Lejl imdawwal għall-Belt Valletta

Nhar is-Sibt kulħadd għall-Belt Valletta...Clifford Galea jagħti ħarsa lejn il-programm tan-Notte Bianca

Is-Sibt favorit tal-Belt reġa’ wasal bi kbir din is-sena. In-Notte Bianca ta’ din is-sena se tirritorna għall-11-il darba, akbar minn qatt qabel, għax hija l-Lejl Imdawwal tas-sena li fiha l-Belt Valletta hija l-Belt Kapitali Kulturali tal-Ewropa.

In-Notte Bianca issa saret parti mill-kalendarju kulturali Malti. Kull sena Maltin u barranin ta’ kull età jżuru l-belt kapitali biex igawdu l-atmosfera unika maħluqa mill-kreattività enerġetika tal-għexieren attivitajiet artistiċi, il-ġemgħat tan-nies minn kull fazzjoni tal-ħajja, l-għaqda permezz tal-gastronomija u ovvjament l-istorja u l-wirt rikk tal-Belt. L-approċċ ħolistiku tal-festival lejn l-arti u l-kultura jpoġġi lill-Belt u l-attributi singulari taħt il-lenti.

Notte Bianca hi l-akbar festival annwali tal-arti u l-kultura f’Malta. Għal lejla waħda speċjali fis-sena f’Ottubru l-arkitettura kollha tal-Belt tinxtegħel b’ċelebrazzjoni spettakolari, miftuħa għall-pubbliku bla ħlas.

Il-viżitaturi jistgħu jistennew li jesperjenzaw l-aqwa produzzjonijiet ta’ mużika, żfin, teatru, arti viżiva, avvenimenti letterarji, kif ukoll proġetti li jesploraw id-dinja ġdida tal-arti diġitali. Waqt Notte Bianca, it-toroq u l-ispazji pubbliċi tal-Belt se jintużaw b’modi kreattivi u innovattivi permezz ta’ taħlita ta’ proġetti li jimxu minn post għall-ieħor jew li nħadmu apposta għal xi post partikulari.

Palazzi statali u mużewijiet jiftħu l-bibien tagħhom għat-tgawdija tal-viżitaturi fejn se jkunu jistgħu jaraw wirjiet ta’ arti viżiva jew xogħlijiet teatrali. Toroq u pjazez se jinbidlu f’postijiet għal speattakli żgħar ta’ teatru u mużika, waqt li l-kafetteriji u r-ristoranti se jibqgħu miftuħin għal ħinijiet itwal mis-soltu. Kull fejn iddawwar wiċċek se ssib xi ħaġa biex titpaxxa matul dan il-festival.

Il-Belt Valletta kollha, minn Bieb il-Belt sa Forti Sant’Iermu, se tieħu l-ħajja waqt Notte Bianca b’garanzija li min jattendi din il-lejla se jibqa’ jiftakarha għal għomru.

Notte Bianca huwa l-lejl fejn il-Belt Valletta tqum fuq tagħha. Minn Bieb il-Belt sat-tarf tal-peniżola, kull triq, kull kantuniera, kull pjazza, kullimkien se jkun ħaj bl-ispettakli. Il-mużewijiet, il-knejjes u spazji maġiċi oħra se jkunu qed jistennewk biex tgħaddi daqsxejn sa ħdejhom. Mill-jazz tas-soltu fil-Bridge Bar għaż-żjarat grandjużi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, bla dubju hemm xi ħaġa għal kulħadd. Għalhekk nistedinkom biex nhar is-Sibt mal-familji u l-ħbieb tagħkom, tippassiġġaw, tesploraw, u tgawdu din l-atmosfera.

Dan il-festival ta’ arti u kultura madwar il-Belt din is-sena ser isir nhar is-6 ta’ Ottubru 2018. Huwa mtella’ mit-tim ta’ Festivals Malta u fil-festival ta’ din is-sena  t-toroq tal-belt kapitali u l-postijiet kulturali ser jerġgħu jingħataw il-ħajja, grazzi għal programm mimli u varjat ta’ divertiment.

Minħabba li din is-sena qed niċċelebraw il-Valletta 2018 – il-Kapitali Kulturali Ewropea, in-Notte Bianca ta’ din is-sena għal darb’oħra qed issir b’kollaborazzjoni mal-Fundazzjoni Valletta 18. Ispirata mill-għanijiet tal-Bliet Kulturali Ewropej, il-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet konċernati biddlet lill-Belt Valletta f’belt kulturali vitali u relevanti għall-ġurnata tal-lum. Għalhekk din is-sena n-Notte Bianca ser tkompli tuża l-media ġdida diġitali sabiex toffri esperjenza iktar sħiħa.

“Kienet il-missjoni tagħna li nagħmlu n-Notte Bianca esperjenza esklussiva minn kull aspett,” spjega Sean Buhagiar, id-Direttur Artistiku tan-Notte Bianca. “Għalhekk l-edizzjoni tal-festival ta’ din is-sena hu ikbar u iktar mifrux. Għandna ’l fuq minn 1,000 ruħ li qegħdin jikkontribwixxu għal dan il-lejl speċjali. Il-festival qed jestendi ’l barra mis-swar tal-Belt, billi juża l-Port u t-Tlitt Ibliet, b’attivitajiet li ser iseħħu minn fejn jitilqu d-dgħajjes u fil-venda biex l-esperjenza tan-Notte Bianca tibda mill-ewwel. Qed nippjanaw ukoll li jkun hemm rappurtaġġ live għal min ma jistax jattendi imma jixtieq jara x’qed jiġri xorta waħda. Notte Bianca dejjem kien festival għan-nies, u t-tama tagħna hi li din is-sena tkompli tittejjeb din it-tradizzjoni.”

Atmosfera unika u programm ta’ attivitajiet anċillari, ser ikun qed jikkontribwixxi biex ikompli jagħmel din il-lejla waħda ta’ suċċess. Knejjes, palazzi statali u mużewijiet ser ikunu miftuħin sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu, b’ħafna minnhom joffru wirjiet u xogħlijiet performattivi fi ħdanhom.

Toroq u pjazez ser jinbidlu f’postijiet għal spettakli u kunċerti fil-miftuħ, waqt li ħafna kafetteriji u ristoranti ser jestendu s-sigħat tagħhom kif ukoll ser ikollhom ikel offrut minn bankarelli fuq il-bankini.

Għal dan il-festival annwali, Festivals Malta li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali sabet l-appoġġ tal-Fundazzjoni Valletta 2018, il-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta u tal-Furjana, TVM u MSV.Life.

Għal darb’oħra, Sean Buhagiar (1986) ser ikun id-direttur artistiku ta’ dan l-avveniment. Huwa produttur żgħażugħ, kreattiv u theatre maker ibbażat f’Malta. Fl-2015, Sean ingħata l-Premju għal Żgħażagħ li Jispikkaw mill-Junior Chamber International (JCI) Malta għall-kisba kulturali tiegħu. Sean għandu Baċellerat fl-Istudji tal-Komunikazzjoni u tat-Teatru fl-Università ta’ Malta u ġab Masters fil-Kreattività Performattiva mill-Universitajiet ta’ Ruma, Pariġi u l-Polonja fejn irriċerka Performance Creativity. Bħalissa jaħdem fit-teatru, films u festivals ta’ skala kbira.

Ilu attiv fit-teatru lokali għal dawn l-aħħar għaxar snin. Bħala attur dar u ħadem f’festivals fl-Irlanda, it-Tuneżija u l-Italja. Idderieġa bosta xogħlijiet fuq il-gżira fosthom ‘Kirana’ – opra tat-tfal ta’ Ruben Zahra, li daret diversi pajjiżi barranin, kif ukoll għadd ta’ xogħlijiet bil-Malti bħal ‘Jiena Nħobb, Inti Tħobb’ u ‘Sibna ż-Żejt’ fit-Teatru Manoel.

Sean ipproduċa wkoll l-ewwel ċirklu performattiv kontemporanju f’Malta matul il-Festival Internazzjonali tal-Arti tal-2013. Fl-2016 ipproduċa u dderieġa ‘B’Tal-Linja Jaqbillek Żgur’, produzzjoni ta’ teatru tat-triq fuq skala kbira, li daret f’Malta u Għawdex fuq xarabank qadim.

Wirja tax-xogħol direttorjali tiegħu bħala theatre maker ittellgħet mill-uffiċċju rappreżentattiv ta’ Malta fil-Palestina bħala parti mill-programm Ewropew tal-Presidenza Maltija fl-2017. Fost organizzazzjonijiet oħra, Sean ħadem b’mod attiv mal-Kunsill Malti għall-Arti, il-Fundazzjoni Dr. Klown, il-Festival tax-Xjenza fil-Belt u l-Fundazzjoni Valletta 2018. Sean hu d-Direttur Artistiku attwali ta’ Notte Bianca u d-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta, il-kumpanija nazzjonali tat-teatru li twaqqfet riċentament.

More in Arti