Pitturi tal-appostli ta’ Stefano Erardi issa fuq il-ħitan tal-Palazz tal-Inkwiżitur

Dawn il-ħmistax-il pittura, li jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali, joriġinaw minn mill-inqas żewġ settijiet differenti, kif jixhdu r-rappreżentazzjonijiet dupplikati ta’ wħud mill-qaddisin u t-tipoloġiji differenti fl-isfond

Ħmistax-il pittura tas-seklu sbatax tal-artist magħruf Malti Stefano Erardi, li juru lill-appostli, ġew trasferiti lura f’idejn Heritage Malta u l-maġġoranza ġew installati bħala parti mill-wirja permanenti fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu. Il-pitturi ġew trattati mit-tim ta’ konservazzjoni ta’ Heritage Malta. Il-vjaġġ li wassal biex ingħaqdu mill-ġdid imur lura għall-2018, meta grupp ta’ kuraturi ta’ Heritage Malta ntebħu li numru ta’ pitturi tal-appostli li jaqblu kienu mxerrda f’mużewijiet u proprjetajiet tal-gvern – tnejn kienu fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħ’Attard, ieħor kien fil-Palazz tal-Inkwiżitur, ieħor fil-Palazz tal-Gran Mastru u l-bqija jżejnu ministeri u binjiet pubbliċi.  

F’koperazzjoni ma’ diversi entitajiet, il-pitturi ġew trasferiti lura lejn Heritage Malta, fejn il-konservaturi, bl-għajnuna ta’ xjentisti fil-laboratorji tagħha, wettqu proġett estensiv ta’ restawr u konservazzjoni matul l-2024. Din is-serje ta’ ‘Apostolato’ tikkonsisti f’għadd ta’ pitturi maħluqa minn Stefano Erardi u l-bottega tiegħu bejn is-snin 1670 u 1680, li juru busti realistiċi tal-appostli. Dawn is-settijiet kienu mfittxija biex jiġu mdendla, kemm f’postijiet reliġjużi, kif ukoll f’oħrajn privati.  

Dawn il-ħmistax-il pittura, li jiffurmaw parti mill-kollezzjoni nazzjonali, joriġinaw minn mill-inqas żewġ settijiet differenti, kif jixhdu r-rappreżentazzjonijiet dupplikati ta’ wħud mill-qaddisin u t-tipoloġiji differenti fl-isfond. Minkejja li għandhom dehra aktar stilizzata, l-appostli ta’ Erardi jagħtu ġieħ lix-xogħol tenebrist tal-kontemporanju tiegħu Mattia Preti. Il-pitturi ġew studjati fil-fond u trattati b’reqqa kbira, bil-għan ewlieni li jiġu ppreservati. Fejn kien hemm telf ta’ żebgħa u induratura, imtela mill-ġdid, u l-verniċ u ż-żebgħa mhux oriġinali tneħħew biex jinkixfu dawk oriġinali. Id-deformazzjoni tat-tila tnaqqset, u l-pitturi ġew imġebbda mill-ġdid.  

Dawn l-interventi kkonfermaw ukoll l-awtentiċità tal-artefatti. Minkejja n-nuqqas ta’ dokumentazzjoni arkivjali biex tikkonferma kollox, il-ħmistax-il pittura huma attribwiti lil Stefano Erardi u l-bottega tiegħu għal raġunijiet stilistiċi u tekniċi. Il-profili tal-wiċċ fis-settijiet tal-appostli jidhru wkoll fid-diversi pitturi reliġjużi ta’ Stefano Erardi li jinsabu mxerrda madwar il-gżejjer. Settijiet impinġija tal-‘Apostolato’ huma tipiċi ta’ binjiet ekkleżjastiċi u kollezzjonisti, u fil-fatt kwadri li jirrappreżentaw l-appostli jidhru f’diversi inventarji tal-Palazz ta’ żmien l-Inkwiżituri. Għaldaqstant, dawn il-pitturi jikkumplimentaw il-kunċett ta’ ‘historic house’ li bħalissa qed jiġi studjat fl-arkivji Inkwiżitorjali u li qed jiġi propost dejjem aktar fil-Palazz tal-Inkwiżitur – fejn issa jistgħu jiġu apprezzati flimkien, wara tant snin. 

More in Arti