Ritratti: Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal in-Nadur jibda jiċċelebra l-Karnival
Il-Karnival Spontajnu tan-Nadur huwa biss avveniment wieħed minn bosta hekk kif ilbieraħ beda uffiċjalment il-Karnival Organizzat tan-Nadur
Bla dubju ta’ xejn li wieħed mill-aktar avvenimenti li ż-żgħażagħ saru jkunu qed jistennew huwa l-Karnival spontanju tan-Nadur li jsir nhar is-Sibt li ġej.
Madanakollu, il-kuluri, iż-żfin, il-mużika u l-ħelu diġà mela kull rokna ta’ wieħed mill-isbaħ irħula Għawdxin, hekk kif il-Karnival Organizzat tan-Nadur beda uffiċjalment ilbieraħ.
Din is-sena, f’dan il-Karnival, ħadu sehem mad-900 parteċipant.
Dawn kienu jinkludu żfin tat-tfal tal-iskejjel kif ukoll tfal ta’ gruppi oħra bil-kostumi, żfin ieħor intiż li jdaħħaq, kumpaniji bil-kostumi tal-karnival, sketches spontanji li jdewqu dak li joffri l-Karnival Spontanju tan-Nadur, settijiet ta’ maskeruni, u anke karrijiet trijonfali.
L-istess Karnival, li din is-sena ġie ppreżentat minn Danusan, għalaq bil-Kukkanja Tradizzjonali kemm tat-tfal u anke tal-Kbar, liema programm beda f’nofsinhar u għalaq fis-6.00pm.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri kien preżenti, flimkien mas-Sindku Edward Said, Kunsilliera tan-Nadur u anke rapreżentati tal-Kultura Għawdex u tal-Karnival ta’ Malta.
Fi kliem is-Sindku Edward Said, rekord ta’ persuni attendew għal dan il-Karnival.
Innota kif l-ispettakklu ittella’ kollu mill-Għawdxin u fi kliemu dan jawgura tajjeb għas-snin li ġejjin.