Il-Konkatidral ta' San Ġwann ... patrimonju dinji fil-Belt Valletta
Clifford Galea jagħti ħarsa lejn waħda mill-aktar ġawhar importanti li jżejnu l-Belt Kapitali Maltija...
Fl-aħħar jiem, il-Knisja Universali ċċelebrat il-milied ta’ San Ġwann. Jum li jiċċelebrawh ukoll b’solennità kbira l-Kavallieri ta’ San Ġwann, għax huwa l-jum tat-twelid tal-qaddis patrun tagħhom. Il-qaddis li lilu ddedikaw l-isbaħ tempju li qatt bnew f’900 mitt sena tal-istorja tagħhom u li ħallewlna bħala ġojjel fil-patrimonju nazzjonali tagħna.
Ikkummissjonat fl-1572 mill-Gran Mastru Jean de la Cassiere bħala l-knisja konventwali tal-Ordni tal-Kavallieri Ospitaliera ta’ San Ġwann u ddiżinjat mill-bravu perit Malti Girolamo Cassar, il-Konkatidral ta’ San Ġwann huwa monument uniku ta’ importanza internazzjonali. Il-knisja hija ddedikata lil San Ġwann il-Battista, il-qaddis patrun tal-Ordni.
Il-kavallieri kienu nies nobbli ġejjin mill-aktar familji importanti tal-Ewropa, u l-missjoni tagħhom kienet biex jipproteġu l-fidi Nisranija mill-attakki tal-Ottomani. Wara li rnexxielhom jiddefendu l-gżira żgħira ta’ Malta kontra l-qawwa tal-Ottomani fl-Assedju l-Kbir tal-1565, dawru lil Malta f’fortizza li kienet tixraq lill-Ordni militari, u bnew belt kapitali ġdida, li kienet tixraq lil dawn in-nobbli. Wieħed mill-aktar postijiet prestiġjużi fil-Belt Valletta kien riservat għall-knisja tagħhom.
Il-bini fuq il-knisja ta’ San Ġwann intemm fl-1577. Il-faċċata nieqsa mid-dekorazzjoni, għandha kampnar fuq kull naħa, hija mibnija fuq stil sever u għandha l-karattru ta’ fortizza, li tirrifletti il-ħsieb tal-Ordni ftit snin wara l-Assedju l-Kbir. Il-korsija twila 53 metru u wiesgħa 15-il metru, b’kappelli fuq iż-żewġ naħat. Dawn il-kappelli ngħataw lil-lingwi skont is-senjorità tagħhom. Il-Franċiż, l-Aragoniż u t-Taljan tpoġġew viċin l-altar maġġur minħabba l-prominenza tagħhom.
Hekk kif fis-seklu sbatax beda dieħel l-istil artistiku tal-barokk, il-Gran Mastru Cotoner ordna biex il-knisja minn ġewwa tkun dekroata mill-ġdid skont l-istil ġdida.
Il-kavallieri kienu ħerqana li jikkompetu mal-knejjes il-kbar ta’ Ruma u l-karattru dimostrattiv tagħhom jipprovdilhom ħafna materjal u possibilitajiet. Taw rigali ta’ livell artistiku għoli u taw kontribuzzjonijiet kbar biex tiżżejjen il-knisja bl-aħjar xogħlijiet mill-aħjar artisti tal-perjodu. L-artist Taljan minn Kalabrija, Mattia Preti, li kien ikkummissjonat biex jaħdem fil-knisja, biddel il-knisja minn ġewwa f’ċelebrazzjoni tal-arti barokka. Dan huwa l-kuntrast kbir li hemm bejn il-faċċata sempliċi u serja mal-istil aktar ferrieħi u festiv li naraw fil-Konkatidral ta’ San Ġwann minn ġewwa, u li jagħmlu dan il-monument uniku.
Nhar it-12 ta’ Ġunju 1798, il-Kavallieri kellhom iċedu l-gżejjer Maltin lill-Ġeneral Napuljun Bonaparte, u minħabba f’hekk telqu l-knisja konventwali tagħhom minn idejhom. Kien f’dan iż-żmien li l-knisja saret Konkatidral. Il-Franċiżi ċedaw fl-1800 u l-Ingliżi ħadu t-treġija tal-gżejjer f’idejhom. L-istess privileġġi li kellhom il-kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann beda jgawdihom il-Gvernatur Ingliż, u wieħed minn dawn il-privileġġi kien l-użu tal-Konkatidral ta’ San Ġwann.
Fis-seklu 19, il-kappella ta’ Franza spiċċat fil-mira tal-fanatiżmu tan-Nazzareni, moviment ispirat biex jirriforma l-arti Kristjana u jitneħħa l-ispirtu festiv tal-barokk. Il-Konkatidral ta’ San Ġwann ġie fdat f’idejn Giuseppe Hyzler (1787 – 1858) il-mexxej tal-moviment Nazzareni f’Malta. Fil-ħerqa tiegħu biex jaħdem, huwa beda bil-kappella ta’ Franza, u neħħa l-altar, li probabbilment kien wieħed mill-aktar altari dekorati u interessanti li kien hemm fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Taħt id-direzzjoni tiegħu, anke l-monumenti funebri fil-kappella kienu se jkunu rranġati u xi ħsara laħqet saret fuq il-monument tal-Gran Mastru de Rohan, meta minħabba protesti qawwija fis-sajf tal-1840, l-awtoritajiet waqqfu dan l-attakk fuq l-arti barokka.
Fl-1941, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-Konkatidral ta’ San Ġwann sofra diversi ħsarat minħabba l-attakki mill-ajru fuq il-Belt Valletta. L-aktar parti li sofriet ħsara kienet il-loġġa fi Triq il-Merkanti, għalkemm il-Konkatidral salva bi ħniena minn din il-qerda kollha. Fortunatament, l-affarijiet li kien hemm u li setgħu jitneħħew, kienu laħqu ttieħdu f’post ieħor għal aktar sigurtà.
Il-parti ċentrali tal-knisja
In-nava rettangolari ta’ dan it-tempju hija pjuttost imdaqqsa hija msaqqfa bi ħnejja grandjuża forma ta’ bettija mifruda bil-kappelli tal-ġenb fuq kull naħa. Għal bosta snin, kienet mgħammra b’mod sempliċi li jaqbel mal-faċċata li naraw illum. Iżda matul il-qawma tal-Kontro Riforma l-intern kien imsebbaħ bl-istil barokk prevalenti tas-seklu 17. Il-karattru estremament elaborat u dimostrattiv ipprovda biżżejjed materjal għal dan. Proġetti importanti ta’ tisbiħ twettqu matul it-tieni nofs tas-seklu matul ir-renju tal-Gran Mastru Nicholas Cotoner li ħeġġeġ it-tisbiħ tal-knisja. Il-kappelli tal-ġnub ġew assenjati lid-diversi Lingwi skont l-anzjanità. L-entużjażmu tal-kavallieri biex isebbħu l-kappelli tagħhom wassal għat-trasformazzjoni tal-kappelli f’eżempju uniku tal-arti Barokka.
Il-programm vast ta’ tisbiħ wassal sabiex għadd sinifikanti ta’ opri tal-arti ġew miġjuba fil-knisja. Il-Gran Mastri kollha kienu kburin bil-knisja konventwali tagħhom u taw rigali ta’ valur għoli lill-knisja. Bosta armi li jappartjenu lill-membri aristokratiċi tal-Ordni ta’ San Ġwann jidhru biex juru l-kontribuzzjonijiet tagħhom.
Wara d-dekorazzjoni tal-ħnejja, l-aktar bidla importanti li ttrasformat il-knisja f’sinfonija ta’ meravilji Barokki, kienet it-tinqix tal-ħitan. Il-ħitan sempliċi tan-nava u l-kappelli ġew imnaqqxin b’motifi elaborati, karatteristiċi ta’ tiżjin barokk, li ttrasformaw il-ħitan f’wirja impressjonanti u varjata ta’ weraq, fjuri, anġli u simboli trijonfali ta’ kull tip, indurati b’mod rikk. Il-pilastri li jirfdu n-nava ċentrali ġew miksija b’irħam aħdar mill-ifjen u fil-parti ta’ fuq tidher l-arma tal-Gran Mastru Nicholas Cotoner.
Is-santwarju tat-tempju huwa l-punt prinċipali tal-knisja peress li hawn jinsab l-altar maġġur. Ġie mogħni b’diversi rigali kemm minn Gran Mastri kif ukoll minn kavallieri. Is-Santwarju kien għadda minn bidliet skont ir-riformi liturġiċi Tridentini, bħal meta l-altar maġġur ġie mgħolli sabiex ikun jidher mill-kongregazzjoni kollha. Fl-1703 l-apsidi ġiet mgħammra b’figuri kbar tal-irħam li juru l-Magħmudija ta’ Kristu minn San Ġwann il-Battista. Dan huwa xogħol tal-iskultur Taljan Giuseppe Mazzuoli. L-altar maġġur fiċ-ċentru tas-santwarju huwa kapulavur ta’ rħamijiet rari u kien rigal tal-Gran Mastru Carafa fl-1685. Il-freġju li jaqsam l-altar minn tarf għall-ieħor jikkonsisti fis-simboli tal-erba’ Evanġelisti u l-imfietaħ bħala attributi ta’ San Pietru u l-kodiċi u x-xabla attributi ta’ San Pawl. Il-motif ċentrali juri l-Aħħar Ċena magħmula kollha minn bronż indurat fuq sfond ta’ lapis lazzuli.
Il-lampier tal-fidda tas-Santwarju huwa oġġett rari u kien rigal ta’ Fra Vincenzo Rospigliosi fl-1669. Id-disinn estremament elaborat huwa xempju tal-istil barokk u tal-ġid li kellhom il-kavallieri matul is-seklu 17.
Disa’ kappelli u oratorju
Il-kappella assenjata lil-Lingwa Anglo-Bavarja kienet oriġinarjament il-kappella fejn kienu jinżammu r-relikwi qaddisa tal-Ordni. Ir-relikwi kienu ttieħdu fis-sagristija minħabba l-umdità f’din il-kappella. Il-kwadru titulari jirrappreżenta l-Kardinal Arċisqof ta’ Milan San Carlo Borromeo, ir-riformatur magħruf tal-fidi Kattolika li qed jiġi ppreżentat lill-Verġni Marija. L-altar għandu wkoll kurċifiss tal-bronż indurat li ħareġ mill-atelier ta’ Alessandro Algardi, skultur Ruman rinomat.
Il-Kappella tal-Lingwa ta’ Provence hija ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu. Il-kwadru titulari juri l-ikonografija ġdida mogħtija lill-Qaddis wara r-Riforma Kattolika. Il-pittura mwaħħla fil-lunetta tirrappreżenta d-Dehra ta’ San Mikiel fuq il-Muntanja Gargano.
Il-kappella hija ddedikata lil San Pawl Appostlu. Il-kwadru titulari ta’ Mattia Preti juri l-Konverżjoni ta’ San Pawl; dan ix-xogħol ġie kkummissjonat fl-1668. Il-pitturi mwaħħlin fil-lunetti jirrappreżentaw In-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta u Qtugħ ir-Ras ta’ San Pawl f’Ruma ta’ artist anonimu. Il-kappella kienet imnaqqxa u ndurata b’mod rikk b’motifi tal-fjurdulis, is-simbolu tal-Kuruna Franċiża.
Il-kappella tal-Lingwa tal-Italja kienet iddedikata lil Santa Katerina ta’ Alessandrija, il-qaddisa patruna tal-kavallieri Taljani. Il-kwadru titulari juri iż-Żwieġ Mistiku ta’ Santa Katerina u huwa xogħol ta’ Mattia Preti ta’ madwar l-1670. Il-pitturi fil-lunetti huma xogħlijiet ta’ nofs is-seklu 17 u juru lil Santa Katerina tiddisputa mal-Filosfi u Il-Martirju ta’ Santa Katerina, ta’ artist anonimu. Il-pitturi laterali mdendlin taħt il-lunetti juru lil Madalena Niedma ta’ artist anonimu; San Ġilormu ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio kienet il-pittura l-oħra li oriġinarjament kienet imdendla faċċata. Illum il-pittura oriġinali hija ppreservata fl-oratorju.
Il-Lingwa tal-Ġermanja kienet tinkludi l-monasteri tal-Awstrija, in-Norveġja, l-Isvezja, id-Danimarka, l-Iżvizzera, il-Polonja, l-Ungerija, l-Alsace u n-Netherlands. Il-kwadru titulari juri x-xena tal-adorazzjoni tal-Maġi lil Ġesù Bambin.
L-ewwel kappella fuq in-naħa tan-Nofsinhar tal-knisja kienet iddedikata lill-Verġni Marija u kienet l-ewwel waħda li ngħatat devozzjoni partikolari. Il-kappella ospitat l-ikona tal-Verġni ta’ Philermos li l-kavallieri kienu ġabu magħhom minn Rodi. L-ikona meqjusa bħala mirakoluża kienet tiġbed devozzjoni kbira speċjalment qabel xi battalja meta l-kavallieri kienu jiltaqgħu u jitolbu għall-interċessjoni tal-Verġni Marija. Meta kienu jiġu lura rebbieħa, kienu jerġgħu jinġabru fil-kappella u jiżżuha ħajr u jippreżentaw l-imfietaħ tal-fortizzi mirbuħa lill-Verġni. L-imfietaħ tal-fortizzi ta’ Lepanto, Passava, Hammet u Patras għadhom fil-kappella. Meta t-truppi ta’ Napuljun ħadu lil Malta f’idejhom fl-1798, il-Gran Mastru Ferdinand von Hompesch ħalla l-gżira u ħa l-ikona miegħu. L-ikona ttieħdet lejn San Pietruburgu, iżda l-post fejn kienet baqa’ mhux magħruf għal bosta għexieren ta’ snin sakemm imbagħad instabet mill-ġdid fil-Montenegro u issa hija esibita fil-Mużew tal-Arti tagħhom.
L-ikona li attwalment qiegħda fil-kappella turi lill-Verġni ta’ Lanciano magħrufa bħala l-Verġni ta’ Carafa. L-ikona hija miżmuma f’paraventu ornamentali ta’ rħamijiet prezzjużi mwaħħla matul ir-renju tal-Gran Mastru Jean Paul Lascaris Castellar u magħluq b’kanċell tal-fidda li twaħħal fl-1752.
Il-kappella tal-Lingwa ta’ Auvergne hija ddedikata lil San Sebastjan u l-kwadru titulari jsegwi din id-dedika. Il-pitturi tal-lunetti juru xeni mill-ħajja ta’ San Sebastjan.
Il-Lingwa ta’ Aragona kienet tinkludi l-prijorati ta’ Katalunja u Navarra u kienet iddedikata lil San Ġorġ. Hija waħda mill-kappelli l-aktar imżejna b’mod rikk fil-knisja. Il-kwadru titulari f’din il-kappella jirrappreżenta lil San Ġorġ fuq Dahar iż-Żiemel li huwa xogħol ta’ Mattia Preti. Il-pitturi laterali li jirrapreżentaw lil San Franġisk Saverju u San Firmin u l-pitturi ġewwa l-lunetti li juru lil San Lawrenz qed jiltaqa’ mal-Papa Sistu II fi triqtu lejn il-Martirju u l-Martirju ta’ San Lawrenz huma wkoll xogħlijiet ta’ Preti.
Il-Kappella tal-Lingwa ta’ Kastilja, Leon u l-Portugall hija ddedikata lill-qaddis patrun ta’ Spanja, San Ġakbu. Il-kwadru titulari huwa xogħol ta’ Mattia Preti u juri lil San Ġakbu il-Kbir. Il-pitturi tal-lunetti juru lil San Ġakbu jegħleb il-Mori u San Ġakbu u l-Verġni tal-Pilar u San Ġakbu il-Kbir. Dawn huma wkoll xogħlijiet ta’ Mattia Preti.
Mal-artali rridu nżidu wkoll l-Oratorju li jikkonsisti fi struttura rettangolari kbira mibnija bejn l-1602 u l-1605 matul ir-renju tal-Gran Mastru Alof de Wignacourt. Din il-kappella mdaqqsa hija ddedikata lill-Martirju ta’ San Ġwann il-Battista u u serviet bħala l-post ta’ devozzjoni għan-novizzi. L-oratorju kien intuża wkoll mill-Confraternità della Misericordia. Fl-1607 Michelangelo Merisi da Caravaggio ġie kkummissjonat ipitter il-kwadru titulari li juri l-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann il-Battista. Għal ħafna snin, il-konfigurazzjoni tal-kamra baqgħet sempliċi u mingħajr tiżjin ħlief għall-pittura ta’ Caravaggio. It-tiżjin preżenti sar bejn l-1679 u l-1690 u kien jikkonsisti fit-tinqix indurat tal-ħnejja u l-arkata fl-apsidi, is-suffett tal-injam indurat ta’ stil Venezjan bi tlett xeni mill-Passjoni ta’ Kristu mdaħħla f’dan il-qafas. Il-pannelli l-aktar baxxi fil-ħnejja juru tnejn mill-fundaturi tal-Ordni waqt li pitturi ta’ tmien qaddisin oħra jżejnu l-ħitan tal-ġnub. Il-pitturi huma kollha xogħol ta’ Mattia Preti.
L-arazzi
Sa madwar ħamsa u għoxrin sena ilu, bħal-lum għall-festa ta’ San Ġwann Battista, din il-knisja katidrali kienet tiżżejjen bl-arazzi mdendlin maż-żewġ naħat tal-korsija ewlenija. L-arazzi juru t-Trijonf tal-Ewkaristija u xeni mill-ħajja ta’ Kristu. Id-disinji tal-arazzi dwar l-Ewkaristija kienu bbażati fuq id-disinni tal-artist Fjamming Peter Paul Rubens li kien għamel oriġinarjament għall-Infanta Isabella ta’ Spanja. Ix-xeni li juru l-ħajja ta’ Kristu huma bbażati fuq kapulavuri oħra ta’ Rubens u Poussin. 14-il pannell jirrappreżenta lill-Verġni Marija, lil Kristu s-Salvatur u lill-Appostli. Ir-ritratt sħiħ tal-Gran Mastru Perellos jgħaqqad is-sett. L-arazzi saru biex jiddendlu mill-gwarniċun tul in-nava tal-knisja f’okkażjonijiet important. L-arazzi kienu kollha minsuġa mill-aktar ħjut fini ta’ suf u ħarir u huma għoljin sitt metri. Id-dimensjonijiet kbar u l-karattru massiv tad-disinji jagħmlu lil dan is-sett wieħed mill-iktar interpretazzjonijiet spettakolari tal-arti Barokka u huma l-aktar tiżjin impressjonanti fil-knisja. Is-sett ta’ arazzi kien wieħed mill-iktar rigali eċċezzjonali li rċeviet il-knisja. Dan is-sett ta’ arazzi kien espressjoni tas-supremazija tal-Knisja Kattolika u l-ġenerożità tal-Gran Mastru u l-Ordni.
Illum il-Kon Katidral ta’ San Ġwann huwa post fejn minbarra għas-servizzi liturġiċi huwa wkoll post fejn jiġu organizzati attivitajiet kulturali, u huwa wieħed mill-aktar siti kulturali popolari mat-turisti li jkunu qed iżuru Malta. Il-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann li twaqqfet fl-2001, tamministra s-sit u tieħu ħsieb il-konservazzjoni kemm tal-knisja kif ukoll tal-mużew.