Ritratti | It-temp itertaq qalb id-dilettanti; Ħsarat fl-armar ta' Ħal Luqa
Imma jidher li sal-aħħar tal-ġimgħa se terġa' tiżreġ ix-xemx
L-istaġun tal-festi daħal ġmielu u normalment dan ikun ifisser temp sabiħ u sħana kbira. Madanakollu din is-sena, il-maltemp iddeċieda li jtertaq qalb id-dilettanti tal-festi, għax jekk mhux riħ qawwi, kif laqtu l-festi ta' San Filep, Santa Katarina u l-Madonna tal-Ġilju, ġiet ix-xita li tat battikata tajba lill-Ġorġjani u lis-Siġġiwin u dalgħodu lid-dilettanti ta' Ħal Luqa.
Ritratti, li ttellgħu fuq il-paġna ta' Facebook tal-Soċjetà Filarmonika 'L-Unjoni' ta' Ħal Luqa, juru d-dilettanti jgħattu l-armar tal-festa li bħalissa qed ilibbes it-toroq ta' dan ir-raħal, li nhar il-Ħadd se jiċċelebra l-festa ta' Sant'Andrija.
Madanakollu, laħqet saret ħsara fuq xi armar tal-festa, fosthom anġlu li minħabba r-riħ qawwi li ġabet magħha l-maltempata, spiċċa biex għeleb minn fuq il-pedestall u ġarrab ħsarat kbar.
Intant, skont l-Uffiċċju Meteoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta, għall-bqija tal-ġimgħa ma jidhirx li fadal aktar xita. L-Erbgħa nistennew xi ftit tar-riħ iżda mill-Ħamis ix-xemx se terġa' tiżreġ.
Dan jawgura tajjeb għal dawk kollha li nhar il-Ħadd se jiċċelebraw il-festa, u ngħiduha kif inhi, hawn erba' festi mhux ħażin. Nhar il-Ħadd se jkunu ċċelebrati dawn il-festi:
- San Pawl - Rabat
- Marija Immakulata - Ħamrun
- Il-Madonna tal-Karmnu - Fleur de Lys
- Sant'Andrija - Ħal Luqa
- Sacro Cuor - Tas-Sliema
- Il-Madonna ta' Lourdes - Qrendi