Ritratti | Ferneżija biex jgħattu l-armar hekk kif infetħu bwieb is-sema
Tifkiriet koroh ta' tliet snin ilu meta maltempata qalila kienet ikkawżat ħsarat kbar fl-armar ta' dawn iż-żewġ festi
Dalgħodu, id-dilettanti tal-festi ta' San Ġorġ u San Nikola li matul din il-ġimgħa qed jiċċelebraw il-festi, kellhom ixammru l-kmiem u jħaffu biex jgħattu l-armar tal-festa wara ħalba xita li mistennija tippersisti fis-sigħat li ġejjin, propju fl-ewwel jum tas-sajf.
Ritratti li qed iduru fuq il-midja soċjali, juru d-dilettanti tal-festa jħaffu biex jgħattu l-istatwi u l-injam li matul dawn il-jiem qed iżejjen it-toroq ewlenin ta' Ħal Qormi u s-Siġġiewi.
F'Ġunju tal-2016, iż-żewġ festi kienu sofrew eluf ta' ewro ħsarat fl-armar tal-festa wara maltempata qalila li kienet laqtet lil Malta propju fil-jiem tal-festa, tant u hekk li għadom sal-lum isewwu u jirrestawraw dan l-armar.
Intant, skont l-Uffiċċju Meteoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, ix-xemx mistennija tistaħba anke għada għalkemm mhux imbassar li se tagħmel xita kbira.
Is-Sibt u l-Ħadd, lejlet u nhar il-festa, id-dilettanti jistgħu jserħu rashom, għax ix-xemx se terġa' toħroġ tiżreġ.
Ritratti: Ivan Delia