Fi stqarrija stampa kelliema tal-ADPD-The Green Party qalu li l-infrastruttura ta’ Malta qed tkompli toħloq ambjent mhux sigur għal mezzi ta’ trasport oħra bħal rota. “Hawn Malta imma l-gvernijiet u l-partiti l-oħra ma jitgħallmu qatt: iridu aktar u aktar toroq li ma jsolvu xejn.”
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci u s-Segretarju Ġenerali tal-ADPD Dr Ralph Cassar, iltaqgħu fis-Swieqi fejn ġie propost pjan ta’ flyovers. Cassar sostna li “se jerġgħu jirrepetu l-istess żbalji li għamlu postijiet oħra. Mingħalihom li bil-flyovers se jsolvu xi ħaġa.”
Min-naħa tagħha, Gauci qalet li “li meta tara l-proġett propost tal-flyovers u l-junctions tas-Swieqi u ta’ Pembroke tinduna kemm nies li jużaw mezzi alternattivi lanqas biss jiġu kkunsidrati fil-pjanijiet.” Dan qalitu b’refernza għan-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ bike lanes fil-pjan.
Cassar tefgħa l-attenzjoni fuq statistika “Skont l-aħħar stħarrig tal-NSO sal-aħħar kwart tas-sena 2023 qrobna lejn 440,000 karozza... Dawn huma numri li għad-daqs tal-pajjiż ma humiex sostenibbli u dan kollu qed jiġi rifless fil-ħin li nqattgħu fit-traffiku biex nivvjaggaw,” qal filwaqt li rrefera għan-nuqas ta’ ppjanar fit-tul.
Gauci kompliet tgħid li l-Gvern għandu ikun “konsistenti” u li l-proġetti ma jkunux jinvovlu “karozzi biss”.
“Il-gvern hu responsabbli... Għandu l-obbligu morali li jkun hemm road sharing sura u jassigura li min juża rota jew jimxi jħossu sigur meta jagħmel dan u mhux il-vjaġġ jissarraf f’riskji ta’ inċidenti li jistgħu ikunu fatali."
Hija temmet tgħid li opportunitajiet tad-deheb qed jintilfu kull darba li joħorġu proposti ġodda “anakronistiċi u majgħoddux għaż-żminijiet tal-lum....Hemm bżonn li l-Gvern joffri infrastruttura serja moderna li mhix iċċentrata fuq il-karozzi biss. Il-flyovers u l-junctions tas-Swieqi u Pembroke m’huma se jsolvu xejn.”