Il-kumpanija teatrali FM Theatre b'Butterflies Are Free

Il-kummiedja rebbieħa ta’ Leonard Gersche ġewwa ċ-Ċentru għall-Kreatività fil-Kavallier ta’ San Ġakbu.

Marika Fenech f'Butterflies Are Free
Marika Fenech f'Butterflies Are Free

Wara s-suċċessi riċenti li jinkludu ‘Pinocchio: The Panto’ u ‘Fiddler on the Roof’, il-kumpanija teatrali FM Theatre Productions issa qed tħejji għal ‘Butterflies Are Free’, il-kummiedja rebbieħa tat-Tony u Clarence Derwent Award.

Ibbażżata fuq l-istorja tal-avukat Amerikan Harold Krent, din il-kummiedja tirrakkonta t-taqbida ta’ raġel għami li jkun f’relazzjoni ma’ ‘hippie’, kif ukoll tax-xewqa tiegħu li jirbaħ l-approvazzjoni t’ommu.

Il-kast ta’ ‘Butterflies Are Free’ jinkludi l-attriċi Marika Fenech fir-rwol tal-omm, u t-tifel ta’ Marika, Luke Mercieca, bħala l-protagonist tal-play kif ukoll il-kant’awtur Don Baker.

Ma’ Marika u Luke, se jingħaqdu ukoll Maxine Aquilina fir-rwol ta’ Jill Tanner, l-għarusa ta’ Don, u Jimmy Monaghan fir-rwol tad-direttur Ralph Austin. Stephen Oliver se jkun qed jidderiġgi l-produzzjoni.

Din mhix l-ewwel darba li ‘Butterflies Are Free’ qed tiġi mtella’ hawn Malta. In fatti, Marika Fenech kienet ħadmet il-parti ta’ Jill Tanner meta din il-produzzjoni ġiet mtella’ fis-70ijiet. “Bħala kummiedja li tesplora l-imħabba, l-umoriżmu u l-biżgħat tan-nies, din il-play hija waħda speċjali ħafna,” tgħidilna Marika, li qed tipproduċi dan id-dramm flimkien mar-raġel tagħha Edward Mecieca.

“Ħafna nies probabli jafu din l-istorja mill-film tal-istess isem, li rebbaħ lil Eileen Heckart, fil-parti tal-omm, Oscar. Dan l-irwol huwa eċitanti ħafna, pero huwa ukoll ta’ sfida, u għalkemm huwa bbażżat fuq il-ħajja fis-60ijiet, għadu relevanti ħafna għas-soċjetà tal-llum.”

Marika temmen li din il-play hija ‘taħlita ta’ kummiedja u sensittività’, u tiftakar sew meta fis-70ijiet hija kienet ħadmet l-irwol ta’ Jill. “Aktar minn 30 sena wara, issa ha nkun Mrs Baker, u qas irrid nemmen li se nkun qed nirreċta m’ibni Luke u mal-għarusa tiegħu Maxine. Pero, naħseb li dan il-fatt ta’ lill-proċess kollu xejra interessanti ħafna,” tgħidilna Marika.

‘Butterflies Are Free’ se tiġi mtella’ ġewwa l-Kavallier ta’ San Ġakbu fit-22, 24, 28, 29, 30 u l-31 ta’ Mejju, kif ukoll fl-4, fil-5, fis-6 u 7 ta’ Ġunju. Għall-biljetti tista’ tidħol www.stjcav.org, tibgħat e-mail fuq [email protected],  jew billi iċċempel fuq 2122 3200.

More in Arti