Letteratura | Coronavirus!
Dawn huma wħud mill-aqwa kotba li ġew ippubblikati fl-2019. Issa ċ-ċans tiegħek biex tagħtihom titwila u tieħu vantaġġ mill-offerti tal-pubblikaturi
(“ill ħaqq, paġna oħra dwar dan l-imniefaħ!”)
Le mhix paġna oħra dwar il-virus, ċert li jekk tqallbu fil-paġni l-oħra se ssibu aktar minn kemm teħtieġu dwaru. Imma issa li ġbidtilkom l-attenzjoni u se tibqgħu taqraw dan l-artiklu kollu nittama li sal-aħħar tiegħu nkun ikkonvinċejthom b’dak li se nikteb.
Waħda mill-aktar inizjattivi importanti li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jorganizza kull sena hija l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li huwa l-ogħla premju letterarju mogħti lil awturi, pubblikaturi u illustraturi għal xogħol ippubblikat Malta s-sena ta’ qabel. Il-premju jservi l-ewwel u qabel kollox għall-kittieba u l-pubblikaturi - huwa stimulu għal tal-ewwel biex jirfinaw dejjem aktar il-kitba tagħhom u inċentiv għal tat-tieni biex jappoġġjaw il-kittieba li jersqu lejhom u biex jagħrfu l-potenzjal (anki n-nuqqas tiegħu) tal-manuskritt ippreżentat lilhom. Il-PNK huwa għalhekk sies importanti għax-xena letterarja u akkademika f’Malta.
Imma l-premju qiegħed hemm ukoll għall-qarrej li jkun diġà qed jaħseb f’liema ktieb se jaqra xħin ilesti dak li jkollu f’idu! Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, kemm tal-Adulti u anki t-Terramaxka għaż-Żgħar u l-Adolexxenti, jista’ jitqies bħala indikatur tal-aħjar letteratura ppubblikata dik is-sena. Il-pubbliku ġenerali jista’ jaċċessa l-lista sħiħa ta’ kotba rebbieħa u kotba finalisti tal-PNK mal-medda tas-snin mis-sit tagħna www.ktieb.org.mt
Mela hawn huma! Jekk inti wieħed minn dawk li dawn il-jiem ta’ kwarantina jew klawsura qed tarahom bħala okkażjoni biex inti jew membri tal-familja jaqraw aktar, aqra dan li ġej dwar il-kotba rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2019. Id-dieħla nkellmukom dwar ir-rebbieħa tal-Premju Terramaxka għaż-żgħar u l-adolexxenti.
Novelli
Nintroduċu hawnhekk kittieb ġdid li ddebutta b’ġabra ta’ novelli u rebaħ mill-ewwel il-premju - Trevor Żahra, jipprometti jidher! Ċajt apparti, dan huwa x’aktarx l-aktar proġett ambizzjuż ta’ Żahra: 365 (Merlin Publishers) storja … rakkonti, riflessjonijiet, aneddoti, ħrejjef … waħda għal kull jum tas-sena. Huwa ktieb irrakkomandat għal dawk li jħobbu jaqraw xi ħaġa filgħodu qabel jibdew il-jum, speċi ta’ bibbja bil-ħsieb ta’ filgħodu. Ikun xi jkun il-ġeneru, dejjem għandek garanzija li ma’ Trevor Żahra s-sena tiegħek tkun mimlija ħolm u tifkiriet…
Poeżija
Isem Maria Grech Ganado diġà hu garanzija waħdu li dak li se taqra jkun ta’ kwalità, u la qed nitkellmu dwar poeżija qed nitkellmu dwar esperjenza emozzjonali li tmisslek il-ġewwieni. Il-poeżiji fi Framed (Merlin Publishers) huma espressjoni tal-ħajja ta’ kuljum, u jesploraw il-kumplessitajiet tar-relazzjonijiet familjari, l-imħabba, l-ikel, l-arti, il-fenomeni soċjali u elf ħaġa oħra li l-ġirja tal-ħajja ttellifna mis-sabiħ tagħhom. Għandek f’idejk ġabra ta’ poeżiji, miktuba aktarx mit-tbatija, minn poeta li jistħoqqilha tiġi deskritta bħala “waħda mill-aktar poeti nisa għarfa u fost l-aqwa poeti fl-Ewropa” - kliem il-poeta u drammaturgu minn Wales Menna Elfyn.
Letteratura mhux fittizja
Dil-kategorija kienet ġdida s-sena l-oħra, u laqgħet fiha titli interessanti. Fosthom ħareġ rebbieħ il-ktieb No Man’s Land: People, Place & Pollution (Kite Group) bil-kitba ta’ Marie Briguglio u l-kartuns Steve Bonello. Jekk trid taqra u tkun ingaġġat ambjentalment dan hu l-ktieb għalik. Fih it-tpinġijiet ta’ Bonello li jittrattaw it-traġedja komika tal-ambjent u l-ispazju pubbliku fl-aħħar 30 sena, akkumpanjati mir-riċerka meqjusa ta’ Briguglio dwar il-pressjoni tal-kostruzzjoni fuq l-ambjent u n-nies f’Malta.
Traduzzjoni
Il-kummenti pubbliċi tat-tim tal-aġġudikazzjoni kienu pożittivi dwar il-finalisti kollha f’dil-kategorija. Ir-rebbieħ kien Antigona (Faraxa Publishing) li nqaleb minn Toni Aquilina. Oriġinarjament ta’ Jean Anouilh, kien ġie ppubblikat waqt l-Okkupazzjoni fi Franza u minnufih qanqal dibattitu dwar l-interpretazzjonijiet possibbli tiegħu. Il-ktieb huwa dwar l-istorja taż-żagħżugħa Antigona, li toħodha kontra l-awtorità ta’ zijuha, ir-Re Creon, u eventwalment tinqatgħalha għall-mewt.
Riċerka ta’ natura ġenerali
Dal-ktieb mitqlu deheb għad-dilettanti tal-istorja u kif kienu jgħixu missirijietna. Huwa dokument professjonali ta’ dawk l-istejjer li li kieku ma jkunx għax-xogħol ta’ nies bħal Steve Borg imutu u jintnesew…u magħhom in-nies li rabbewna u wittewlna t-triq. Il-Maltin: għemilhom, drawwiethom, ġrajjiethom (Klabb Kotba Maltin) ikompli jagħtina kwadru ta’ stejjer fattwali dwar temi speċifiċi u kif dawn kienu minsuġin fil-ħajja Maltija fl-ewwel nofs tas-seklu 20. Ir-rakkontaturi jagħtuna narrattiva intima, miġjuba fl-ewwel persuna li ma ddurx ma’ kantunieri imma hija diretta u tqanqal is-sentimenti tal-qarrej.
Riċerka ta’ natura bijografika u storjografika
L-aħħar ktieb minn sensiela dwar l-aħħar 20 sena tal-kolonja Brittanika li turi l-iżvilupp ta’ Malta minn bastjun Mediterranju ta’ ħaddieħor għal stat sovran. Huwa x-xogħol li se jibqa’ magħruf għalih l-istudjuż bravu tal-Istorja Joseph M. Pirotta. Fortress Colony: the final act 1945-1964 (Vol IV) (Midsea Books) huwa ktieb mirfud minn volumi ta’ dokumenti Maltin u Brittaniċi li jifirxu lill-qarrej dak kollu li kien qed iseħħ minn wara l-kwinti f’dal-periodu importanti għalina bħala nazzjon u poplu.
Dawn kienu l-kotba li rebħu fil-kategorija rispettiva tagħhom għall-kotba għall-adulti. Ħaduna minn riflessjoni f’forma ta’ novella għal kuljum, il-preżentazzjoni tal-ħsus poetiċi tal-ħajja ta’ kuljum li naturalment jaħarbulna, sal-espressjoni artistika tal-qagħda ambjentali f’Malta fi żwieġ oriġinali mar-riċerka, id-dokumentazzjoni fidila ta’ dawk li għalkemm illum ma jidhrux qegħdin hemmhekk, bennejja tagħna, u finalment it-tiftix metikoluż tat-twelid ta’ nazzjon.
Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġek biex tagħti titwila wkoll lejn il-kotba ta’ dawk li rebħu l-premji speċjali; Alfred Sant - rebbieħ tal-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Letteratura u l-Kotba; Gioele Galea - rebbieħ tal-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti; Maria Grech Ganado - rebbieħa tal-Premju Poeta Lawreat; u l-ktieb Parallel Existences. The Notarial Archives: A Photographer’s Inspiration (Kite Group) li rebaħ il-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra.
Dan l-artiklu nkiteb minn Matthew Borg, wieħed mill-ħaddiema tal-KNK, minflok l-artiklu tas-soltu ta’ Kevin Saliba, li dal-ġimagħtejn kien se jikteb dwar il-mistiedna internazzjonali tal-Festival tal-Ktieb fuq il-Kampus. Minħabba raġunijiet ovvji l-Festival kellu jitħassar.