
Miċ-Ċinema : Films ġodda din il-ġimgħa
Ara x'films ħarġu fiċ-ċinema din il-ġimgħa, fosthom il-film The Promise li biċċiet minnu nġibdu hawn Malta

The Promise
Atturi Ewlenin: Oscar Isaac; Charlotte LeBon; Christian Bale; Rade Sherbedgija.
Direttur: Terry George.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 134 min.
Ċert.: 12A
Xi avvenimenti koroh u ta' mistħija li ġraw fil-passat, illum huma kważi minsija. Wieħed importanti, fost dawn, hu l-ġenoċidju tal-poplu Armen fl-1915 mill-armata Torka. Sal-preżent, il-gvern Tork baqa' ma jridx jammetti li ġara dan il-katastrofu. L-Imperu Tork Ottoman, fl-1914, fil-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija, kien beda jisfaxxja. Dan kien sinjal ħażin għall-gruppi żgħar etniċi Griegi, Assirjani u speċjalment Armeni li kienu jgħixu f'dan il-pajjiż li daħal fil-gwerra alleat tal-Ġermanja. "The Promise" jitratta, minn lat wieħed, din it-traġedja kif seħħet fil-villaġġ antik Siroun, fit-Turkija t'Isfel fejn il-Musulmani Torok u l-Armeni Ortodossi għal sekli sħaħ għexu fil-paċi. Il-protagonisti tal-film huma Michael Boghosian [Isaac], student tal-mediċina li jrid jagħmel xogħol ta' fejda fir-raħal tiegħu, Chris Myers [Bale], foto-ġurnalista li jħobb lil Ana [LeBon], u li flimkien ġew minn Pariġi. Però, meta Michael jiltaqa' ma' Ana, l-eredità Armena li jħaddnu bejniethom tattirahom lejn xulxin u bejn iż-żewġt irġiel tinbet rivalità romantika. Dawn it-tnejn se jkollhom irażżnu l-passjoni tagħhom meta ħajjet kulħadd tkun mhedda bil-kbir mill-armata Torka. Il-wegħdiet li jsiru se jinkissru, imma wegħda waħda żgur li se tinżamm - dik li min jibqa' ħaj ixandar din l-istorja ta' għajb mal-erbat irjieħ. "The Promise" għandu andament xi ftit repetut però epiku, fejn mijiet ta' nies spiss jidhru fis-sekwenzi ta' xogħol iebes sfurzat, tal-battalji u ħarbiet qalb il-kampanja u l-muntanji. Id-direttur Kanadiż ta' nisel Armen, Atom Egoyan, diġà wera dan il-ġenoċidju fil-film "Ararat" tal-2002. Ta' min ikun jaf li l-flotta Franċiża li ħelset mijiet ta' Armeni mill-furja tas-suldati Ottomani, kienet stazzjonata Malta.

Lady Macbeth
Atturi Ewlenin: Florence Pugh; Cosmo Jarvis; Paul Hilton; Naomi Ackie; Christopher Fairbank.
Direttur: William Oldroyd.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 89 min.
Ċert.: 15.
"Lady Macbeth", film tassew atmosferiku ta' bruda palpabbli, hu addattat minn fuq in-novella ta' Nicolai Leskov "Lady Macbeth Of Mtensk". Kif verament jindika l-isem, dan hu b'xi mod ispirat mit-traġedja klassika ta' William Shakespeare, bi ħjiel ta' "Lady Chatterley's Lover" [is-sinjura tad-dar tfittex sodisfazzjon sesswali ma' ħaddiem li jieħu ħsieb iż-żwiemel], kif ukoll jalludi għal "Wuthering Heights" [l-ambjent deżolat ta' xagħri estensiv, dejjem b'sema msaħħab skur jew imċajpar u riħ ivenven]. Id-dehra tal-film hi waħda ta' minimalizmu u semplicita', però' minn taħt għaddejjin kurrenti ta' ingann, vendetta u dominanza. Biex dan ix-xogħol juri atmosfera barrokka, id-dar statali hi mimlija spazju limitat, kurituri twal li jnisslu sens ta' biża' u misterju, bi djalogu skars u ftit mużika. Fl-1865, fl-Ingliterra ta' Fuq, Katherine [Pugh], tfajla ta' 17-il sena tiżżewweġ fi knisja battala lil Alexander [Hilton] li għandu 40 sena. Iż-żwieġ tagħhom qatt ma jkun konsumat u hi, f'disperazzjoni, iddur fuq Sebastian [Jarvis] li jieħu ħsieb ir-razzett ta' mad-dar, raġel li ma tantx joqgħod għall-ordnijiet. Katherine, minn mara ta' wiċċ innoċenti tibda turi l-veru karattru tagħha ta' waħda li tasal għal kollox, basta tieħu s-supremazija fuq kulħadd. Din l-attitudni tagħha, se ġġib inkwiet kbir, imwiet u forsi destin ikrah fuqha stess. "Lady Macbeth" hu l-ewwel film tad-direttur William Oldroyd, però tassew iħabbatha bil-kbir mal-aqwa films Brittanici li nsejħulhom "tal-kostum" jew "tal-antik" speċjalment dawk tal-kumpanija Gainsborough. Il-qofol qiegħed fl-interpretazzjoni intensa u żgura ta Florence Pugh bħala Katherine.

Mindhorn
Atturi Ewlenin: Julian Barratt; Essie Davis; Andrea Risborough; Steve Coogan; Russell Tovey.
Direttur: Sean Foley.
Maħruġ minn KRS Releasing.
Tul: 89 min.
Ċert.: 15.
"Mindhorn" hija kummiedja sfrenata, parodija gwappa ta' serje televiżivi bħal "Bergerac" u "The Six Million Dollar Man". Fiċ-ċentru nsibu lil Richard Thorncraft [Barratt], attur famuż fis-snin tmenin għal "Mindhorn", serje televiżiva dwar ditektiv li kien jiġġieled il-kriminali mghejjun minn apparat f'għajn waħda ; li bih ikun jaf meta n-nies ikunu qed jigdbu. Dan issa spiċċa u mhu kapaċi għal xejn, anzi sar l-oġġett taż-żuffjett għal ħafna, speċjalment dawk li kienu jaħdmu miegħu, l-aktar Peter Eastman [Coogan]. Meta qattiel miġnun fuq il-gżira Isle Of Man, il-post fejn Mindhorn xi ħamsa u għoxrin sena ilu kien jirrenja, qed jagħmel festa sħiħa, il-pulizija tal-post jibagħtu għalih. Malajr jaħtaf din l-offerta u bit-tir li jerġa' jakkwista l-popolarità, jerġa’ jilbes il-kostum ta' ditektiv u l-għajn robotika u jinvolvi ruħu f'intriċċi ta' sogru, ta' umorizmu u anki ta’ farsa redikola, biex jipprova jaqbad il-ħati jew ikompli jirrovina ħajtu aktar. Fuq din il-missjoni ġdida tiegħu, jerġa' jieħu grazzja ma' Patricia Deville [Davis], il-maħbuba tiegħu ta' qabel u jipprova jakkwista mill-ġdid l-imħabba tagħha. Il-ħeffa li kellu qabel marret u sikwit narawh jaqta' nifsu jew jixkana mal-art waqt xi ġirja. F'din il-kariga tiegħu, Thorncraft jirreaġixxi bħallikieku qed jaħdem xi episodju ta' "Mindhorn". Fil-parti prinċipali Julian Barratt jipprova jimita xi kummidjanti Brittanici tal-passat, fejn kultant juri li hu baħbuħ u drabi oħra jistona, iżda dejjem jeċċella bħala wieħed li sar vroma.