Is-sindku tal-Mosta Chris Grech ħabbar li s-siġar tal-Ficus li kienu skedati li jsebbħu ż-żona ta’ Santa Margerita, minflok se jibqgħu fi Pjazza Rotunda. Dan filwaqt li s-siġar li kellhom jitħawwlu fil-pjazza minflok se jitħawwlu fiż-żona ta’ Santa Margerita.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Grech fakkar kif il-proġett tal-Mosta tfassal għan-nies, u għalhekk ma kellu “ebda diffikulta” li flimkien mal-kunsill tal-Mosta, tiġi kkunsidrata mill-ġdid id-deċiżjoni li jitmexxew is-siġar tal-Ficus.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li attivisti u residenti tal-Mosta nġabru kmieni t-Tlieta filgħodu fi Triq il-Kostituzzjoni quddiem ir-Rotunda tal-Mosta u pprotestaw kontra t-tmexxija tas-siġar fiż-żona ta’ Santa Margerita.
L-ERA sostniet li l-kunsill lokali kien qed sempliċement jaqla’ s-siġar biex imbagħad jitħawwlu lejn iż-żona ta’ Santa Margerita. Filfatt, il-permess inħareġ fil-perjodu l-aktar adattat għat-trapjant tas-siġar, li permezz tiegħu jippermetti li s-siġra tiġi akklimatizzata, u l-għasafar li jistkennu fihom huma versatili biex isibu siġar oħra ta’ kenn.