
Limbu Maħżuż fil-Muntanji
Fil-paġna letterarja tal-KNK għal dil-ġimgħa, Miriam Galea taqbad f’idejha l-ktieb Váh ta’ Immanuel Mifsud. Xmara fis-Slovakkja tqajjem fil-poeta sentimenti li ħassejthom inti u aħna xi darba f’ħajjitna, u Miriam taqbad eżatt l-essenza ta’ dawn is-sentimenti, hija u tinġarr max-xmara u l-irwiefen u l-imsaġar fi vjaġġ imċajpar lejn ix-xejn.

Malli lmaħt il-ktieb il-ġdid ta’ Immanuel Mifsud, ikolli ngħid li mill-ewwel ġibidli l-attenzjoni, kważi kważi ħasadni. Sfortunatament, hu rari fix-xena lokali li naraw kotba alternattivi, li jitbiegħdu min-norma tal-formula kummerċjali. Il-qoxra bajda minimalista tiegħu, bit-titlu sfajjar daqs il-muntanji li jsemmi, bi xbieha ċkejkna monokromatika li bħal tinfed l-abjad tal-faċċata, ġegħlitni naqbdu f’idi, mhux inqas, naturalment, għax jien stess partikolarment interessata f’kotba viżivi.
Kif qallibt fil-paġni rajt li l-ktieb fih test ippreżentat flimkien ma’ xbihat fil-biċċa l-kbira bojod u suwed, kif ukoll koħol. Jakkumpanja t-test bil-Malti hemm it-test tradott bl-Ingliż stampat b’tipa iktar ċara. Xi wħud mill-ewwel linji li qrajt bil-ħatfa, affaxxinata b’din l-iskoperta mhux mistennija, mill-ewwel laqtuni, kif soltu tagħmel kitba ta’ awtur ta’ ħila:
“Hemm belt antika fil-qiegħ ta’ dal-grokk.
Jien hemm twelidt. Jien qatt ma żortha.”
Ir-romantiċiżmu diżilluż tipiku ta’ Mifsud mill-ewwel jinħass, maqbud f’żewġ linji, bħal eku ta’ xi diska tad-disgħinijiet, iż-żmien li fih tnissel inizjalment leħen Mifsud.
Komplejt inqalleb fil-ktieb, u ltqajt ma’ iktar linji poetiċi, b’laqta ta’ disprament u vojt espress iżda b’mod ħafif u mexxej. Mill-poeproża ta’ Mifsud ifeġġu ferroviji, xmajjar, muntanji, imsaġar, dgħajjes, irwieħ, ħolm. Hu stess jgħarrafna fuq il-qoxra li fil-Váh xeħet dak li kien fadal jikteb wara li mtlielu l-pitazz – linji mitlufa, iltima, bla għan fiss – “ħa narah / jgħum fix-xejn”, jinġarr mal-kurrent tax-xmara. Váh, isem li jinstema’ barrani tant li diġà jiddiżorjenta lill-qarrej mill-bidu, hu t-titlu tal-ktieb iżda wkoll xmara fil-muntanji tas-Slovakkja. Maġenb kull silta meqjusa mqiegħda b’ħafna spazju madwarha fuq kull paġna, insibu xbihat imħażża skuri, u l-għajn b’hekk tiġri minn linji għal xbihat bl-istess mod li bih il-ktieb jivvjaġġa tul il-muntanji u l-imsaġar ta’ art ħafna iksaħ u aktar mudlama minn tagħna.
Il-bjuda u s-swidija kuntrastanti tal-qoxra u tal-paġni jevokaw iċ-ċpar u l-ksieħ xitwin tal-pajsaġġi muntanjużi. It-test f’Váh ma jiksix il-paġni, iżda tqassam ritmikament u b’mod li jħalli spazju vojt fuq il-paġna. Dan jagħti nifs u post għall-ħsieb bejn kull biċċa poeżija u kull xbieha. Dan l-approwċ viżiv għal-letteratura ta’ min wieħed japprezzah, u mhuwiex wieħed evidenti. Hu faċli li d-disinn jirkeb iżżejjed fuq il-kitba, li għandha tibqa’ l-element essenzjali. Iżda llum, meta l-qarrejja huma dejjem aktar imdorrija bil-mezzi soċjali u dejjem aktar imdorrija bil-viżwal, hu importanti li l-letteratura tesplora forom li jikkompetu wkoll fuq dan il-livell.
Għaldaqstant il-qarrej isib ruħu jinġarr f’din ix-xmara melankonika ta’ poeżija u xbihat. Il-qlib bejn il-qari tal-linji u x-xbihat semiastratti jkompli joħloq dan ir-ritmu, u jistieden li wieħed jintilef f’dan ir-rakkont vag, li jkompli jiċċajpar iżjed meta wieħed jintilef mhux biss fit-test miktub f’sekwenza maħlula, iżda wkoll fit-tpinġijiet oskuri tal-awtur. Dawn it-tpinġijiet huma magħmula minn taħlita ta’ faħam u żebgħa acrylic u watercolour, u jissuġġerixxu pajsaġġi u figuri vagi, spiss imħażża u mudlama – sħab u rjieħ iduru fit-taħżiż bil-faħam u x-xmara tiġri fit-tiċpis taż-żebgħa xi drabi magħquda u iebsa u oħrajn maħlula u ħielsa, fejn mases skuri u ċari jitħalltu ma’ linji mħażża imma ftit definiti.
Għall-ewwel ma kontx ċerta għandix naqra t-test fuq kull paġna bħala kontinwazzjoni tal-istess silta, jew inkella bħala bċejjeċ għalihom iżda relatati. “Naħseb li huma aktar bċejjeċ li però huma marbutin flimkien. Ħarġu waqt vjaġġ,” ifiehem l-awtur. Dan jispjega r-ritmu mexxej li bih il-ktieb jimxi minn silta għal oħra, kif ukoll is-sens ta’ moviment li joħloq Mifsud. It-tpinġijiet lanqas mhuma dejjem direttament illustrazzjoni tat-test, li jħalli n-narrazzjoni ħielsa u suġġestiva. Kif jikkonferma Mifsud: “Uħud mid-disinni kienu ilhom li saru. Oħrajn kienu rispons għall-istess esperjenzi li wildu t-test.” Din in-nuqqas ta’ definizzjoni żejda fin-narrazzjoni verbali kif ukoll fix-xbihat jikkontribwixxi għal sens ta’ misteru u atmosfera.
L-awtur jieħu lill-qarrej fuq vjaġġ evokattiv fejn xejn mhu ċar iżżejjed iżda li fih nagħrfu sew tħassib eżistenzjali universali. Ix-xejn li l-awtur stess iħabbrilna fuq il-qoxra hu forma ta’ limbu verbali kif ukoll viżiv li Mifsud iġorrna miegħu fih, hekk kif jirkeb ferrovija bla destinazzjoni, hu u jibki xortih fl-aħħar vagun u jammira l-imsaġar mudlama u siekta għaddejjin. Isemmi dgħajsa tistennieh f’baħar li jbeżżgħu, jgħid li rħewlha għal għonq it-triq li tibqa’ sejra bla tmiem, aħna u “nistħajlu li s-siegħa tagħna mhix se tasal”, “nterrqu nterrqu bla qatt ma nieqfu”, fi “pjazza li m’għandhiex tarf”. Mifsud jeħodna mhux biss fuq vjaġġ fil-foresti, imma wkoll fiż-żmien, fil-memorji bejn maħbubin bi lsien barrani, mitlufa f’ajruporti, ferroviji u lukandi, qatt wieqfa, dejjem jgħibu u jitfaċċaw, bħas-siġar mit-tieqa tal-vagun. U dan iseħħ f’“għomor għejja”, biż-żmien għaddej u l-mewt tistenniena, li jissemmew bosta drabi f’dan iċ-ċiklu ipnotizzanti: “Ftit ftit jibdew jitfaċċaw il-muntanji. Mejtin ħerġin mill-qiegħ tal-art.”
Ħasra li d-disinn grafiku u d-dehra tal-paġni ta’ ġewwa setgħu saru ferm aħjar biex iqabbluha mat-test poetiku ta’ Mifsud. Karta matta flok glossy kienet tkun aħjar biex toqrob l-iktar possibbli lejn id-dehra tat-tpinġijiet oriġinali u tistampahom kif mistħoqq. Karta glossy taf twaqqa’ l-kwalità viżiva ta’ ktieb ta’ dan it-tip. It-tpinġijiet ta’ Mifsud huma atmosferiċi u evokattivi, xi wħud iktar qawwija minn oħrajn, it-taħżiż tagħhom jitlifna daqs it-tidwir tat-test. It-traduzzjoni tat-test bl-Ingliż bla dubju hi vantaġġ mil-lat ta’ bejgħ għal udjenza usa’, iżda m’iniex ċerta dwar kif setgħet ġiet integrata aħjar fid-disinn tal-ktieb. Dan flimkien mal-fatt li hu ferm iebes tittraduċi test poetiku b’mod li jingwalaha mat-test oriġinali.
Minkejja l-poeżija u l-ħila ċara tal-kitba ta’ Mifsud, kultant nistaqsi jekk it-ton romantiku u drammatiku tiegħu, tant tipiku tal-istil grunge tad-disgħinijiet, għadux isib postu fid-dinja iktar ċinika tal-lum, fejn ħadd m’għad jista’ jieħu lilu nnifsu b’wisq serjetà u fejn kollox tilef l-importanza tiegħu.