
Kotba | Memorja u riflessjonijiet
Fil-paġna letterarja tal-KNK għal dil-ġimgħa, Daniel Cossai jinnota l-pinna partikulari ta’ Mario Cardona fil-ktieb Kantuniera ’l Isfel minn Ta’ Pintu. Il-memorji ta’ persuna u raħal iħajruna nirriflettu fuq il-memorji tagħna bħala individwi li bdejna xi darba u rridu nispiċċaw, ukoll, xi darba

Ftit jiem oħra għeluq snini. Din is-sena inzerta wieħed minn dawk li ngħidulhom il-“kbar”, għax se tinbidel l-ewwel waħda miż-żewġ ċifri li jifformaw l-età. Bla ma trid f’mumenti hekk fil-ħajja tieqaf tirrifletti sew. Tirrifletti fuq dak li esperjenzajt fl-aħħar ħames jew għaxar snin. Forsi tmur iżjed lura għat-tfulija, għall-bankijiet tal-iskola — “kemm ilu,” spiss nispiċċaw ngħidu. In-nostalġija tirrenja. U x’aktarx ukoll li nieqfu naħsbu ftit fuq fejn sejrin minn hawn.
L-aħħar darba li għalaqt sena tradizzjonalment meqjusa sinifikanti kien dakinhar li Malta introduċiet l-ewwel miżuri lokali sinifikanti biex tiġġieled l-imxija tal-Covid. Għal ħafna nies, kien il-bidu ta’ xhur ta’ riflessjoni fuq l-istess linja li semmejt, iżda iżjed fit-tul. Proprju hekk kien għal Mario Cardona, u minn hemm nibtet l-idea għal Kantuniera ’l Isfel Minn Ta’ Pintu, pubblikazzjoni tal-2024 ta’ Klabb Kotba Maltin.
Kantuniera ’l Isfel Minn Ta’ Pintu essenzjalment huwa ġabra ta’ sitta u erbgħin tifkira tal-awtur dwar, primarjament, tfulitu f’Ħal Qormi. Għalkemm mhux kollha, il-biċċa l-kbira tal-memorji li jaqsam magħna jseħħu fid-dar fejn għex u trabba ma’ familtu bħala tifel għal ftit snin, u li minnu l-ktieb ħa ismu għax proprju d-dar kienet tinsab kantuniera ’l bogħod mill-każin. Stejjer oħra jseħħu fil-każin innifsu, oħrajn fl-iskola jew fi Triq il-Kunċizzjoni ta’ wara d-dar u l-każin. Il-każin ta’ Ta’ Pintu jservi bħala punt ta’ referenza għal diversi minn dawn ir-rakkonti anki jekk mhuwiex sewwasew is-suġġett tagħhom. Huwa wieħed mill-punti tat-tluq tal-ġabra, hekk kif l-awtur jistqarr fid-daħla li ftit qabel faqqgħet il-pandemija, kien reġa’ lura għall-każin wara ħamsa u għoxrin sena u sab affarijiet li nbidlu u oħrajn li baqgħu l-istess. U minn hemm, il-memorja tagħmel tagħha.
Din it-tema hija rikorrenti u hija waħda mill-ftit fili li tgħaqqad dawn it-tifkiriet li, il-bqija, huma xi ftit bla ordni partikolari. Għalkemm l-awtur jikteb li ma jridx ikun nostalġiku, bilfors li joħroġ naqra sens ta’ nostalġija minn ħafna mit-tifkiriet minħabba r-realtà li qed ngħixu fiha: Malta pajjiż li żviluppa u nbidel b’ritmu mgħaġġel ħafna fil-ftit għexieren ta’ snin li għaddew mill-indipendenza, minn soċjetà riżervata għal waħda kożmopolitana, minn ħajja primarjament rurali għal torrijiet m’ogħla s-sema, minn toroq kwieti u raba’ kullimkien għal bini u karozzi bla rażan. Joħroġ ħafna s-sens ta’ kemm inbidlu l-affarijiet f’temp ta’ ġenerazzjoni waħda. Il-merħliet tan-nagħaġ sparixxew minn Triq il-Kunċizzjoni u wara ftit snin sparixxew ukoll mill-Manikata, jgħidilna. Id-dar tas-Sultana fejn ommu kienet tieħu l-ħelu biex jinħema tpoġġiet għall-bejgħ, u l-forn tagħha ġie kkonvertit f’garaxx ta’ żewġ karozzi.
Il-memorji tat-tfulija jiddominaw. F’diversi rakkonti jissemmew in-nanniet, l-għalliema tal-primarja li sawru l-karattru ta’ awtur li hu stess kellu jibqa’ fil-klassi la jikber. Jirrakkonta wkoll diversi praspar li għamlu hu u oħtu fi ċkunithom. Il-kitbiet ivarjaw ħafna fit-ton. Hemm minnhom serji, oħrajn sarkastiċi. Tal-aħħar ħassejt li hi l-marka distintiva tal-awtur fil-mod kif jaf jirrakkonta l-iżjed. Għandu ħila kbira fl-użu tal-ironija u s-sarkażmu biex jirrakkonta storja umoristika u spiss sibt ruħi nitbissem jew nidħaq.
Il-ktieb x’aktarx li jkun ferm iżjed interessanti għal nies ta’ ġenerazzjonijiet ikbar li wkoll trabbew jew għadhom jgħixu Ħal Qormi. Cardona jsemmi lil ħafna nies u jinkludi ħafna tagħrif bijografiku. Żgur li hemm qarrejja jew li jifhmu eżatt fuq min u fejn qed jgħid, u l-memorja tagħhom tinteraġixxi u titħallat ma’ dik tal-awtur. Ir-rakkonti, fil-fatt, huma esperiment tajjeb tal-mod kif taħdem il-memorja. L-awtur jgħid fid-daħla li ħafna minnhom bdew bħala kitbiet fuq il-midja soċjali tul l-ewwel xhur tal-pandemija. Fil-fatt, ħafna entrati huma akkumpanjati minn xi ritratt, għalkemm kollha bla kulur. Ma nafx jekk hux għax verament kienu ritratti bla kulur jew hix għażla stilistika biex tkabbar is-sens tal-imgħoddi, imma ħassejt li t-teknika ħadmet. Biss Cardona jgħid li meta kien itellagħhom fuq il-profil tiegħu, in-nies li kienu jafu dwar xiex qed jgħid kienu jikkummentaw b’dak li jiftakru huma u hu kien jeditja l-kitbiet tiegħu skont dan, biex jagħti stampa iżjed sħiħa. Jirriżultaw memorji minsuġa minn diversi mħuħ, kważi kważi koawturi, għalkemm l-għażla tal-kliem dejjem hi ta’ Cardona — fil-fatt, in-narrazzjoni ma tiddevjax mill-ewwel persuna. Sa ċertu punt metariflessjoni tal-proċess tal-kotba nnifsu, fejn, iva, dak li naraw huwa l-ħolqien tal-awtur, imma dejjem bil-filtru tal-interazzjoni ma’ ħsieb l-editur.
Cardona rnexxielu jaqbad sew is-sens ta’ żmien doppju. Minn naħa, nistgħu naraw li dan kollu seħħ fi żmien ieħor, li ftit ftit qed jintilef, imma bi kliemu jirnexxilu joħodna lura għalih u ngħixuh fl-immaġinazzjoni tagħna, anki jekk, bħali, qatt ma esperjenzajna, pereżempju, l-esperjenza taċ-ċinemas żgħar tal-irħula lokali bħalma kien il-Warner. Min-naħa l-oħra, jinħass iż-żmien ta’ meta nkitbu, speċjalment fil-bosta referenzi għall-Covid. Bħala esperjenza kollettiva li laqtet lil kulħadd, dawn il-kummenti li mid-daqqa t’għajn jidhru insinifikanti joħorġuna mill-immersjoni fi żmien ieħor u jġibuna lura għall-esperjenzi personali riċenti tagħna, li, bħal dejjem, jibdlu l-perspettiva ta’ dak li nkunu qrajna.
Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar dawn huma tifkiriet personali, u jissemmew ħafna qraba u nies li l-biċċa l-kbira tal-qarrejja ma jafux, huma fl-istess ħin tifkiriet sa ċertu punt universali. Fin-nanniet ta’ Cardona naraw in-nanniet tagħna, fl-għalliema tiegħu, l-għalliema tagħna. Fil-praspar tiegħu niftakru f’meta konna nkunu mqarbin aħna. Aħna lkoll individwi, imma ż-żminijiet li ngħixu fihom iwassluna biex, bejn wieħed u ieħor, nesperjenzaw affarijiet simili u b’hekk inkunu nistgħu nirrelataw ma’ xulxin bl-esperjenzi tagħna.
Hekk eżatt jagħmel Cardona b’dan il-ktieb.