Żmien li taqra mat-tfal u tħeġġiġhom jaqraw… l-aħjar kotba tal-2019

Jekk qed tfittex liema kotba se tixtri biex taqra mat-tfal jew tħeġġiġhom jaqraw diġà għamilt pass siewi immens. It-tieni wieħed għandu jkun li tagħti titwila lejn ir-rebbieħa u l-finalisti tal-Premju Terramaxka 2019! Bosta pubblikaturi għandhom offerti tajbin, u jwasslulek il-kotba d-dar

Bħalma ġralhom xi 300 miljun tifel u tifla ieħor madwar id-dinja, it-tfal f’Malta bħalissa mhumiex imorru l-iskola u għaddejjin minn żmien id-dar ma’ min jieħu ħsiebhom. L-għalliema qed jaraw kif se jippjanaw għal meta kulħadd jidħol lura l-iskola, pjan kontra pjan u lezzjonijiet biex iġibu lura dak li kellu jintgħallem f’dal-jiem…imma l-ġenituri mhux inqas u l-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb iħeġġeġ lilek bħala ġenitur jew xi ħadd li qed tieħu ħsieb lit-tfal sabiex daż-żmien tużah għall-iżvilupp tagħhom. Minħabba impenji oħra li kulħadd ikollu, huwa rrakkomandat li jsir pjan bi struttura sabiex dal-jiem jissarrfu fi żmien flimkien ta’ kwalità, magħmul minn ħin għat-tagħlim, ħin għal-logħob u ħin mal-familja. Kull opportunità meħuda għat-tagħlim hija wkoll opportunità biex it-tfal iħossuhom maħbuba, jiżviluppaw il-ħila tal-empatija u tal-immaġinazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, jieħdu gost.

Il-ġimgħa l-oħra kellimniekom dwar kotba għall-adulti rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, li huwa l-aktar premju importanti fil-Gżejjer Maltin għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kotba u letteratura. Illum se noffrulkom lista sabiħa ta’ kotba rebbieħa tal-Premju Terramaxka 2019, jiġifieri l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb tal-kotba għat-tfal u l-adolexxenti. Ħudu ċans u agħtuhom daqqa t’għajn għax minbarra l-kwalità tajba ħafna tagħhom xi pubblikaturi għandhom offerti li ta’ min ma jitlifx, apposta għal daż-żmien ta’ iżolament soċjali. Hemm ktieb rebbieħ għal kull kategorija, u jekk tidħlu www.ktieb.org.mt se ssibu wkoll il-kotba finalisti l-oħra li wkoll ta’ min jiċċekkjahom.

Xogħol Oriġinali: kotba għal tfal bejn 0-7 snin

Il-Ħanut tal-Ħelu li Mar Dawra (Merlin Publishers)

Naħseb f’kull dar hemm xi ktieb tat-tfal ta’ Clare! Did-darba ngħaqdet ma’ Matt Stroud bħala illustratur u offrewlna ktieb li jekk nistaqsi mistoqsija waħda lit-tfal żgur li jaqrawh… “Tħobbuh il-ħelu?” Jekk iva dal-ktieb għalikom! Max imur għand tal-ħelu spiss. Imma darba rah b’geddum sal-art u Max iddispjaċieh. “Naf x’nagħmlu,” qallu, “immorru dawra.” U dak il-ħin, il-ħanut inqala’ minn postu, rama żewġ pari saqajn u telqu. Rajthom? Max liebes ta’ pirata qed jidderieġi ’l-ħanut mimli ħelu. Tgħid x’se jsibu fit-triq dawn it-tnejn? Din hija storja maġika li titfa’ dawl fuq realtajiet soċjali differenti f’Malta u kif nistgħu nwieġbu għalihom…

Xogħol Oriġinali: kotba għal tfal bejn 8-12-il sena

Irvin Vella – Investigatur Virtwali: Il-Każ tal-Gżejjer tat-Teżor (Merlin Publishers)

Kif niftħu l-ktieb se nsibu ruħna Għawdex… inċident fatali lejlet l-ewwel tas-sena…ħjiliet misterjużi li jqanqlu ħafna mistoqsijiet. Irvin Vella jidħol fl-azzjoni u beħsiebu jweġibhom kollha! Li jsegwi huwa rakkont mimli suspans, intriċċi biex jissolva l-każ, u ma jonqosx l-umoriżmu. Dal-ktieb huwa t-tielet wieħed tas-sensiela tad-ditektiv Irvin Vella, xogħol il-kittieb John A. Bonello. Il-kotba ta’ qablu huma Irivin Vella: Il-Każ tas-Serqiet Strambi u l-ewwel ktieb tas-sensiela, Irvin Vella: Il-Każ Manduca.

Xogħol Oriġinali: kotba għal tfal bejn 13-16-il sena (adolexxenti)

Amina (Merlin Publishers)

Mindu l-kittieba brava Antoinette Borg iddebuttat bil-ktieb Fittixni għaż-żgħażagħ nistgħu ngħidu li baqgħet sejra b’ħilitha f’dan il-ġeneru. Fil-fatt bih kienet rebħet il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb fl-2016 u l-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti fl-2018. Amina huwa dwar tfajla ta’ 15-il sena li tkun tajba ħafna fil-Matematika, imma l-ktieb mhuwiex dwar il-Matematika: fil-wiċċ huwa avventura ta’ misteru li mbagħad tiżviluppa f’riflessjoni dwar l-identità, it-trobbija ta’ migrant f’Malta, il-bruda ta’ ħaddieħor, u l-qawwa tal-istejjer. Amina tintgħażel biex tipparteċipa fl-ewwel kamp tal-matematika f’Malta. Se tqatta’ sitt ġimgħat wara dak il-kanċell, tipprattika s-suġġett li tħobb, ma’ nies li ma tafhomx. Għadha ma tafx li hemm ġew se tidħol f’xebgħa inkwiet. Għad m’għandhiex suspetti li xi ħadd se jinqeda bil-kamp għall-iskopijiet sigrieti tiegħu. M’għandhiex idea li se jkollha tirriskja taħrab minn hemm f’nofs ta’ lejl…hemm ġew Amina se tiskopri żewġ stejjer, waħda ġejja mill-passat, u l-oħra ġejja minn ġo fiha. Meta toħroġ minn wara dak il-kanċell, se tkun Amina differenti.

Kotba maqlubin għall-Malti għat-tfal bejn 0-7 snin

L-Annimali tas-Savana: Il-Verità Kollha fuq l-Annimali (Merlin Publishers)

“Iż-żebra tħobb toqgħod waħidha tixrob belgħa te fuq is-sufan? U le! Ma tarax!” Dal-ktieb iwiegħdek solennement li jagħtik xejn inqas mill-verità dwar l-annimali tas-savana! Għal dawk it-tfal li diġà qed juru interess biex ikunu jafu aktar dwar id-dinja ta’ madwarhom, dan huwa l-ktieb perfett għax huwa forma ta’ ktieb-logħba li jgħaqqad l-illustrazzjonijiet mar-ritratti biex titgħallem u fl-istess ħin tieħu gost. Il-ktieb inqaleb mill-Franċiż (Les animaux de la savane ta’ éditions Auzou) għall-Malti minn Rachel Portelli.

Kotba maqlubin għall-Malti għat-tfal bejn 8-12-il sena

Missjoni: Insalvaw il-Pjaneta l-Blu (Merlin Publishers)

Dan huwa ktieb f’waqtu immens għax jagħti gost u fl-istess ħin irawwem fit-tfal imħabba lejn id-dinja bħala post li rridu ngħixu fih ilkoll u fl-istess ħin nieħdu ħsiebu ħalli jieħu ħsiebna. L-istorja jgħidhielna Gwi Do, aljen li jdur id-dinjiet u jgħinhom biex ma jinqerdux. Għandek idea kif tidher il-pjaneta tiegħek mill-għoli? Globu blu bl-abjad bl-inħawi abitati mniġġsa, ilma inkwinat, irqajja’ ta’ żejt fil-baħar, artijiet maħtufa mill-ispekulaturi, foresti qodma jaqbdu … Xħin Gwi Do jara did-dehra orribbli, jaqbad il-vettura spazjali tiegħu u jibda jterraq fl-ispazju sa ma jasal fid-dinja bil-għan li jsalvaha. Int u hu, flimkien, se terħulha madwar l-erbat irjieħ tal-pjaneta biex issewwu l-ħsara li għamlulha l-umani. Se ssaffu l-arja u x-xmajjar, tagħtu r-ruħ lill-ħamrija, issalvaw l-eqdem foresti u titgħallmu tirriċiklaw l-iskart. Dan il-ktieb eċitanti u mimli avventuri se jdawrek mad-dinja ambjentali. Il-futur tad-dinja f’idejk — minnek jiddependi tintemmx jew tibqax teżisti! Il-ktieb adattah għall-Malti Dwayne Ellul, u ġie kkofinanzjat mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

 Il-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb

Lorella u l-Ġenju li ma kienx Jaf Jaqra (BDL Publishing)

Minbarra l-premji tas-soltu, ikollna anki premju għall-aħjar ktieb għall-mod kif ikun ġie stampat u x-xogħol li jkun mar fih. Lorella u l-Ġenju li ma kienx Jaf Jaqra jinkludi bosta karattri fittizji magħrufa mat-tfal. Dawn daqqa jidhru lil Lorella minn hawn daqqa jidhrulha minn hemm… sakemm tiftaħ il-bieb u jidħol dat-tifel nifsu maqtugħ li mhu ħadd ħlief il-ġenju tal-lampa! Qalilha li qed ifittex fejn se jaqta’ t-tielet xewqa lil xi ħadd, u Lorella sabet ix-xoqqha f’moxtha għax talbitu jgħinha tikteb komponiment. Imma, bużillis ta’ kull bużillis, dal-ġenju tal-lampa la jaf jikteb u lanqas jaqra! L-awtriċi hija Rita Saliba u l-illustratriċi Moira Scicluna Zahra, u l-ktieb ġie ppubblikat bil-għajnuna tal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu.

Ċerti li anki lilek bħala adult għoġbuk xi kotba minn dawn! Tista’ tixtrihom online jew tikkuntattja lill-pubblikaturi sabiex tistaqsihom dwar offerti li għandhom bħalissa. Uħud minnhom saħansitra qed iwasslulkom il-kotba d-dar b’xejn! 

www.ktieb.org.mt

More in Arti