Letteratura | L-Inċident Psikoloġiku tal-Inkontru: Stedina għal-Libertà?
Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa, imtella' mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, Kevin Saliba jirrifletti dwar il-ġabra ta’ skizzi Inkontri ta’ Kuljum ta’ John Portelli. Jikkonċentra l-iżjed fuq id-daħla tal-ġabra li tinkwadra dawn l-istejjer qosra fil-kunċetti tal-inċident psikoloġiku tar-relazzjonijiet ontoloġiċi u tal-paternità wiesgħa skont kif imfissra minn Emmanuel Levinas. Ir-reċensjoni tiftaħ bi skizz dwar inkontru partikulari ta’ Jean-Paul Sartre u iżjed tard tidentifika xebh bejn il-ħsibijiet ta’ Portelli u ta’ dan il-filosofu eżistenzjalist fir-rigward tal-kundanna tal-libertà. L-analiżi ta’ Saliba tintemm b’mistoqsijiet dwar l-essenza tal-eżistenti fittizji u dwar jekk din, wara kollox, forsi tixbahx xi ftit ukoll lill-essenza tagħna l-bnedmin: fin-nofs jaf hemm il-limiti tal-libertà u tar-responsabbiltà tagħna f’kulma niddeċiedu u nwettqu fl-inkontri li jkollna kuljum.
F’żgħożitu l-filosofu u l-kittieb eżistenzjalist Jean-Paul Sartre kien qatta’ xi żmien ibaħħar fuq vapur tal-kummerċ. Lejl minnhom qam il-maltemp u l-vapur spiċċa ankrat, bla ħsieb, fil-port ta’ Ħamburgu. Malli niżel l-art Sartre mar sab kenn minnufih f’ħanut tax-xorb kemxejn skabruż. Poġġa bilqiegħda. Ordna xi ħaġa x’jixrob. F’ħin bla waqt xirfet mara minn imkien. Poġġet maġenbu. Wara li qalu xi kelmtejn il-mara llargat biex tmur sal-latrina. Sartre, issa waħdu, intilef intant jistħajjel il-lejl illi kellhom iqattgħu f’xi lukanda: it-tinbix, is-sess, l-addiji matutin. Ġab f’moħħu wkoll l-ittri li ser jibagħtu ’l xulxin, kollhom tama li għad jerġgħu jiltaqgħu. Sewwasew f’daka l-waqt il-kittieb ġarrab il-lehma, jew aħjar, stedina biex iwettaq għażla: jew jissogra jgħix f’dina l-istorja fittizja jew inkella jilqa’ dan l-inċident psikoloġiku mingħajr iċ-ċertezzi stretti ta’ narrattiva – imbagħad jiġri li jrid. Għażel: qam f’salt u ħareġ jiġri fit-toroq imxarrbin għasra: l-inkontru baqa’ ma seħħ qatt. Les jeux sont faits...
Il-paternità skont Emmanuel Levinas
Kienet proprju l-istorja ta’ dan l-inkontru (jew antiinkontru) ta’ Sartre – illi ftit tax-xhur ilu waslet għandi permezz tal-ktieb Id-Direttur Iħejji; Imbagħad, Int Tirreċta (A Director Prepares; And Then, You Act) tad-direttriċi teatrali Amerikana Anne Bogart – illi baqgħet tfeġġ f’moħħi jien u naqra l-ġabra ta’ stejjer qosra Inkontri ta’ Kuljum (Skizzi) ta’ John Portelli. Fid-daħla għal din il-ġabra Portelli jinkwadra l-għadd kbir ta’ laqgħat umani li kewwen fl-immaġinarju tiegħu fil-kuntest tal-kunċett tal-paternità, b’mod partikulari kif imfisser mill-filosofu Emmanuel Levinas fis-sensiela ta’ intervisti mal-filosofu Philippe Nemo L-Etika u l-Infinità (Éthique et infini). Kmieni fis-snin tmenin f’dawn it-taħditiet Levinas kien ressaq l-argument – kif donnu jrid jagħmel ukoll Portelli – illi fir-rapporti ontoloġiċi l-paternità (u għaldaqstant mhux inqas ukoll il-filjalità u l-bqija) tmur lil hinn mir-rabtiet strettament bijoloġiċi, tant li din tibqa’ sejra “oltre l-possibbli”. F’din id-daħla Portelli jinseġ il-fil illi jrabbat dan l-għadd ġmielu ta’ skizzi flimkien permezz tal-idea li “s-soċjali jmur lil hinn mill-ontoloġiku”. “L-inċidenti psikoloġiċi huma l-modi kif ir-relezzjonijiet ontoloġiċi joħorġu fid-dieher”, skont Levinas. B’dan l-argument Portelli jissokta jpoġġi f’dubju n-nozzjoni tan-normalità fir-relazzjonijiet umani ta’ kwalunkwe xorta, l-iżjed billi jinnota li l-għadd tal-eżiti possibbli f’kull inkontru bejn il-bnedmin huwa dejjem bla tmiem u ġieli wkoll xejn prevedibbli. Biex ma nsemmux ukoll il-fatt illi anke fis-sempliċità apparenti ta’ kull skambju, laqgħa jew inċident uman spiss ikun hemm “kumplessità moħbija” inerenti – għaldaqstant immella l-inevitabbiltà tal-ambigwità u tal-imprevidibbiltà.
Il-kundanna tal-libertà skont Sartre
Fil-prologu konċiż u inċiżiv ta’ dina l-ġabra – każ forsi pjuttost rari fejn id-daħla fiha nfisha taħżen valur daqs in-narrattivi nfushom – l-imprevedibbli, l-ambigwu u l-inċert jesiġu bis-sħiħ illi minkejja kollox f’kull inkontru bilfors jenħtieġ ssir għażla. Għaldaqshekk huwa proprju hawnhekk fejn jaqa’ – mhux biss fid-daħla iżda wkoll f’bosta “inċidenti psikoloġiċi” li jitressqu quddiemna f’dawn l-iskizzi – id-dell ta’ Jean-Paul Sartre. Għad illi Portelli ma jsemmix b’mod espliċtu lil dan il-filosofu tal-għażla per eċċellenza, fid-diskors ta’ Portelli impossibbli ma tittendix b’waħda mill-ikbar basal eżistenzjali li Sartre kien identifika fil-kapolavur tiegħu L-Essri u x-Xejn (L’Être et le Néant), voldieri l-ħtieġa inevitabbli tax-xelta, il-fatt sagrosant illi l-libertà tagħna bħala eżistenti liberi paradossalment timplika li m’aħniex liberi li ma nagħżlux.
Difaċċ l-inċertezzi li spiss nisfgħu fihom fir-relazzjonijiet ontoloġiċi tagħna mal-oħrajn, minn banda m’għandniex il-libertà nagħżlu li ma nkunux liberi li nagħżlu, mill-banda l-oħra ’qas biss nistgħu nagħżlu li ma nagħżlux. “Il-bniedem ikkundannat li jkun liberu, għax ladarba jinxteħet fid-dinja jingħadd b’responsabbli għal kulma jagħmel – ekku l-kundizzjoni umana skont Sartre f’L-Essri u x-Xejn. “Kieku ma ppruvajtx inġorr ir-responsabbiltà għall-eżistenza tiegħi kien tkun ħaġa assurda għall-aħħar li nibqa’ neżisti”, jgħidilna Mathieu fir-rumanz L-Età tar-Raġuni (L’âge de raison) – l-ewwel wieħed mit-tliet rumanzi li jsawru t-triloġija ta’ Sartre It-Toroq tal-Libertà (Les chemins de la liberté).
Portelli jpoġġi l-karattri tiegħu sewwasew taħt dina il-kundanna: “Ħafna drabi wkoll l-inkontri jpoġġuna f’sitwazzjonijiet li mhux dejjem ċara għalina x-xelta li għandna nagħmlu jew kif għandna naġixxu. Nofs kelma mhux f’waqtha jew anke tegħmiża bla bżonn, kważi bla ħsieb jistgħu jdaħħluna f’sitwazzjonijiet ta’ responsabbiltà li ma konniex qed nistennew jew anke forsi ma rridux naffaċċjaw. Imma bħala bnedmin m’għandniex xelta: dejjem ikollna naġixxu. Anke jekk ma nagħmlu xejn, din hi xelta fiha nnifisha. Il-libertà umana dejjem iddaħħalna fir-realtà inevitabbli tal-aġir”, iwissi – jew jilmenta – Portelli. Dilemma bħal din naqraw dwarha wkoll, ngħidu aħna, fid-dijalettika tal-libertà skont il-filosofu Russu Nikolai Berdyaev. Jidhirli li dan tal-aħħar forsi kien għaraf iħoll dina l-kobba aħjar, iżda dak argument għal darb’oħra u għal xi mkien ieħor.
Fil-ġabra Inkontri ta’ Kuljum John Portelli donnu jissuġġerixxi, xi ftit bħal Sartre, illi għal xi wħud mill-karattri li ħoloq f’dawn l-iskizzi l-libertà tal-għażla fil-fatt hija kundanna imperattiva iżjed milli prerogattiva fakultattiva – sentenza li għaldaqstant qabelxejn insiru konxji minnha l-iżjed mhux fil-kuntentizza jew fil-ħila li norjentaw ruħna aħjar f’ħajjitna iżda fl-anzjetà. Għandu mnejn hija proprju din l-anzjetà – dina l-angst – illi fl-aħħar twassal lil David Hurdle (Tim Hortons) u lil Renata (L-Eżitazzjoni Kiesħa) biex jaqtgħuha darb’għal dejjem li ma jridux jagħżlu iżjed. Abbli wkoll – min qatt jista’ jgħid għajr forsi Portelli? – dina kienet ukoll il-kaġun ta’ Dr. Arnold Cassar (L-Ittra). Kapaċi tispjega wkoll il-biki ta’ ċerta mara anzjuża fuq l-ajruplan (It-Tabib). Hu x’inhu, min jista’ qatt iseħħlu jfarraġ lil mara li suppost kellha tibda impjieg tajjeb ġewwa Philadelphia (Il-Kuġina)?
L-essenza tal-eżistenti fittizji
Fl-iskema kożmika arbitrarja għalkollox ta’ Sartre fejn inzerta – biex nieħu spunt mit-titlu tal-ġabra ta’ saġġi teatrali ta’ Bogart – m’hemmx Direttur li jħejji minn qabel sabiex imbagħad nirreċtaw, voldieri fejn m’hemmx Alla li jipprovdi bil-lest essenza pre-natali għall-bnedmin jew tifsira universali għall-ħolqien kollu, l-ispjega tal-eżistenza tagħna u t-tifsira tad-deċiżjonijiet illi nieħdu f’ħajjitna jenħtieġ insibuhom aħna minn jeddna. Jiena u nħażżeż dawn il-ħsibijiet rigward il-ġabra Inkontri ta’ Kuljum staqsejt lili nnifsi għal darba tnejn jekk dawn il-karattri – almenu fl-għamla fittizja tagħhom – għandhomx jinżammu b’responsabbli mill-għażliet u mill-għemejjel tagħhom, ġaladarba dawn l-eżistenti għandhom Ħallieq illi jfassal minn qabel l-essenza tagħhom. Dan ifisser illi tajjeb jew ħażin dina l-paternità kreattiva tiddeċiedi wkoll l-eżiti tad-deċiżjonijiet li jieħdu matul is-suppost “inċidenti psikoloġiċi” li jsawru r-rapporti ontoloġiċi tagħhom.
Kunsiderazzjonijiet bħal dawn – dejjem jekk neskludu l-possibbiltà plawżibbli li l-karattri fittizji mal-kors tal-pinna ġieli bħal jieħdu l-lala jmexxu lill-awturi lejn bnadi li ma kienx biħsiebu jżurhom – is-soltu jsiru l-iżjed fid-dibattiti bejn dawk li jemmnu fir-rieda ħielsa u dawk li jaħilfu bil-predestinazzjoni. F’artiklu mxandar mill-BBC Magazine, Why do people relate to fictional characters?, ir-rumanzier Will Self iqajjem diversi mistoqsijiet penetranti dwar in-natura tar-rieda tal-karattri fittizji u dik tagħna bħala qarrejja. Jittanta juri kif il-perspettiva sub specie aeternitatis tagħna flimkien mal-pożizzjoni li nħaddnu f’dad-dibattittu filosofiku partikulari għandhomx ħabta jqanqlu jew le sentimenti ta’ simpatija u mogħdrija.
Rien ne va plus?
Dawn il-mistoqsijiet aħħarija tiegħi u l-argumenti ta’ Self għall-ewwel abbli jidhru kemxejn perifiċi, l-iżjed jekk qabelxejn ma nistaqsux jekk xi minn daqqiet tassew inħossux illi aħna – bħal dawn il-karattri maħluqa minn Portelli – qed ngħixu ħajja fejn fiha b’xi mod kollox diġà ġie deċiż. Dawn l-iskizzi eżistenzjali għandhom iqajmu fina – kemm-il darba naqrawhom bir-rimarki ta’ Portelli f’moħħna – bosta mistoqsijiet dwar il-limiti tal-libertà tagħna u tal-oħrajn kif ukoll, xejn inqas, dwar il-paternità fis-sens ontoloġiku wiesa’ ta’ Levinas. Jistgħu jħeġġuna nistaqsu mill-ġdid fejn sewwasew tibda u tintemm ir-responsabbiltà tagħna f’kull ħaġa li niddeċiedu u nwettqu, b’mod speċjali fir-riskji li nazzardaw nieħdu l-“inċidenti psikoloġiċi” tal-inkontri tagħna ta’ kuljum.
Rien ne va plus!