jiġu wkoll mitigati l-effetti ħżiena li dan is-settur ekonomiku kbir iħalli fuq pajjiżna. L-imsieħba soċjali jaqblu wkoll li l-Gvern għandu jagħmel hekk anke sabiex il-prodott turistiku jiġi mħares.
Fost l-oħrajn, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji proponiet li għandha titwaqqaf dak li sejħet bħala “uglification,” jiġifieri l-mod ta’ kif Malta sfortunatament qed tikrieh minħabba l-iżvilupp. B’rabta ma’ dan, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji għamlet referenza għall-iżvilupp, ix-xogħol fit-toroq, il-problemi tat-traffiku u s-sigurtà ġenerali fil-pajjiż bħala punti li għandhom jiġu indirizzati.
Fil-fatt, l-Assoċjazzjoni għall-Lukandi u r-Ristoranti, l-MHRA ilha żmien twil titkellem dwar il-bżonn ta’ pjan konkret għal dan is-settur sabiex ikun wieħed sostenibbli. F’rapport li kienet ħarġet l-assoċjazzjoni fl-2022, ġie nnutat li sabiex 80% tas-sodod fil-lukandi eżistenti u anke dawk li għadhom qed jinbnew jintużaw mit-turisti, pajjiżna għandu bżonn 4.7 miljun turist fis-sena, li huwa aktar mid-doppju tar-rekord ta’ turisti f’pajjiżna.
F’kull baġit jispikkaw ukoll il-proposti li huma speċifiċi għall-gżira Għawdxija. Dwar Għawdex, din il-gazzetta analizzat il-proposti tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex (GTA) u l-Kamra għan-Negozju Għawdxija. Hawn, iż-żewġ organizzazzjonijiet qablu li l-istat tal-bini u l-iżvilupp f’Għawdex qiegħed ibiddel il-karatteristiċi ta’ din il-gżira li xi darba kienet sinonima mat-trankwillità.
Għalhekk, il-Kamra għan-Negozju Għawdxija u anke l-GTA appellaw sabiex il-Gvern ineħħi kwalunkwe inċentivi eżistenti mmirati sabiex wieħed jixtri l-proprjetà f’Għawdex u jibni l-appartamenti minflokha.
Minflok, l-għaqdiet jappoġġjaw l-inċentivi għall-bejgħ u x-xiri tal-proprjetajiet f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana (UCA) b’tali mod li dawn ma jinqasmux f’diversi binjiet.
Dawn il-proposti huma ftit minn dak li hemm bżonn isir sabiex Għawdex ma titlifx dak li jagħmilha attraenti għat-turiżmu. Fil-fatt, il-proposti tal-GTA juru li l-prodott turistiku Għawdxi huwa proprju s-sens ta’ post maqtugħ mill-ġenn tas-soċjetà, li sfortunatament qiegħed jintilef maż-żmien.
B’mod ġenerali l-imsieħba soċjali kollha se jkunu qed iħarsu lejn dan il-baġit bħala indikazzjoni tad-direzzjoni ekonomika li fiha l-Gvern se jmexxi lil pajjiżna għas-snin li ġejjin. Dan wara snin ta’ żvilupp b’nuqqas ta’ pjanar li ħoloq diversi problemi marbuta mal-infrastruttura, u saħansitra għolla l-popolazzjoni ta’ Malta b’100,000 persuna f’deċċenju wieħed.