Letteratura | Sa ma l-lejl jaqa’ fuqna u jgħattina

​F’din ir-reċensjoni diffiċli, din il-ġimgħa Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ġabra Poeżiji tal-mibki poeta liriku mhux magħruf John Cremona.

poeżiji - Cremona
poeżiji - Cremona

“Il-pinen lesti, / l-uċuħ, imnikkta”. Hekk jgħidilna l-poeta minn Wales Ronald Stuart Thomas fil-poeżija tiegħu Death of a Poet. Jien u nikteb din wiċċi mnikket qatigħ illum. Iżda l-pinna mhix lesta, almenu mhux sabarra. Mhux bħas-soltu. Niġu f’dan, ma nħossnix bħas-soltu. Din tal-lum hija, għalija, l-iktar waħda diffiċli mill-kitbiet kollha tiegħi li dehru s’issa f’din is-sensiela. Mhux għax l-oħrajn ta’ qabel ma kinux dwar ħwejjeġ imwiegħra: pajjiż li donnu ormaj insteraq, l-aqwa żmien li fis-sew qatt ġie, il-qagħda tal-itturufnati bla art fissa taħt riġlejhom, il-madmad tad-dipressjoni bipolari, il-pwieni tal-imħabbiet mitlufa, l-impossibbiltà tal-letteratura, il-blalagħ tat-tfulija. 

Ilkoll traġedji dawn – iżda, ngħid għalija, biż-żmien donnu kollox jindara. Kif kien qalilna Albert Camus fl-ewwel tentattiv letterarju tiegħu Mewt Feliċi: “M’hemmx ħwejjeġ bħal tbatija kbira, għali kbir, tifkiriet kbar. Kollox jintesa, anke l-ikbar imħabbiet. Dak li għandha sabiħ u ikrah fl-istess waqt il-ħajja”. B’dad-diżgrazzji ma taqax id-dinja. Iżda mill-ġdid ngħid għalija, xi minn daqqiet taqa’, iva, bil-mewt – u ferm agħar minn hekk bit-tagħġiż – tat-talin li b’xi mod jew ieħor jimlewli ħajti. Fosthom inzerta hemm l-imgħallmin ta’ kull għamla ta’ kitba. Qalb dawn, sintendi, hemm ukoll il-poeti. 

Eroj liriku mhux magħruf

Tħabbret, ftit tax-xhur ilu, il-mewt ta’ John Cremona, il-Poeta tal-Assunta, jew aħjar, kif kien magħruf fost niesu Ġanninu. Ngħid is-sew ftit li xejn kont midħla tal-poeżija ta’ dan il-poeta u pittur mir-Rabat Għawdex. Kont nafu biss, għadilli mhux wisq lanqas, bħala Prim Imħallef, Viċi-President tal-Qorti Ewropa tad-Drittijiet tal-Bniedem, fassal tal-Kostituzzjoni ta’ Malta indipendenti, President taċ-CERD tal-Ġnus Magħquda u Professur Universitarju tal-Liġi Kriminali. Mill-ftit riċerki li għamilt wara l-aħbar ta’ mewtu sirt naf ukoll li kien ukoll traduttur trilingwi kif ukoll aljiev tal-pittur William Apap u tal-inċiżur Carmelo Mangion. 

Minn banda niskanta kif Cremona, bħala kittieb tal-versi – almenu sa fejn nista’ nara jien – donnu akkont, apparagun, ma tantx kien magħruf fost il-qarrejja tal-poeżija daqs kemm mistħoqq. Forsi jaħti għal dan il-fatt illi – f’dawk is-snin tletin – bħal bosta oħrajn kiteb il-poeżija bit-Taljan u mbagħad bl-Ingliż. Kien biss fl-2004, difatti, li Cremona tebagħ l-ewwel ġabra ta’ poeżiji tiegħu bil-Malti – Mas-Sebħ Għasafar. Safrattant minn hemm ’l hemm issokkta jikteb u jippubblika l-poeżija fil-biċċa l-kbira bil-Malti: Ekwinozju (2016), Poesie-Poems-Poeżiji (fi tliet ilsna, 2009) u Il-Kantiku tax-Xagħra (2012). 

Matul is-snin il-poeżiji ta’ Cremona baqgħu jiġbdu lejhom – fil-fehma tiegħi bir-raġun – it-tweġġigħ ta’ għadd ġmielu ta’ kritiċi u osservaturi letterarji, fosthom Peter Serracino Inglott, Doreen Micallef, Lilian Sciberras, Paul Xuereb, Oliver Friggieri, Norbert Ellul Vincenti, Victor Fenech u Charles Briffa. Frans Sammut, terġa’ u tgħid, kien saħansitra sejjaħlu “missier il-poeżija Maltija moderna”. 

Fis-sajf tas-sena li għaddiet, Lilian Sciberras kienet fost dawk ir-riċensuri li reġgħu ġibdulna l-attenzjoni rigward dan il-poeta veteran, sewwasew b’reċensjoni għall-ġurnal Malta Independent on Sunday dwar il-ġabra semi-retrospettiva tiegħu Poeżiji. Kważi nistħi ngħid: kien proprju permezz ta’ din l-antoloġija – b’mod speċjali bit-48 poeżija ġdida miġbura fl-aħħar taqsima – illi seħħli nsir midħla tal-immaġinarju poetiku notevoli ta’ Cremoma. Tul dawn l-aħħar xhur għadda minn għala widnejja li ma kontx waħdi. B’dan kollu ġa f’moħħi, għaldaqstant, xħin inqis il-ġmiel liriku ta’ vrusu – b’mod partikulari l-poeżiji l-ġodda – ma nistax ma nqisx lil Cremona bħala eroj liriku mhux magħruf tal-poeżija tagħna.

Meta tassew tibda taqa’ d-dinja

Ftit qabel stqarrejt xi jġarraf id-dinja tiegħi. Ġejt tabilħaqq inse dwar dan daqs seba’ snin ilu mal-mewt għal għarrieda ta’ sieħbi Philip Serracino Inglott – filosofu żagħżugħ Malti magħruf fost ħbiebu bħala ċ-Ċinkwina. Dakinhar, minkejja li ma kontx nafu xi wisq, għadda għala minni xorta waħda dak illi kien stqarr – b’tant u b’tant kommozzjoni – il-filosofu Jacques Derrida fix-xogħol ċelebri tiegħu Chaque fois unique, la fin du monde: kull darba mill-ġdid, tmiem id-dinja. F’Sein und Zeit Martin Heidegger jirrimarka – bil-korsiv għal tal-apposta – li ħadd ma jista’ jieħu fuqu bis-sħiħ il-mewt ta’ ħaddieħor. Nasal naqbel, iżda biss sa ċertu punt, voldieri biss kemm-il darba b’mewt nifhmu l-mewta bijoloġika li taħsad u ttemm għalkollox il-ħajja tal-bniedem. Mill-bqija, dejjem kont tal-fehma li kull meta persuna għal qalba tisfa nieqsa parti minna tmut magħha wkoll. Hemmhekk, biex nissellef dan il-vers mingħand Cremona, il-lejl jaqa’ fuqna u jgħattina.

Il-lejl jista’ jaqa’ fuqi kemm irid. Qatt ma stkerraħtu. Minn daqshekk fiha u ma fihiex. Iżda l-gwaj għalija kultant ma jiqafx hemm – xejn affattu. Anzi spiss jaħbat jagħti s-salt fuqi qabel ġaladarba – almenu f’għajnejja – il-piena tax-xjuħija sikwit tidher ferm agħar minn dik tal-mewt. Jgħidli x’jgħidli Ċiċerun fil-Cato Maior de Senectute, aktarx ix-xjuħija hija l-aħħar ħaġa li nħobb nara fuq in-nies. Tul dawn l-aħħar xhur – jien u nara ’l uħud min-niesi jixjieħu mentri nħoss dinjieti taqa’ biċċa biċċa madwari – xtarrejt fuq li xtarrejt, ngħidu aħna, il-poeżija ta’ Cremona Qarib ta’ Dak li Hu. F’dawna l-versi, “dak li hu” jsir “dak li mhux”, il-preżenzi “ma jidhrux”, “il-qari” jsir “mistur” u “misterjuż”. Kollox donnu jisfa “ftit tinqix / b’difer fuq ir-ramel... sakemm ma titlax mewġa / li xejn ma tħalli ħlief / xi ftit tikmix”. 

Imut l-awtur, jitwieled lil qarrej

Ġaladarba magħġun b’dal-mod, ngħid għalija, impossibbli ma nżommx amment – irrid u ma rridx il-ħin kollu – li dawn il-versi nkitbu minn poeta xiħ għakka li kien jgħodd mal-mitt sena. Wisq anqas nista’ ninsa li nkitbu minn xi ħadd li saħansitra kien beda jitlef id-dawl. Għaldaqstant il-qarrej ta’ din il-kitba tiegħi hawnhekk impossibbli jseħħlu – daqsinsew – jishar miegħi kemm-il darba ma jżommx f’moħħu l-uħux li jaħkmuni bil-ħsieb tax-xjuħija. 

“Ix-xjuħija mhix battalja: ix-xjuħija hija massakru”, kiteb Philip Roth fir-rumanz tiegħu Everyman. Dan ir-rumanz kont għoddni nsejtu, iżda dika s-sentenza le. Mhux kull waħda mill-aħħar poeżiji ta’ Cremona għandha ton kiebi u malinkoniku la Rużar Briffa: “Issa qasira l-ħajja / u l-ħolm duħħan itir”. Abbli mhux kulħadd jittendi li l-poeżiji l-ġodda nkitbu minn poeta li jaf illi jiemu ormaj magħduda. Madankollu fil-qari tiegħi kienu proprju l-iżjed versi kiebja li fittixt, jew forsi aħjar, li ġew ifittxuni. Kienu sewwasew il-versi mnebbħa mit-tixjiħ u l-mewt – fis-suġġettività tiegħi – li rkaċċaw l-iżjed mill-paġni jien u nqalleb f’dawn il-poeżiji aħħarija. U dan iżjed u iżjed dan ix-xahar, wara l-aħbarijiet tal-mewt tal-ħassieba veterani Emanuele Severino u George Steiner – it-tnejn fi żmien ħmistax. 

Hawnhekk mill-ġdid, kif ġa għamilt drabi oħra f’din is-sensiela, jenħtieġ infakkar fuq fuq fis-saġġ letterarju ta’ Roland Barthes La mort de l’auteur: Minkejja li ċerti implikazzjonijiet tat-teżi ta’ dan it-test – l-iżjed jekk jiġġebbdu bis-sħiħ sal-ibgħad punt loġiku possibbli – jistgħu jkunu kemxejn problematiċi, minnu joħorġu, xorta waħda, żewġ prinċipji li ngħid għalija ngħoddhom bi kważi sagrosanti: l-ewwel, l-intenzjoni tal-awtur mhix kriterju prinċipali u assolut daqs kemm forsi ġagħluna nemmnu; it-tieni, li “t-twelid tal-qarrej jenħtieġ isir akkost tal-mewt tal-Awtur”. Isegwi minn hawn, almenu sa ċertu punt, li fid-dinja hemm Lolitas tal-inqas daqs kemm hemm pari għajnejn. L-enfasi mtennija tiegħi hawnhekk fuq il-frażi ngħid għalija trid ukoll qabelxejn tinfthiem f’dan is-sens. (Għaldaqshekk anke intom il-qarrejja – ġaladarba qegħdin taqrawni – jenħtieġ toqtlu xi ftit ukoll lili.)

Il-massakru taċ-ċentifolja

Ma jistax jonqos allura li xi ħadd bħali – ġeraskofobiku primaklassi – ma jissammarx mas-siġġu, imqar għal ftit, xħin jaqra dan il-massakru – ħelu iżda vjolenti, sempliċi iżda qawwi – ta’ poeta ta’ mitt sena: “Fil-ħemda filgħaxija / waħdi nisfolja / il-brevarju tal-ħajja / u ħdejja taħt għajnejja / bil-mod il-mod petala / wara l-oħra / tinħatt / iċ-ċentifolja”. F’Miktuba f’Kafè f’ħin bla waqt Cremona jfeġġ quddiem għajnejja “anonimu ħosbien” “jirfed it-toqol mherri / tal-għajxien”. “B’għajnejn battala nħares / lejn is-skiet” nisimgħu jgħidli fil-versi minn B’Għajnejn Battala. Ifakkarni, ladarba issa d-dawl sar bħal iweġġgħu, li “salvaġġ dad-dawl / li jfur mis-sema mberraħ”. F’waqtiet oħra mbagħad jixref għal ftit bħal xejn mid-dlamijiet tat-tgħattib u tan-nisi. Tieħu d-Dawl il-Memorja: “Mistoqsijiet (min jaf / dak għadux ħaj dak mietx) / Toqol is-skiet / toqol il-ħajja. / U jerġa’ jaqa’ d-dlam / malli sewda tintefa’ / is-sulfarina (għal ftit / ma ħraqtx subgħajja)”. 

Fi mkejjen oħra f’ġabriet preċedenti, pirkażu fil-poeżija Issa li Ntfew il-Ħġejjeġ, diġà nisimgħu jilmenta mil-letarġija ta’ toqol tas-snin imgħoddija: “Il-ġrajjiet kollha / tal-ħajja nħosshom / jinqatgħu minni qishom / weraq niexef.” Inzerta wkoll li l-kelma ‘ħġejjeġ’ hija waħda mill-iktar kliem li ngħożż fl-ilsien Malti. Qabelxejn sempliċement minħabba l-ħoss. Imbagħad ukoll sforz ċerti konnotazzjonijiet mitoloġiċi, fosthom il-miti ta’ Efestu, Prometeu u Luċifru. Fuq kollox, iġġibli lura f’moħħi l-immaġni – ferm għal qalbi – tal-filosofu xwejjaħ pre-Sokratiku Eraklitu: l-għelm simboliku tan-nar illi la jaf b’bidu u wisq anqas bi tmiem. In-nar li jibqa’ jinbidel f’kollox – il-ħin kollu – bla ma jehda qatt, bla ma jaqta’ xejn. Bħalkieku l-qawwa tal-ħajja u d-dgħufija tax-xjuħija jitwaħħdu f’xulxin minn proċess kontinwu u waħdieni li – bħal Xiva – erħilu jżewweġ l-opposti huwa u jaħji u jeqred kollox, fl-istess waqt. Biss fi Cremona n-nirien tal-ħajja – forsi bħal dawk tal-poeta Karmenu Vassallo – f’dawn il-versi bil-qajl il-qajl jibdew inemnu sa jintemmu. U dan bla ma qatt jaslu għal xi tifsira. “Ħabiba / l-mistoqsija / li f’ruħi tnawret forsi / ssib tweġiba”, tintemm f’mument dgħami dil-poeżija saljenti ta’ Cremona. 

Madankollu l-metafora tal-ħġejjeġ f’dawn il-versi ta’ Cremona jaf għandha l-ħila tfisser it-tixjiħ bħala fluss bla hedu – voldieri mitt sena massakru – iżjed milli fażi singulari li s-soltu tirranka lejn tmiem il-ħajja. In-nozzjoni tal-ħajja bħala bħala proċess lineari ta’ xjuħija kontinwa li fl-aħħar mill-aħħar jisfa’ biss fil-baħħ – fis-solitudni, f’“sigħat vojta”, fiċ-“ċpar”, f’“weraq niexef” – donnu ma ngħatatx l-importanza li jixirqilha fil-filosofija tas-seklu għoxrin. Niġu f’dan, bil-kontra tal-kittieba u tal-poeti, il-filosofi tant donnhom kienu mehdija jmaħħu u jħaqquha dwar il-mewt li nsew ix-xjuħija. Wara l-Cato Maior de Senectute ta’ Ċiċerun, voldieri fl-44 AD, kellhom jgħaddu ’l fuq minn 2,000 sena biex fil-Punent reġa’ feġġ xogħol filosofiku maġġuri rigward ix-xjuħija. F’dar-rigward imnalla kienet Simone de Beavoir illi, ukoll fi xjuħitha, kmieni fis-snin 70 tatna t-trattat La Vieillesse.

Jidhirli li Issa li Ntfew il-Ħġejjeġ toqgħod tajjeb ħafna fil-ħsibijiet ta’ de Beavoir rigward ix-xjuħija bħala attività li tibqa’ tiżvoġli, xi ftit jew wisq, kull ħin u kull mument mal-miġra tas-snin. Ħsus bħal dawn nistgħu saħansitra naqraw dwarhom fl-iżjed memorji bikrin tagħha, iżda f’La Vieillesse dan l-għali tistqarru b’ferm iżjed qawwa. “L-imgħoddi mhuwiex xi passaġġ sielem li jinsab hemm warajja, xi pajjiż li nista’ nimraħ fih meta u xħin irrid u li jurini, bil-mod il-mod, l-għoljiet u l-widien mistura tiegħu. Anzi, iktar ma nimxi ’l quddiem iktar dan jiġġarraf. Il-biċċa l-kbira tat-terrapien jidher ċass, sfreġjat, iffriżat: it-tifsira tiegħu ma nsibha mkien... skeletru biss kulma fadal minnu. Il-pjanijiet, it-tamiet, il-biżgħat tiegħi qatt m’għad nerġa’ nsibhom – qatt m’għad nerġa’ nsib lili nnifsi”.

Ir-Rigal tal-Mewt

Il-fehmiet tiegħi dwar ix-xjuħija huma qrib ħafna tal-biżgħat skjetti li stqarret magħna de Beauvoir. Hu x’inhu ngħid għalija m’għandi ebda ħerqa nġarrab dat-tikdid kollu fi xjuħiti. Fil-poeżija Sibilla Cremona bħal donnu ried jagħtina twissija b’dal-vers proverbjali: “min jgħaġġel jgħix jgħaġġel ukoll imut”. Imma forsi aħjar hekk. Kif kien poġġiha Ernest Hemingway fir-rumanz The Old Man and the Sea, “nixtieq hemm mod kif indub fil-baħar mill-ewwel minflok ma qabelxejn noqgħod nitqanna b’dil-affari li negħreq”. Almenu semmaj, bħal Achille Mizzi f’Mortalità, “immut mhux bħal warda marida / li tinxef u taqa’ / bil-qajla fi żmienha. [...] / Ħa mmut Pompejan / mixgħul bil-lava”. 

Għandu mnejn Cremona ma riedx hekk. Mitt bniedem mitt fehma. Min qatt jista’ jaqta’ xi jkun għaddej minn għala moħħ ta’ mitt sena huwa u jimmassakra ċentifolja? Derrida, fit-test tiegħu Donner la mort – li t-traduttur David Wills xerrdu mad-dinja Anglosassona bit-titlu The Gift of Death – jerġa’ jfakkarna f’Heidegger: f’dal-ħwejjeġ ikollna bilfors “nerħu lilna nfusna f’id is-solitudni assoluta”, saħaq Derrida. “Ma jista’ jkellimna ħadd u ħadd ma jista’ jitkellem għalina. Kulħadd merqtu u ftietu”. 

Intant issa l-pinna lesta. Issa m’għadx fadlilna wisq iżjed xi ngħidu jew x’nagħmlu. Nistgħu biss, allura – difaċċ dan ir-rigal tal-mewt – inżommu t-toroċ tal-“ħġejjeġ” tagħna jaqbdu ħajja filwaqt li niftakru xi ftit ukoll fi Cremona fil-vrus tagħna... sa ma daka l-lejl jaqa’ fuqna wkoll biex jgħattina lkoll, għal dejjem.

 

More in Arti