Mill-purċissjoni sal-imbuljuta ... lejl mimli tradizzjonijiet Maltin

L-istorja wara l-purċissjoni tal-Bambin li ssir llejla, il-prietka tal-MIlied u r-riċetta tal-imbuljuta...

Il-purċissjoni tal-bambin
Il-purċissjoni tal-bambin

Ninsabu ftit jiem biss ’il bogħod mill-Milied. Huwa żmien sabiħ ta’ ġabra kemm jekk mal-familja jew anke mal-ħbieb. Iżda, għalina l-Maltin b’mod partikolari, huwa wkoll żmien mimli bi tradizzjonijiet. Anke jekk it-tifsira llum twessgħet u jiċċelebrah tista’ tgħid kulħadd, mhux biss l-Insara, fil-qalba ta’ dawn it-tradizzjonijiet Maltin għad hemm il-Bambin.

Waħda minn dawk it-tradizzjonijiet unikament Maltija hija l-purċissjoni bil-Bambin. Iddur fejn iddur madwar id-dinja, din il-purċissjoni mhux se ssibha. Hija xi ħaġa tagħna l-Maltin.

Sentejn oħra, jiġifieri fl-2021 se nkunu qed niċċelebraw l-ewwel ċentinarju mill-ewwel purċissjoni bil-Bambin li saret fuq inizjattiva tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca.

Fil-fatt, kien fl-1921 meta Dun Ġorġ organizza l-ewwel purċissjoni bil-Bambin fil-Ħamrun u ftit ftit, fuq xewqa tiegħu, it-tfal  kollha li kienu jattendu l-Mużew, fid-diversi fergħat imxerrda madwar Malta bdew joħorġu f’purċissjoni bix-xbieha tal-Bambin.

Jingħad li meta saret l-ewwel purċissjoni, is-soċi tal-Mużew ma kinux ippreparati. Iżda Dun Ġorġ ma kienx jaqta’ qalbu. Marru jduru u jfittxu Bambin tajjeb għall-purċissjoni iżda ma sabux, sakemm kienu ddubbaw wieħed mingħand Patri Franġiskan Konventwali tal-Belt.

It-tir ta’ San Ġorġ Preca kien wieħed. Li anke jekk il-Milied huwa kkaratterizzat bir-rigali u l-festini, it-tfal, minn ċkunithom, jifhmu li l-veru sens tal-Milied huwa t-twelid ta’ Ġesù Bambin.

B’hekk, akkumpanjati mill-għanjiet Ninni, la tibkix iżjed, O lejl ta’ skiet, Qed jinfirex mal-widien u għanjiet tradizzjonali tal-Milied, it-tfal, bl-innoċenza tagħhom, kienu qed iwasslu dan il-messaġġ fit-toroq u l-pjazez tal-irħula u l-ibliet Maltin, għax għal San Ġorġ Preca, il-Milied ma kienx biss festa tat-tfal, iżda l-festa ta’ kulħadd.

Il-purċissjoni bil-Bambin x’aktarx li ssir filgħaxija. Għalhekk, maż-żmien, ġew inklużi l-fanali tal-gass li kienu jinżammu fuq lasta twila u jkunu mqassma tul il-purċissjoni.

Minn dawn il-fanali, ġew imbagħad żviluppati oħrajn aktar elaborati tal-injam, bid-disinn u anke siltiet mill-Iskrittura li jfakkru l-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù. Dawn ikunu mżejna b’karti kkuluriti u fihom titpoġġa xemgħa biex tkompli żżid mal-atmosfera sabiħa li tinħoloq waqt dawn il-purċissjonijiet.

Illum, f’diversi lokalitajiet, il-purċissjoni tal-Bambin tkun akkumpanjata wkoll mill-banda jew il-baned tal-lokal li sar ikollhom sehem attiv f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet.

Il-fanali mal-purċissjoni tal-lejla
Il-fanali mal-purċissjoni tal-lejla

Dun Ġorġ jagħtina tradizzjoni oħra

Dun Ġorġ Preca tagħna tradizzjoni oħra sabiħa għal-Lejl tal-Milied, jiġifieri l-Prietka tat-Tifel li x’aktarx tingħad qabel tibda l-Quddiesa ta’ Nofsillejl. L-ewwel prietka saret fl-1883 u saret fil-knisja parrokjali ta’ Ħal Luqa minn tifel jismu Ġorġ Sapiano.

X’aktarx li jkun tifel li għadu kemm għamel il-preċett, jew inkella xi abbati li jintagħżel biex fil-Lejl tal-Milied ifakkar lil dawk preżenti għaċ-ċelebrazzjonijiet fl-istorja tas-salvazzjoni, x’aktarx mill-waqgħa ta’ Adam u Eva, sat-twelid ta’ Ġesù Bambin, li l-Insara  jemmnu li twieled propju biex jifdi lill-poplu ta’ Alla mid-dnub.

‘Gloria in excelsis Deo...’ x’aktarx li tkun l-għajta li biha, bħall-anġlu lir-rgħajja f’Betlehem, it-tifel jibda jwassal din il-bxara ta’ ferħ.

Għal darb’oħra, Dun Ġorġ Preca xtaq li jkun tfajjel ċkejken li minn fuq il-pulptu (jew ambone fejn ma hemmx) li normalment huwa riservat għal xi paniġierku tal-festa, iwassal b’sempliċità din il-bxara ta’ ferħ lil kulħadd.

Ma għandniex xi ngħidu. Biex jitgħallimha bl-amment, irid ikun ilu ġimgħat, jekk mhux xhur jitgħallimha u l-predikatur ċkejken ikollu seba’ mitt sena biex itemm din il-prietka sempliċi tiegħu bl-għajjat ta’: “Viva Ġesù Bambin.”

Normalment, min jagħmel il-prietka, jingħata Bambin bħala tifkira u x’aktarx li dan ikun l-ewwel Bambin li jkun qala’ u li jżommu b’għożża għal ħajtu kollha.

Illum il-ġurnata, mhumiex is-subien biss li jagħmlu l-prietka. Ġieli tkun tifla wkoll u f’xi parroċċi daħlet id-drawwa li l-prietka jagħmluha flimkien tifel u tifla.

Dun Ġorġ
Dun Ġorġ

Tinħareġ il-ġulbiena

Il-Milied mingħajr il-ġulbiena fih xi ħaġa nieqsa. Il-ġulbiena, tlibbes id-djar, iżda b’mod partikolari fil-knejjes, il-libsa tal-Milied.

Hija wkoll xi ħaġa tagħna l-Maltin, tant li t-turisti jiskantaw meta jidħlu fil-knejjes u arahom imissuha biex jipprovaw jifhmu x’inhi.

Il-ġulbiena tikber fid-dlam u bid-dawl malajr tiħdar. Għalhekk, is-sagristan x’aktarx li se joħroġha u jarmaha Lejlet il-Milied stess biex għall-quddiesa ta’ nofsillejl tkun għadha bajda, wieqfa u sabiħa.

Għal min ma jafx jew qatt ma kabbarha, il-ġulbiena tikber fi dlam ċappa u malajr, tant li ma tkunx ilha miżrugħa, x’aktarx xahar jew ftit inqas.

Ġulbiena mal-bambin, tradizzjoni f'ħafna djar Maltin
Ġulbiena mal-bambin, tradizzjoni f'ħafna djar Maltin

Ninni la tibkix iżjed....

Għal-lejl tal-Milied, il-Maltin għandna wkoll l-għanja tradizzjonali tagħna li tindaqq fil-purċissjonijiet u tismagħha tidwi fil-knejjes waqt il-Quddiesa ta’ Nofsillejl, x’aktarx meta l-Bambin jinħareġ u jitpoġġa fuq l-artal.

Oriġinarjament din jisimha “Il-Benniena ta’ Ġesù Bambin,” u kitibha Patri Ġiżwita minn Ħal Luqa li kien jismu Indrì Schembri.

Patri Indrì kien jaħdem qalb il-Maltin li kienu emigraw lejn l-Alġerija u fil-fatt kiteb din l-għanja propju għalihom fl-1846.

Fejn hemm il-Maltin se ssib il-ħelu u ċ-ċikkulata

U la qed insemmu l-lejl tal-Milied, ma nistgħux, bħala Maltin ma jkollniex xi ħelu jew inkella xi xarba sħuna tradizzjonali għall-wara l-Quddiesa ta’ Nofsillejl.

L-Imbuljuta hija xarba tradizzjonali tagħna l-Maltin għal żmien il-Milied. Ir-riħa tagħha biss iddaħħlek fl-atmosfera tal-Milied.

Fil-fatt hawn parroċċi u knejjes li joffru din ix-xarba lil dawk li jkunu għadhom kemm ħadu sehem f’din iċ-ċelebrazzjoni li ħafna Maltin għadhom jagħmlu għaliha.

L-imbuljuta
L-imbuljuta

Taf kif tagħmilha?

Dawn huma l-ingredjenti li bihom tagħmel l-imbuljuta:

  • 200g qastan niexef imxarrab għal lejl
  • 100g zokkor
  • 40g ċikkulata skura
  • 40g kokotina skura
  • Qoxra maħkuka ta’ larinġa
  • Qoxra ta’ mandolina mqattgħa rqiq
  • kuċċarina trab tal-kannella
  • bastun tal-kannella
  • ½ kuċċarina ħwawar imħallta (mixed spice)

Serraħ rasek għax biex tagħmilha ma tridx xi għerf ta’ barra minn hawn u lanqas ma trid tkun xi Sean Gravina. L-ewwel tibda billi tħalli l-qastan imxarrab għal lejl. Wara li tlaħalħu tpoġġih f’kazzola u tgħerrqu fl-ilma.

Wara żżid l-ingredjenti kollha u tħalli t-taħlita sakemm tiftaħ tagħli. Malli tagħli, baxxi n-nar u ħalliha ttektek madwar 45 minuta, biex il-qastan jirtab.

B’din ir-riċetta għandek isservi bejn sitt u tmien persuni.

 

More in Arti