
Kotba | Serving Kant, jew Ħarset il-Mara
Fl-ewwel paġna letterarja tagħha, Miriam Galea tixħet lenti fuq il-ġurnal letterarju online Aphroconfuso u tħares b’mod partikolari lejn l-“istorja qalbiena” ta’ Glorianne Micallef, ‘Sottomissjoni’

Jekk xejn, il-kanzunetta rebbieħa tal-Malta Eurovision Song Contest li qajmet tant għagħa hi turija tal-attitudni dejjem iktar qawwija u ħielsa tan-nisa Maltin, li ħallew warajhom il-kumplessi reliġjużi u soċjali, u minflok qed jaħkmu s-setgħa tagħhom. Din il-ħakma tas-setgħa hi mifruxa f’kull forma t’arti lokali, hux fil-mużika ta’ kantawturi bħal Kim Pepe, Stephanie Sant u Martha Theuma (Das Birthday Girl), fl-arti viżiva b’artisti u kuraturi bħal Rebecca Bonaci u Elyse Tonna, u oħrajn fix-xena lettararja fejn, minbarra kittieba nisa iktar stabbiliti, qed joħorġu ilħna femminili ġodda qawwija, mirquma u mingħajr apoloġija.
Xi wħud minn dawn l-ilħna femminili friski jinsabu fost l-oħrajn f’ġurnal letterarju online li ilu jiġma’ l-qarrejja minn mindu tnieda. Dan il-ġurnal bl-isem ta’ Aphroconfuso mhuwiex ġurnal speċifikament ta’ kittieba nisa, anzi jiktbu fih taħlita ta’ kittieba kontemporanji Maltin ta’ kull ġeneru, spiss dwar suġġetti u forom li inqas imdorrija niddiskutu u nħaddmu bil-Malti. L-isem ġej mill-ewwel deskrizzjoni stampata tal-Maltin minn Jean Quintin fl-1536 bħala Sqallin imħalltin mal-Afrikan. Aphroconfuso nieda l-ewwel antoloġija stampata tiegħu, Antoloġija 1 (Aphroconfuso, 2024), f’Novembru li għadda. Ħieles mil-limiti ta’ pubblikaturi kummerċjali u konvenzjonali, dan il-ġurnal qed iservi ta’ pjattaforma għal għadd kbir ta’ kittieba ġodda u differenti li qed jittrattaw suġġetti delikati u speċifiċi b’mod awtentiku, esperimentali u kurrenti, bil-għan li jiżviluppaw il-lingwa Maltija f’reġistri u suġġetti li s-soltu ma jitħaddmux fiha. Ħafna kitbiet fil-ġurnal jeżistu wkoll bħala poddati, li jagħmlu wkoll iktar kurrenti.
Kittieba fuq Aphroconfuso li laqtitni ferm kienet Glorianne Micallef, bl-istorja qalbiena tagħha, ‘Sottomissjoni’. Minkejja l-bosta preġji tat-test, l-ewwel ħaġa li affaxxinatni kienet il-leħen kważi stradikat tal-kittieba. Leħen blasee, għala biebu, u ċiniku b’ċerta vjolenza. Is-salvaġiżmu fil-kitba ta’ Micallef jaqbad kwalità essenzjali tan-nisġa Maltija u l-fatt li dan it-ton ħiereġ minn ħalq mara jagħmlu aktar b’saħħtu. L-istil ta’ kitba ta’ Micallef jinħass bħal daqqa ta’ ħarta iżda minn dawk li jagħtu pjaċir. L-istil goff iżda nieqes minn kull sforz li bih Micallef tiddeskrivi sensiela ta’ avventuri sesswali tal-protagonista femminili juri ċerta kunfidenza mitluqa fil-leħen tagħha. Il-mod effiċjenti u mexxej li bih tiġbor f’biss ftit kliem, sempliċi imma sintetizzat, is-sens melankoliku: “sens ta’ dwejjaq mit-tip li tħoss meta tmur vaganza u tixba’ meta tkun għadha lanqas għaddiet nofsha” jagħti wkoll laqta moderna. Ir-ritmu mexxej u dinamiku, donnu bħal tal-films ta’ azzjoni, jagħmel ukoll it-test divertenti u adattat għall-istil ta’ ħajja mgħaġġla tal-lum, flimkien ma’ sens ta’ umoriżmu iswed tul l-istorja ugwalment effettiv bi ftit kliem xott magħżul b’ħila.
Dan it-test, madankollu, mhuwiex sempliċement pulp fiction, grazzi għal mumenti każwalment traxxendenti fejn Micallef iddeffes għal għarrieda metafora jew immaġni f’nofs deskrizzjoni goffa u mondana, bħall-immaġni poetika ta’ magħmudija li jirnexxilha toħloq f’nofs sentenza li tiddeskrivi toilet qed jiġi flaxxjat mid-dmija waqt l-esperjenza ħarxa ta’ abort: “Ġibdet il-katina, u l-ħmura tgħammdet bl-ilma ċar sakemm telqet għalkollox.”
L-istorja tolqot il-qarrejja wkoll għax hi topika. Micallef taqbad tajjeb is-sens ta’ libertinaġġ bla pinnur u diżilluż tal-ġenerazzjoni żagħżugħa lokali kurrenti. Tittratta s-suġġetti kontroversjali tas-sess każwali u l-abort. Xi ħaġa friska li nisimgħu s-sess irrakkuntat minn perspettiva femminili, speċjalment fil-kitba lokali, fejn kien hemm żmien meta dan is-suġġett ġie rrakkuntat iktar minn kittieba maskili b’ton forsi kemxejn maċist u esklużiv.
B’dan il-mod, ir-rakkont jaħkem lura r-rappreżentazzjoni tan-nisa u l-esperjenza sesswali tagħhom minn ħarset ir-raġel (il-male gaze) għal ħarset in-nisa (il-female gaze) minflok. Ironikament, minkejja li Micallef tittratta s-sottomissjoni femminili, qed taħkem lura s-setgħa billi toħloq protagonista tal-esperjenza femminili minflok oġġett passiv osservat mill-irġiel, kif spiss kienu karattri femminili rappreżentati minn awturi maskili. Tikteb, pereżempju, dwar il-“libsa (issikkata fejn suppost)”. Tant drajna nisimgħu awturi rġiel jagħtu deskrizzjonijiet każwalment sesswalizzati ta’ karattri femminili (spiss passivi, mhux żviluppati biżżejjed u erotikament romantiċizzati) imma, f’dal-każ, il-fatt li hi l-protagonista li tikkontrolla b’mod konxju s-sesswalizzazzjoni tagħha stess jaħkem lura s-setgħa femminili.
Bl-istess qlubija każwali, Micallef tagħti deskrizzjonijiet intimi grafiċi u bla skrupli tal-ġisem femminili u s-sess li kemm jagħtu viżibilità lis-sesswalità tant sottorappreżentata femminili, kif ukoll jeqirdu t-tabù dwarha bil-mod li kitbietha tinnormalizzahom, bħal meta tiddeskrivi l-ġenitali femminili: “il-ġilda laxka”; il-mekkaniżmi ta’ eċitament sesswali: “kienet sorpriża li kienet imxarrba sew u tħawdet b’din l-inkongruwenza bejn il-moħħ u l-għoxx. U meta mill-ewwel reġa’ poġġa idu ma reġgħetx ippruvat tneħħiha”, “il-qalziet ta’ taħt kollu ċaflis”; l-esperjenza femminili ta’ sess mekkaniku: “Ħin minnhom kważi ġieha d-daħq tħossu joqmos qisu fenek u jintrass ġo fiha”; skumdità fiżika sesswali femminili: “hu u jinstabat ġo fiha, b’żo**u li frankament kien kbir wisq biex jagħtiha pjaċir, u jsabbatha mal-blat [...], jisolħilha rkejjen li kienu ħelsuha mill-istmu” u “kienet għadha xi ftit misluħa”; u finalment is-sess medjokri u sfurzat: “qisha f’morsa, tingħafas, tingħafas, sakemm il-le saret iva [...] B’iva hemm ċans tajjeb li sa siegħa oħra tkun lura f’postha taħt il-friex. Waħidha.”
B’sens umoristiku fin, Micallef tirrappreżenta wkoll il-ġisem maskili minn ħarset il-mara, bħall-perċezzjoni esaġerata ta’ ċerti rġiel tad-daqs tal-peni tagħhom: “f’kemm trodd salib ikkonkludiet li għalkemm xi ftit ikbar mill-medja skont l-etniċità tiegħu, zokk ma kienx. Forsi fergħa mdaqqsa” u “l-ebusija ta’ bejn kuxxtejh”.
Il-qawwa sodisfaċenti ta’ leħen Micallef hu fil-fatt li l-istil mitkellem u goff li bih tikteb dwar protagonista mara jinstema’ daqstant għala biebu u salvaġġ daqs protagonisti u awturi rġiel. F’‘Sottomissjoni’, welldet macho femminili, u li madankollu differenti mill-macho maskili, għax tagħraf is-sottomissjoni tagħha stess, iżda tagħmilha tagħha u taħkimha għalina n-nisa lkoll. Glorianne Micallef tikteb bħal raġel: bil-bajd... jew aħjar: bil-vaġina!