Fis-Siġġiewi għaddej xogħol ta' bini ġdid taz-zuntier tal-knisja parrokjali u t-tisbiħ taż-żona magħrufa bħala Ta’ Ramija. L-investiment li qed isir fuq dawn iż-żewġ proġetti jaqbeż il-miljun ewro.
Iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi qed jinqala’ u jerġa’ jinbena kollu mill-ġdid. Dan ix-xogħol ġie mqassam f’fażijiet biex il-funzjonijiet u l-andament fil-knisja jibqgħu għaddejjin b’mod normali.
It-tieni proġett jikkonsisti f'bini residenzjali fis-Siġġiewi biex jinbidel f’żona ħadra u rikreattiva għall-komunità. Tneħħa l-paviment tal-konkos u ġiet mibnija ġiebja biex tiġbor l-ilma tax-xita. L-ilma li ser jinġabar f’din il-ġiebja se jintuża f’sistema ġdida ta’ irrigazzjoni. Barra minn hekk, dan il-proġett ser jinkludi wkoll tħawwil ta’ diversi pjanti u siġar ġodda, pavimentar ġdid, sistema ta’ WIFI b’xejn u iktar.
Waqt żjara, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia stqarr li "Dawn il-proġetti fis-Siġġiewi huma tnejn minn sensiela ta’ proġetti li qed inwettqu f’diversi lokalitajiet sabiex barra li jsebbħu l-lokalità, ikunu aċċessibbli minn kulħadd u jagħmlu differenza pożittiva fl-aħjar interess tal-komunitajiet tagħna.”
Is-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech sostna li "l-ispazju miftuħ ġdid ġewwa Ta’ Ramija se jagħti nifs ġdid lil din iż-żona, filwaqt li jtejjeb il-livell ta’ għajxien tal-familji u r-residenti li jgħixu hemmhekk."
Waqt din iż-żjara, kien hemm preżenti wkoll l-Arċipriet tal-Parroċċa Dun Josef Mifsud.