Letteratura | Il-Bojja Malti tal-Pożittiviżmu
Fil-paġna letterarja mtella' mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ktieb tal-filosofija Sejjieħ il-Ħsieb ta’ John Baldacchino. Il-kummentarju jitlaq minn xrara mill-ġenesi tal-Ktieb tal-Filosofija f’Malta ta’ Mark Montebello – sewwasew daqs tnejn u għoxrin sena – li mbagħad tibqa’ għaddejja tnemnem sa ma tasal, issa mill-ġdid imħeġġa, biswit il-ħitan tas-sejjieħ ta’ Baldacchino. Saliba hemmhekk jisma’ s-sejħa ta’ Edmund Husserl tħabbar il-qtugħ ir-ras tal-filosofija filwaqt illi f’Baldacchino jagħraf il-bojja tal-pożittiżivmu. Jifraħ. Jagħraf ukoll il-mogħdijiet li qabad tul is-snin fi triqtu fil-filosofija. Jingħad li waħda minnhom ġieli wasslet sal-fran t’Auschwitz u ta’ Birkenau. Saliba jippilla u jfakkar f’mara Lhudija.
Daqs tnejn u għoxrin sena ilu – qisu lbieraħ – matul erbat ijiem li qattajt fi rtir ġo villeġġjatura f’San Pawl il-Baħar, minn ħin għal ħin rajt filosfu Malti – Patri Mark Montebello – iħabbat fuq laptop primittiv dana l-kliem preċiż: “Lingwa/ġġ, Filosofija tal-: Termini li jindikaw għadd ta’ filosofiji li jżommu bħala l-oġġett tagħhom il-lingwaġġ uman, jew, b’mod aktar ġenerali, il-falsitajiet ta’ komunikazzjoni elaborati mill-bniedem. [...] F’Malta din l-għamla ta’ filosofija ssedqet l-aktar fit-tieni nofs tas-seklu 20 bil-ħidma filosofika ta’ Peter Serracino Inglott u Joe Friggieri, ħidma li ġibdet lejha wkoll filosfi żgħażagħ bħal Claude Mangion”.
Dakinhar li tkebbset xrara
Dakinhar, frisk fil-memorja kien għad kelli – u għad għandi u żgur ser jibqa’ jkolli – sentenza f’artiklu miktub mill-istess Montebello ftit tal-ġimgħat qabel. Dis-sentenza kienet tgħid xi ħaġa hekk: “Bħalma Søren Kierkegaard fi żmienu kien jemmen li jenħtieġ li l-filosofija tibda titħaddet bid-Daniż, hekk ukoll illum wasal iż-żmien li l-filosofija titgħallem titħaddet bil-Malti”. Ġaladarba dan il-ħsieb kien diġà ilu jdur u jagħqad f’moħħi mas-sentejn tlieta, tassew kont ilqajt b’sodisfazzjon il-fatt illi ma kontx waħdi f’dina l-fehma. Mur għidli, imbagħad, li ftit tal-jiem wara kelli nara jissawwar – mill-pinna ta’ Montebello stess – l-ewwel volum ta’ wieħed mill-akbar xogħlijiet filosofiċi li qatt inkitbu fi lsien pajjiżna: Il-Ktieb tal-Filosofija f’Malta.
Kien sewwasew f’daka l-mument li bdiet titkebbes fija l-kilba li naqra u nisma’ l-filosofija bil-Malti. Kien proprju f’daka l-waqt ukoll li qabad iħaġġeġ fija l-ħsieb li xi darba ’l quddiem, bħalma konna ngħidu meta konna tfal: “la nikber”, iseħħli nagħti l-kontribut tiegħi f’dina s-sejħa – xrara li mbagħad laħqet il-milja tagħha daqs għaxar snin iżjed tard, bis-saħħa ta’ Dr. Antoine Cassar, fil-ġibda lejn it-traduzzjoni għall-Malti ta’ testi filosofiċi u anke sagri. Dina s-sejħa għall-ħsieb bil-Malti maż-żmien kompliet tidwi u taqbad fija bis-saħħa t’għadd ta’ filosfi u tradutturi Maltin oħrajn, fosthom Prof. Joe Friggieri bis-sensiela In-Nisġa tal-Ħsieb, Dr. Michael Zammit bit-traduzzjoni tal-Bhagavad Gita u b’mod partikulari t-traduzzjoni tal-Bibbja ta’ Prof. Pietru Pawl Saydon.
Tour de force tal-filosofija bil-Malti
Iżda maż-żmien saħansitra n-nirien, kif jaf tajjeb Karmenu Vassallo, kapaċi jbattu qajqal sa ma jisfgħu biss tnemnim. F’dawn l-aħħar ġimgħat – wara bosta xhur bejn in-nar u l-ilma mmaħħaħ jekk forsi għalija kienx wasal il-waqt li noħnoq u nitfi kollox – dina x-xrara reġgħet ħadet ir-ruħ bis-saħħa tal-ktieb filosofiku Malti ta’ Profs. John Baldacchino Sejjieħ il-Ħsieb. U mhux ta’ b’xejn.
Mhix l-intenzjoni tiegħi li f’dawn il-kelmtejn kollox nagħmel ġustizzja sħiħa lil dan it-tour de force tal-filosofija bil-Malti. Mhix l-intenzjoni tiegħi lanqas li nagħti stampa komprensiva tal-miżgħeda ta’ argumenti u proposti filosofiċi li jitressqu lilna fih. Sabiex dan isir kif imiss jenħtieġ ħafna iżjed ħin u ferm iżjed spazju. Għaldaqstant dan il-kummentarju tiegħi fil-biċċa l-kbira huwa eżerċizzju ta’ analiżi deskrittiva iżjed milli kritika argumentattiva.
Akkont jidhirli li hekk għandu jkun. Ibda biex tul madwar mitejn paġna – b’ħila lingwistika l-ġmiel tagħha u b’temperament filosofiku liema bħalu – Baldacchino jseħħlu jinseġ fi lsienna test letterarju u akkademiku eklettiku li jkopri medda tassew wiesgħa ta’ fergħat filosofiċi: l-ontoloġija, il-fenomenoloġija, l-epistemoloġija, il-filosofija tal-lingwa, it-teorija politika, l-ermenewtika, l-estetika, it-teorija kritika, il-letteratura, il-kritika letterarja, l-etika, il-metafiżika, il-filosofija tar-reliġjon u t-teoloġiku. Mnejn ser nibda?
Il-bojja tal-pożittiviżmu
Fit-titlu tal-kiteb in-nom sejjieħ jista’ jinqara u jitfisser b’żewġ modi: mhux biss bħala ħassieb illi qiegħed isejħilna biex naħsbu, iżda wkoll, anzi l-ewwel u qabel kollox, bħala “ġebel poruż” [...] “li joffri l-wens” u li [...] “iħalli ilmijiet żejda jgħaddu minn għalqa għal oħra”. Prof. John Baldacchino jippersonifika t-tifsiriet impliċiti u espliċiti ta’ dan in-nom – kif antiċipajt mill-ftit li s’issa ili nafu – b’karattru metodoloġiku deċiżament kontinentali. Tant hu hekk illi jilqagħna mill-ewwel bi stqarrija-xafra meħuda mix-xogħol fenomenali ta’ Edmund Husserl (Die Krisis der europäischen Wissenschaften und die transzendentale Phänomenologie) Il-Kriżi tax-Xjenzi Ewropej u l-Fenomenoloġija Traxxendentali: “il-pożittiviżmu jaqta’ ras il-filosofija”. Baldacchino jħaddem din il-metodoloġija mhux biss fl-istil – illi spiss saħansitra jiżbroffa fit-“tlissin immaġinarju” tal-impuls poetiku – iżda wkoll fl-ispirtu billi qabel xejn joffri narrattiva li żżomm alalarga mid-dommatki strettament loġiċi u mix-xjentiżmu radikali tal-ħassieba analitiċi. Iżjed minn hekk, Baldacchino jfittex – ġewwa “l-ispazju u l-ġewwieni li jinstab bejn il-ġebel” – kundizzjoni ta’ possibbiltajiet illi tmur “lil hinn mil-limiti (fiżiċi) tagħna”.
Għaldaqstant f’Sejjieħ il-Ħsieb minn banda Baldacchino spiss jaqta’ ras il-pożittiviżmu minflok: ekku mela l-bojja Malti tal-pożittiviżmu. Bħalma rrimarka Jean-Paul Sartre f’L’Imaginaire (L-Immaġinarju), “sabiex koxjenza jkollha l-ħila timmaġina [...] jenħtieġ li din tkun ħielsa”. Mil-“limitu” konjittiv tiegħu Baldacchino allura jibni, ġebla fuq ġebla matul 148 taqsima, il-ħitan tas-sejjieħ tal-ħsieb tiegħu sabiex bħal Nietzsche “jikseb il-ħelsien li joħloq mill-ġdid”. Dan jagħmlu permezz ta’ approche philosophique li Michel Foucault kien iddeskrivieh bħala “kritika prattika li tieħu s-sura ta’ trasgressjoni possibbli”. Xi ftit bħal Georges Bataille – filosofu trasgressiv xejn inqas – Baldacchino jimraħ ukoll slistu u ħieles fl-immaġinarju uman mentri jossospendi l-limiti tat-tabù u tal-ordni, għad illi jagħmel dan mingħajr ma jiksirhom u jkissirhom għalkollox.
Stilistika u spirtu kontinentali
Difatti hawnhekk l-awtur ma jżommx lura milli jsellem lill-ħassieba analitiċi, tant illi ġieli wkoll jidħol f’kollokji magħhom. Hu x’inhu, fil-fehma tiegħi dan it-test ta’ Baldacchino ma jistax jitqies bħala pont rikonċiljatorju bejn iż-żewġ tradizzjonijiet spiss rivali bħal xi Richard Rorty. Dan għax forsi wkoll bħal Bataille dan il-filosfu Malti – għad illi bil-mod tiegħu – għandu l-intenzjoni ardita li jasserixxi l-possibbli fl-impossibbli. U għaldaqstant jemmen ukoll, bħal Karl Jaspers fl-Philosophische Autobiographie (Awtobijografija Filosofika), fl-“insuffiċjenza tar-raġuni fejn jidħlu mistoqsijiet filosofiċi fundamentali”. Bħal Jaspers ukoll f’dan il-ktieb Baldacchino donnu jrid jgħaddilna l-messaġġ li “sabiex nidħlu fil-qasam tal-oriġini, irridu nużaw għamla ta’ ħsieb li ta’ sikwit donnha hija impossibbli”.
F’Sejjieħ il-Ħsieb din l-istilistika kontinentali tkompli titwettaq permezz ta’ narrattiva poetiko-aforistika mnebbħa minn bosta testi letterarji u filosofiċi ewlwnin, fosthom Minima Moralia ta’ Theodor Adorno, Tractatus logico-philosophicus (Trattat Filosofiku Loġiku) ta’ Ludwig Wittgenstein, Livro do Desassossego (Ktieb it-Tikdid) ta’ Fernando Pessoa, Apofeoz Bespochvennosti (L-Apoteożi tal-Prekarjetà/Il-Ħwejjeġ Kollha Possibbli) ta’ Lev Shestov, Also sprach Zarathustra (Hekka Tħaddet Zarathustra) ta’ Friedrich Nietzsche u La noche oscura del alma (Il-Lejl Mudlam tar-Ruħ) ta’ San Ġwann tas-Salib. “Nafu sew li anke fl-aktar dlam imdallam ta’ mewt bħal f’Auschwitz, ma nistgħu qatt nieqfu milli niktbu l-poeżija”, jirrimarka Baldacchino. F’dan l-ispirtu tana wkoll għadd ta’ vrus poetiċi mqanqla kontra l-atroċitajiet ħorox illi seħħu f’Auschwitz u f’Birkenau: Ir-raġuni għamlet ħnieżer mill-bnedmin / li b’kalkolu preċiż qatlu / kemm sabu Lhud, Pollakki w Roma, / omosesswali u Komunisti / – fil-fran ta’ Auschwitz u Birkenau”.
Il-kwistjoni Heidegger u l-mara Lhudija
Huwa proprju hawnhekk – “fil-fran ta’ Auschwitz u Birkenau” – fejn inħoss illi għandi nressaq tikka kritika. Qabelxejn m’għandi xejn għajr rispett lejn dan il-ktieb filosofiku li jlaqqa’ flimkien – fl-ilsien Malti – tant u tant ħassieba li sawru bosta mill-kampi viżivi Oċċidentali tal-Weltanschauung tiegħi matul triqti fil-filosofija: Plotinu, Seneka, Spinoza, Marx, Nietzsche, Kierkegaard, Husserl, Jaspers, Sartre, Tillich, Vattimo. Terġa’ u tgħid, huma sewwasew dawn il-viżieri li spiss sejsu u sawru d-diversi skambji ta’ veduti filosofiċi li kelli tul dawn l-aħħar snin mal-Prof. Baldacchino. Donnu xi kultant baqa’ jaqa’ ċ-ċpar, madankollu, meta tqum il-kwistjoni Heidegger. Jidhirli li f’dan ix-xogħol forsi Baldacchino għażel li ma jagħtix spazju lil Heidegger daqs kemm mistħoqq, l-iżjed fi kwistjonijiet ontoloġiċi u teknoloġiċi. Anzi, ifakkarna f’kemm drabi György Lukács u Theodor Adorno ma rawx għajn m’għajn ma’ Heidegger.
Mhemm xejn ħażin f’dan: f’xogħlijiet bħal dawn hija prassi dijalettika stabbilita li ħassieb jiddaħħal f’konfront m’ieħor. Iżda ġieli nissuspetta li din ir-reżistenza – bħal ma’ kienet pirkażu dik ta’ Herbert Marcuse u ta’ diversi għedewwa tal-eżistenzjaliżmu bħal Roger Garaudy – għandha għeruq storiċi u ideoloġiċi li fil-biċċa l-kbira jmorru lil hinn minn dik li titlob id-distanza bijografika.
F’dan ir-rigward nixtieq infakkar żewġ fatti. Qabelxejn f’dar-rigward Sartre aktarx wera iżjed għaqal minn Marcuse – tal-aħħar ċaħħadna mill-proġett Il-Marksiżmu Fenomenoloġiku mentri Sartre iddefenda xogħol il-ħassieb iżda mhux l-iżball tal-ħassieb (Rigward l-Eżistenzjaliżmu: Kjarifika, 1944). Iżjed importanti minn hekk: dika l-ħabta fl-akkwati ta’ Freiburg u Heidelberg kien hemm ċerta mara Lhudija. Kien jisimha Hannah Arendt. Minkejja kollox – ħafritlu.