
Il-ħajja storja, l-istorja idea
Fil-paġna letterarja tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jħares lejn il-ġabra ta’ esejs ta’ Kurt Borg, Sens ta’ Ħarifa, ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin. Cossai jirrifletti dwar il-ġeneru tal-esej u l-effett tiegħu fuq il-kittieb u anki l-qarrej, filwaqt li jġib eżempji – anki personali – ta’ dan l-effett minn għadd ta’ esejs f’dil-ġabra

Qegħdin ngħixu fi żmien ta’ bidla. Diffiċli wieħed jiddetermina eżattament meta beda, minħabba li f’dawn l-aħħar kważi erbgħin sena tista’ tgħid li seħħet bidla radikali kull ftit snin. Madankollu, naħseb li raġonevolment nistgħu ngħidu li minn ħames snin ilu ’l hawn ġraw affarijiet li wasslu għal ħafna introspezzjoni u qajmu diversi mistoqsijiet: l-ewwel il-pandemija, imbagħad il-mewġa tal-Intelliġenza Artifiċjali. Dawn iż-żewġ fenomeni servew ta’ impuls għal ħafna nies biex jistaqsu mistoqsijiet bħal “jien min jien?”, “xi tfisser li tkun uman?”, “xi jfissru r-relazzjonijiet bejnietna?”, “kif għandna ngħixu?”, u oħrajn.
Fl-istess żmien bdejna naraw ukoll bidla letterarja li mmanifestat ruħha fil-ġeneru tal-esej. L-esej ilu ħafna parti mid-dinja tal-kitba, kemm dinjija, kif ukoll lokali. Imma l-esej hu wkoll vast ħafna. Diffiċli tiddefinih. Ġeneralment konna nassoċjawh ma’ forma ta’ kitba li tressaq argument jew tiddiskuti suġġett partikolari, li tipprova tikkonvinċi lill-qarrej dwar xi perspettiva. Fl-aħħar snin, imma, qegħdin naraw dejjem iżjed, f’Malta u bil-Malti, forma differenti tal-esej. Dak personali.
L-esej personali bosta drabi ma jfittixx li jikkonvinċi. Huwa esej miktub minn individwu bl-għarfien, l-esperjenzi, u l-vulnerabbiltajiet umani tiegħu li jsibu ruħhom fuq il-karta. Normalment jittratta esperjenza (jew sensiela ta’ esperjenzi) u minn dawn ifeġġu assoċjazzjonijiet ma’ kuntest usa’. Mill-perspettiva personali joħorġu ideat universali. Assoċjazzjonijiet li sa ċertu punt jagħmilhom l-esejista iżda li, iżjed minn hekk, u għall-kuntrarju tal-esej argumentattiv, jaħdmu daqstant b’dak li ma jintqalx daqskemm b’dak li jintqal, assoċjazzjonijiet li jagħmel il-qarrej mingħajr ma l-esejist jaqbdu minn idejh u jieħdu eżatt fejn iridu. L-esej personali huwa stil ta’ kitba li jillibera, kemm lill-kittieb, kif ukoll lill-qarrej.
Dan l-istil sab l-ewwel kenn pubbliku tiegħu, naħseb, fil-ġurnal Aphroconfuso, iżda bil-pubblikazzjoni ta’ Sens ta’ Ħarifa ta’ Kurt Borg minn Klabb Kotba Maltin fi tmiem l-2024 sab kenn ukoll fil-forma iżjed tradizzjonali tal-ktieb. Skont Borg stess, din hija ġabra ta’ seba’ esejs. Għalija fiha tmienja. In-nota “Kliem”, qasira kemm hi qasira, naħseb li wkoll għandha titqies bħala forma ta’ esej. Fiha nsibu ħafna mill-istess tekniki li jikkaratterizzaw l-esejs l-oħra: il-vuċi konfessjonali; is-sbuħija u l-kreattività fl-użu tal-lingwa; ħsieb ċentrali mgħoddi b’mod indirett; u r-riflessjoni minn esejist li jixtarr xi kwistjoni.
Is-suġġett tal-kliem, fil-fatt, huwa ttrattat f’esejs oħra. F’“Ittri”, għalkemm is-suġġett huwa l-kitba tal-ittri (li fis-sens konfessjonali u intimu tagħhom, jixbhu sew lill-esej personali), Borg jiddedika ftit sentenzi għall-evoluzzjoni maż-żmien tat-tifsiriet tal-kelma “queer”. Imbagħad, f’“Raġel” għandna esej sħiħa dwar “ir-raġel veru”, “l-Ideal”, dwar kif is-soċjetà tipprova timponi “Forma tal-Ħsieb” fuq l-irġiel, waħda li topera fuq “loġika ta’ battalja”. Borg jiddubita din l-interpretazzjoni ta’ rġulija, jistaqsi lilu nnifsu jekk hux aħjar jew le li tkun hekk. Jara rabtiet profondi bejn din it-tifsira ta’ raġel u l-marġinalizzazzjoni u l-oppressjoni.
Dawn l-esejs, skont Borg fin-nota, inkitbu fl-2021 iżda xi sentenzi fi wħud minnhom, speċjalment f’“Raġel”, jinħassu qishom setgħu nkitbu fl-aħħar jiem fil-kuntest soċjopolitiku preżenti issa li beda t-tieni terminu ta’ Trump bħala l-President Amerikan. Ladarba fl-esej personali parti mix-xogħol biex isiru l-assoċjazzjonijiet u joħorġu t-tifsiriet issir mill-qarrej, mela inevitabbilment il-qarrej se jġib miegħu l-kuntest personali tiegħu minn dinja li baqgħet iddur u tinbidel anki wara li nkitbu dawn l-esejs. Is-sugu tal-esej jirriżulta pjuttost minn taħlita fejn jiltaqgħu l-esperjenzi personali tal-qarrej u tal-esejist. Dan jibqa’ jġedded dawn il-kitbiet u jagħtihom dejjem nifs ġdid. Huwa fenomenu xi ftit jew wisq simili għal meta, kif isemmi Borg f’“Kotba”, terġa’ lura għal ktieb wara xi snin u tara n-noti li kont ħadt dakinhar, u tiftakar kif kont qabel, forsi tirrealizza li l-fehma tiegħek inbidlet.
Fi żminijiet differenti, mela, esejs differenti jieħdu prijorità. Dan jiġġustifika l-għażla li l-esejs jiġu ppubblikati f’ordni kronoloġika ta’ kif inkitbu, mingħajr rabta ovvja bejniethom, kif jindika Borg fid-daħla. Fil-verità setgħu faċilment ingħataw ordni li minnha nnifisha twassal ċerti ħsibijiet, imma l-punt ta’ dan l-istil tal-esej, għall-kuntrarju ta’ stili oħra, hu li kemm jista’ jkun ma jimponix ideat. Iħalli lill-qarrej jagħmel l-assoċjazzjonijiet anki bejn esej u ieħor, u l-ordni diżordnata tgħin f’dan.
L-esejs jiddiskutu suġġetti varji imma fil-biċċa l-kbira, bħalma għamilna ħafna minna fil-konfront tal-bidliet il-kbar li rat id-dinja fl-aħħar ħames snin, jużaw xi esperjenza bħala punt tat-tluq għal mistoqsijiet dwar l-identità personali, minn fejn ġejna, kif għandna ngħixu u fejn sejrin. F’“Kotba”, inħoss, insibu mudell għall-bqija tal-esejs. Fil-fatt dan l-esej huwa ż-żerriegħa ta’ kollox; jesplora kif l-awtur sar min sar. Kitba konfessjonali għall-aħħar, iżjed mill-oħrajn. U kuraġġuża. Ħassejtni nirrelata ħafna ma’ kulma kiteb fiha, ma nafx jekk hux għax hi esperjenza universali jew sempliċement għax inzertajna kellna esperjenzi simili. Tant irrelatajt, fil-fatt, li mill-bidu bdejt nara fid-deskrizzjonijiet ġenerali tiegħu dwar, pereżempju, l-iskola, il-memorji l-iżjed partikolari tiegħi ta’ post speċifiku li, kważi kważi, ikkonvinċejt ruħi li bilfors l-esejist attendieh ukoll. Ta’ min inżid li, minn indikazzjonijiet żgħar fl-aħħar esej fil-ġabra, donnu fil-fatt hekk hu, hi l-istess skola, u l-fatt li dan kien possibbli jintgħaraf minn esej differenti li żżomm ruħha ġenerali jgħid ħafna dwar il-ħila kbira ta’ Borg li jsarraf dak li ġarrab għal fuq il-karta.
Il-ħsieb jitmexxa, tista’ tgħid kull esej, mill-intertestwalità. Ma naħsibx li dan hu aspett neċessarju tal-esej; sempliċement huwa l-mod kif Borg, bħala qarrej u studjuż, jesperjenza l-ħajja. L-esej, jikteb Borg, jikxef xi ħaġa dwar min jiktbu. L-esej huwa proprju l-oppost tal-idea li l-bijografija tal-awtur m’għandhiex tidħol fl-interpretazzjoni. Impossibbli ma tarax lil Borg f’dawn l-esejs. L-esej, fil-fatt, huwa ġeneru nofsani. Li kieku kelli npinġi dijagramma Venn, f’ċirku minnhom kont inpoġġi l-filosofiku-akkademiku, f’ċirku ieħor il-kreattività, u f’ieħor il-personali. U fil-punt fejn jiltaqgħu, l-esej.