Anastasju Cuschieri – il-poeta Belti tal-Madonna u tal-kelma Maltija

Il-poeta li rabat qablu mhux biss mas-Santwarju tal-Karmnu Belti iżda ma' dak kollu li hu Marjan u li għandu x'jaqsam ma' lsienna

Fost il-ħafna patrijiet u reliġjuzi Maltin nsibu ħafna li baqgħu jissemmew għal tliet ħwejjeġ li għamlu: il-qdusija ta ħajjithom, l-għerf li żejjinhom il-Mulej bih u l-ħidma pastorali li huma wettqu. Illum xtaqt nikteb dwar patri Karmelitan li kien mogħni bl-għerf u b’talenti kbar fil-qasam akkademiku. Dan kien Patri Anastasju Cuschieri, li baqa’ magħruf bħala l-poeta tal-Madonna u tal-ilsien Malti. Diffiċli li niktbu fid-dettall dwaru għax saru ħafna studji u riċerki fuqu u fuq kitbietu, iżda propju ftit qabel il-festa tal-Immakkulata Kunċizzjoni, xtaqt nieħu l-okkażżjoni biex inlaqqagħkom ma’ dan il-personaġġ Marjan u Belti.

Patri Anastasju twieled ġewwa l-parroċċa tal-Madonna tal-Portu Salvu magħrufa aktar bħala ta’ San Duminku fil-Belt Valletta nhar is-27 ta’ Jannar 1876. Fl-istess jum huwa ġie mgħammed fil-knisja parrokjali tal-istess parroċċa u tawh l-isem ta’ Pawlu.

Bħala tifel kien imur l-iskola primarja tal-Belt minn fejn għadda għal-Liċeo. Ta’ 15-il sena daħal fl-Ordni Karmelitana u beda in-novizzjat tiegħu fil-25 ta’ April 1891. F’din l-okkazzjoni huwa biddel l-isem tiegħu għal dak ta’ Anastasju kif kienet l-użanża tal-patrijiet f’dawk iż-żminijiet.

Nhar it-28 ta’ Awwissu 1892, huwa għamel il-professjoni sempliċi u ftit wara  beda l-istudji tiegħu hawn Malta minn fejn is-superjuri tiegħu bagħtuh Ruma biex jistudja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università Gregorjana.

Fis-sena 1898 huwa għamel il-professjoni solenni tiegħu fl-Ordni Karmelitan u iktar tard fl-istess sena ġie ordnat saċerdot. Fl-1902 huwa kiseb dottorat fil-filosofija u f’dik l-istess sena nħatar Professur fl-Università Rjali ta’ Malta fejn dam jgħallem għal 37 sena, sas-sena 1939.

It-tagħlim tiegħu f’dan is-suġġett tant kien imfittex li ma baqax biss bejn il-ħitan tal-Università iżda sab ruħu mitbugħ ukoll fir-“Rivista di Filosofia Neo-Scolastica f’Milan.

Guże Aquilina
Guże Aquilina

Fir-rwol tiegħu ta’ professur għaddew min taħt idejh ħafna żgħażagħ li magħhom kien juża wkoll il-ħafna doni li tah Alla biex ikun jista’ jgħinhom u jakkumpanjahom. Anastasju Cuschieri baqa’ mfakkar għal-lezzjonijiet interessanti  tiegħu  fejn kien juża d-dehen li kellu u t-talent ta’ poeta mħalltin mal-mod ħlejju li kien jgħallem bih. Għalhekk l-istudenti tiegħu kellhom ġibda daqstant kbira lejh.

Patri Anastasju ma kienx biss Professur tal-Filosofija imma għal darbtejn insibuh maħtur ukoll bħala Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Karmelitana Maltija bejn is-26 ta’ Novembru 1906 u l-14 ta’ April 1910, u mill-1 ta’ Settembru 1913 sas-26 ta’ Ġunju 1916.

Għal darbtejn oħra wkoll insibuh magħżul bħala Senatur fil-Gvern ta’ dak iż-żmien biex jirrappreżenta l-gradwati Universitarji: darba fis-sena 1927 u darb’oħra fl-1932.

Kienet aħbar kerha li xxokkjat lil ħafna meta sar magħruf li nhar il-15 t’Awwissu 1959 Patri Anastasju ntlaqat minn marda qerrieda li ħallietu paralitiku. Dam ibati b’din il-marda għal tliet snin sħaħ li matulhom kien ikkurat ħafna minn ħutu l-patrijiet tal-komunità Karmelitana fil-Belt Valletta. Fil-25 ta’ Lulju 1962, Patri Anastasju għadda għall-ħajja aħjar, jum biss qabel il-mewt ta’ persunaġġ Belti ieħor li wara sar l-ewwel qaddis Malti – San Ġorġ Preca. Dakinhar ġiet fi tmiemha fuq din l-art il-ħajja ta’ iben dehen tal-gżejjer Maltin u tal-Belt Valletta. Il-funeral tiegħu sar fis-Santwarju Bażilika tal-Karmnu l-Belt u għalih attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż u għadd ta’ persuni distinti kif kien jistħoqlu. Ġie midfun fil-kripta tal-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina.

Patri Anastasju huwa magħruf bħala l-Poeta tal-Madonna, minħabba l-ħafna poeżiji tiegħu b’tema Marjana, u li huma fost l-aqwa kitbiet fil-letteratura Maltija. Huwa kien poeta ta’ stil romantiku u klassiku u beda jikteb il-poeżija bil-Malti fl-1909, tliet snin qabel Dun Karm Psaila. L-ewwel poeżija tiegħu iġġib l-isem Fil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu. Fost l-iktar popolari mill-bosta poeżiji ta’ P. Anastasju Cuschieri nistgħu nsemmu: Fis-Santwarju tal-Karmnu, Ilsien Pajjiżi, Il-Kelma Maltija, Qtigħ il-Qalb,  u Oqbra u Ħolm.

Barra minn hekk nsibu diversi poeżiji li aktar tard ġew immużikati bħala innijiet sagri bħalma hija “Sliem għalik Omm tal-Karmelu” li għandha versi tant sbieħ li juru l-imħabba li kellu Patri Anastasju lejn il-Madonna.

Fost dawk li kitbu dwaru inħoss li għandi nikkwota  tnejn partikolari, t-tnejn ulied il-gżira Għawdxija;  il-poeta magħruf Ninu Cremona u l-kittieb Ġużè Aquilina. Ninu Cremona qal hekk dwar P. Anastasju: “Il-poeżiji ta’ Cuschieri… qajmu għagħa ta’ ħeġġa kbira fost il-kittieba tal-Malti li għal xi ftit kienu nsew il-versi ta’ kull poeta ieħor. Il-versi bil-Malti ta’ Cuschieri dlonk dehru bħala l-isbaħ mudelli ta’ poeżiji letterarji fil-kotba tal-Qari għat-tfal tal-iskejjel Sekondarji u għall-istudenti tal-Università ma’ poeżiji oħra”.

Ninu Cremona
Ninu Cremona

Waqt li Ġużè Aquilina kiteb hekk: “Dawk li studjaw taħtu jafu kemm il-filosofija kien jagħmilha ħajja u kemm kien iqajjem interess fost l-istudenti. Il-Professur Cuschieri, barra li kien jaf sewwa s-suġġett tiegħu, kien jaf ifisser ruħu bit-Taljan għax dak iż-żmien il-Filosofija kienet tintgħallem b’din il-lingwa. Kien membru tal-Kunsill Ġenerali fl-Università fejn irrappreżenta l-Fakoltà tax-Xjenza u mbarra dan, membru tal-kummissjoni tal-eżaminaturi tal-Lingwa u Letteratura Taljana....Id-diskorsi li għamel kemm dam senatur jitfgħu dawl fuq il-prinċipji u l-karriera tiegħu politika li dik il-ħabta, mhux bħal fi żminijietna, kienet imsejsa l-aktar fuq l-hekk imsejħa kwestjoni tal-Lingwa, il-ġlieda għal status uffiċjali  bejn it-Taljan u l-Ingliż li ħafna drabi l-Malti sab ruħu mgħaffeġ bejniethom, imdeffes minn min ried jinqeda bih għal ħsieb ta’ politika u mħares minnhom it-tnejn u studjużi oħra tal-Malti li riedu li lsien il-poplu jieħu li ħaqqu f’art twelidna mingħajr ma jiċċappas mal-politika. Din il-qagħda politika kienet ta’ twegħir għal nies li kienu jħobbu ’l-Malta bħal Cuschieri u Dun Karm. Dawn iż-żewġ poeti għexu f’dan iż-żmien ta’ deċiżjonijiet. Li t-tnejn kienu jħobbu l-ilsien Malti u riduh jieħu li ħaqqu u jibqa’ safi u bla tinġiż  ħadd ma jista’ jmeri.”

Tajjeb li ngħidu li Patri Anastasju f’ħajtu, kien ukoll oratur u predikatur imsemmi ħafna u baqa’ msemmi għal bosta paneġierki kemm bit-Taljan u kemm bil-Malti. Wieħed minn dawn li għadu magħruf sal-lum kien dak li għamel fis-Solennità tan-Nawfraġju ta’ San Pawl fil-Kolleġġjata tal-Belt.

Nixtieq intemm dan l-artiklu tiegħi b’silta qasira mill-poezija magħrufa ta’ P. Anastasju Cuschieri miktuba fl-1917 fil-forma ta’ kollokju bejn iben u l-omm tiegħu tas-sema - Marija.

Fis-Santwarju Tal-Karmnu

Qabel norqod filgħaxija

Lilek inkellem

U nsellem,

Marija.

 

Kif mir-rqad jistrieħ il-ġisem,

Narġa’ jien niftaħ għajnejja,

Lilek, ja Sbejħa,

L-ewwel sejħa,

L-ewwel kelma ta’ xofftejja.

More in Arti