Letteratura | Milied ieħor mill-ġdid: L-avvent messajjaniku tat-tradutturi
Fil-paġna letterarja ta’ din il-ġimgħa, Kevin Saliba jiftaħ djalogu mat-traduttriċi u t-traduttologa Dr. Claudine Borg rigward il-proċess tat-traduzzjoni letterarja u r-rwol tat-tradutturi. Fil-biċċa l-kbira Saliba jiffoka r-rimarki tiegħu fuq it-teoriji ta’ Jacques Derrida u ta’ Walter Benjamin billi qabelxejn jistaqsi jekk it-traduzzjoni hix attività letterarja impossibbli. Wara l-passi ta’ dawn iż-żewġ ħassieba jidentifika wkoll rwol messajjiniku fil-ħidma tat-tradutturi li kapaċi jrodd milied ieħor mill-ġdid lit-test-sors. Dr. Claudine Borg tapprezza qatigħ l-isfond teoretiku li jagħtuna dawn il-ħassieba, iżda mbagħad tisħaq bis-sħiħ li akkont it-traduzzjoni hija impriża fattibbli u possibbli filwaqt li tinsisti fuq il-ħtieġa li t-tradutturi jingħataw ferm aktar mertu u viżibbiltà
Qabelxejn, x’kienu l-fatturi li kmieni fil-bidu tal-2000ijiet ġibduk lejn it-traduzzjoni u t-traduttoloġija? Fil-fehma tiegħi dika l-ħabta dawn l-oqsma ftit li xejn kienu moda u ma jidhirlix illi kien hemm wisq strutturi edukattivi li jappoġġjaw studenti li xtaqu jispeċjalizzaw f’dawn il-linji akkademiċi. Għaldaqstant il-prospetti ta’ karriera f’dawn l-oqsma forsi kienu għadhom pjuttost minimi. Qatt għaddielek minn moħħok – jew inkella forsi qalulek – li kont qed tagħmel għażliet xejn tas-soltu?
It-traduzzjoni minn dejjem affaxxinatni minħabba bosta raġunijiet, fosthom għax tinvolvi t-tħaddim tal-lingwi. Permezz tagħha testi ta’ kull ġeneru jgħaddu minn ilsien għal ieħor u minn kultura għal oħra u jarrikkixxu l-ilsien u l-kultura li jilqgħuhom. Hija mezz ta’ kif issir medjazzjoni u ta’ kif jinfirex l-għarfien. Madankollu l-aktar ħaġa li taffaxxini hija li minkejja li dan kollu jsir bis-saħħa tat-tradutturi xorta waħda ftit li xejn nisimgħu dwarhom jew jingħataw importanza, bħalkieku x-xogħol jinqaleb minn lingwa għal oħra b’mod awtomatiku, bla sforz u ħila ta’ xejn. Minkejja dan, kull min imiss mat-traduzzjoni huwa konxju mill-kumplessità li din tinvolvi. Wara li temmejt il-kors tal-Baċellerat fil-Franċiż u fir-Relazzjonijiet Internazzjonali fl-1999 xtaqt nispeċjalizza fit-traduzzjoni, però dak iż-żmien, kif għidt int, l-Università ta’ Malta ma kinitx toffri din l-ispeċjalizzazzjoni u t-tradutturi professjonali kont tgħoddhom fuq id waħda. Għalhekk bdejt naħdem fl-industrija fejn kelli opportunità nħaddem il-lingwi b’mod prattiku. Imbagħad malli fl-2003 l-Università offriet għall-ewwel darba kors ta’ Maġisteru fit-Traduzzjoni u fl-Interpretazzjoni rreġistrajt għalih minnufih. F’temp ta’ ftit snin ix-xenarju f’pajjiżna nbidel kompletament: Malta kienet fil-proċess li ssir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, il-Malti ġie aċċettat bħala lsien uffiċjali tal-UE u għalhekk l-acquis communautaire beda jiġi tradott għall-Malti. Dan il-proċess wera biċ-ċar il-ħtieġa ta’ tradutturi mħarrġa. Infetaħ il-kors tat-traduzzjoni fl-Università u fl-istess waqt f’dan il-qasam inħolqu għadd ta’ prospetti ta’ karriera. Iddeċidejt li nieħu r-rotta akkademika u bqajt miexja fiha sakemm għamilt Dottorat fit-Traduttoloġija.
Fit-taħdita seminali tiegħu What Is A “Relevant” Translation, il-filosofu Jacques Derrida kien stqarr dan: “How dare one speak of translation before you who, in your vigilant awareness of the immense stakes – and not only of the fate of literature – make this sublime and impossible task your desire, your anxiety, your travail, your knowledge, and your knowing skill? How dare I proceed before you, knowing myself to be at once rude and inexperienced in this domain, as someone who, from the very first moment, from his very first attempts (which I could recount to you, as the English saying goes, off the record), shunned the translators métier, his beautiful and terrifying responsibility, his insolvent duty and debt, without ceasing to tell himself “never ever again”: no, precisely, I would never dare, I should never, could never, would never manage to pull it off.” Wieħed mill-oqsma ewlenin tar-riċerka akkademika tiegħek fit-traduttoloġija jittratta proprju l-proċess tat-traduzzjoni letterarja. Kif tinkwadra din l-istqarrija ta’ Derrida fil-kuntest tal-ħidma tiegħek f’dan il-qasam?
L-ewwel nett jiena traduttologa kif ukoll traduttriċi għax nemmen bis-sħiħ illi biex tirriċerka u tgħallem suġġett partikulari trid tkun tipprattikah. Il-prattika tagħtik esperjenza u perspettiva importanti u neċessarji. Infatti fil-biċċa l-kbira naqbel ma’ din l-istqarrija ta’ Derrida, iżda ma naqbilx illi t-traduzzjoni hija impossibbli. Diffiċli iva, impossibbli le. Kemm għax jekk temmen hekk ma tistax tħarreġ lit-tradutturi, kif ukoll għax it-traduzzjoni sseħħ il-ħin kollu. Hija prattika estiża ħafna u ilha ssir eluf ta’ snin. Għaldaqstant nippreferi nirriċerka kif issir fil-prattika u xi jseħħ fil-proċess tat-traduzzjoni: x’jagħmlu t-tradutturi huma u jittraduċu, id-dilemmi u l-problemi li jaffaċċaw, kif isolvuhom jew iduru magħhom, kif jirrelataw mat-test-sors u mal-awtur li jkunu qed jittraduċu, x’kompetenzi japplikaw huma u jittraduċu, l-effet tat-tradutturi fuq it-test tradott, eċċ. Dan jgħinna mhux biss biex nifhmu aħjar kif jinħolqu t-traduzzjonijiet letterarji u l-proċessi kumplessi li jinvolvu iżda wkoll biex nagħtu aktar viżibbiltà lit-tradutturi. Ħafna qarrejja jaqraw letteratura tradotta jew bla ma jkunu konxji li qed jaqraw traduzzjoni jew inkella bla ma jagħtu ebda kas tar-rwol tat-tradutturi. Mingħajr xogħol it-tradutturi qarrej li ma jkunx jaf il-lingwa tat-test-sors ma jistax jaċċessa dik il-biċċa xogħol. Dan jista’ jseħħ biss bl-intervent u bil-ħila tat-tradutturi. Barra minn hekk, fil-proċess tat-traduzzjoni (b’xi mod jew ieħor u ftit jew wisq) it-tradutturi dejjem jinfluwenzaw lit-test. Jekk qed taqra ngħidu aħna, lil Andrea Camilleri jew lil Leo Tolstoy bl-Ingliż, dan tista’ tagħmlu proprju bis-saħħa tat-tradutturi. U magħhom tkun qed taqra wkoll lil min ittraduċa x-xogħol. Għalhekk jenħtieġ insiru nafu aktar dwar it-tradutturi u nagħtuhom ferm aktar viżibbiltà.
Nistqarr miegħek li dina t-taħdita, meta qrajtha u flejtha snin ilu, kienet ħalliet impatt qawwi ħafna fuqi. Huwa proprju għalhekk, ġaladarba hawnhekk qiegħed ukoll nitħaddet ma’ traduttologa professjonali, f’dad-djalogu tagħna qiegħed nagħtiha ħafna importanza. Spiss inqisha bħala punt ta’ tluq. Minnu li f’din it-taħdita Derrida jisħaq illi t-traduzzjoni hija ħidma “impossibbli”; minnu wkoll però li jsostni li hija attività daqstant ieħor “meħtieġa”. Li qed jgħid huwa dan: impossibbli għax il-falliment fit-trasferenza semantika spiss ikun diżappunt inevitabbli, l-iżjed kaġun tal-iskema differenzjali irriduċibbli tal-lingwa; meħtieġa għax din hija prattika fid-differenza li tagħtina lok, l-iżjed għal ħassieb bħal Derrida, biex nistħarrġu l-implikazzjonijiet post-strutturalisti tal-lingwa. U mhux biss: sew f’din it-taħdita u sew f’intervisti u kitbiet oħrajn tant iqajjem kwistjonijiet u polemiċi li nistgħu ma nieqfu qatt. Fix-xogħol tiegħu La carte postale: De Socrate à Freud et au-delà Derrida jippreżenta etika traduttoloġika – bla dubju mnebbħa mid-diskors psikoanalitiku ta’ Sigmund Freud – li qabelxejn tammetti l-falliment iżda mbagħad tistinka biex minn dan in-nuqqas toħloq trasformazzjoni funzjonali. Akkont, bħal Derrida ngħid għalija fit-teorija għandi ħabta nippreferi l-kelma “trasformazzjoni” minn “traduzzjoni”. Taqbel miegħi? U xi ngħidu għal dan il-“falliment” tagħna t-tradutturi? Vallapena din il-ħidma stil Sisifu? Abbli Samuel Beckett kien jgħid iva, għax “falliment interessanti”?
Kif diġà sħaqt, nemmen illi t-traduzzjoni hija possibbli, fattibbli, mhux impossibbli. Lanqas ma naħseb li hija dejjem falliment: hemm xi każi ta’ fallimenti imma hemm stejjer ta’ suċċess ukoll. Hemm ukoll il-każ fejn it-tradutturi ifallu f’xi partijiet mit-test, iżda mbagħad jirbħu jew jikkumpensaw f’oħrajn. Naqbel, madankollu, li din hija dejjem trasformazzjoni – speċjalment it-traduzzjoni letterarja – u huwa proprju għalhekk li fit-tweġiba preċedenti insistejt fuq ir-rwol tat-traduttur għax huwa proprju t-traduttur illi jwettaq it-trasformazzjoni. Trasformazzjoni timplika bidla u t-traduzzjoni tinvolvi diversi bidliet: bidla fil-lingwa, bidla fl-awtur li jsir koawtur flimkien mal-kittieb tat-test-sors, bidla fl-ambjent soċjo-politiko-kulturali tat-test, u diversi bidliet oħrajn. Minkejja dan, nippreferi l-kelma “traduzzjoni” għax hija aktar speċifika. U iva, it-traduzzjoni hija vallapena: mingħajrha ħafna testi, għarfien u kulturi jibqgħu misturin u inaċċessibbli.
Kemm Jacques Derrida u kemm Walter Benjamin, it-tnejn bil-mod tagħhom, jippreżentaw it-traduzzjoni – jew it-trasformazzjoni li sseħħ matul il-proċess traduttoloġiku – bħala l-ħajja-wara-l-mewt tat-test-sors. Fis-saġġ tiegħu The Task of the Translator Benjamin juża t-terminu “afterlife” mentri Derrida fil-kitbiet tiegħu dwar il-viżjoni traduttoloġika ta’ Benjamin jissuġġerixxi t-terminu “sopravivenza”, jew ferm aħjar, “il-ħajja-wara-l-ħajja”. Ngħid għalija nippreferi nuża t-termini bħal “milied ieħor mill-ġdid”. Fi ftit kliem – għax mill-ġdid inkella ma nispiċċaw qatt – fl-aħħar mill-aħħar it-tnejn donnhom jifhmu wkoll it-traduzzjoni bħala test illi jibqa’ jiġġedded fi proċess bla hedu illi saħansitra, minnu nnifsu, iħaddan fih potenzjal messajjaniku. Ngħid għalija, meta nqis dana l-kunċett ta’ “milied ieħor mill-ġdid” – flimkien mal-avvent messajjaniku tat-tradduttur adirittura – ma nistax ma naħsibx li għandu mnejn illi ċerti testi kapaċi jieħdu żvolta isbaħ huma u jgħaddu minn id għal oħra, minn ħajja għal oħra. Umberto Eco kien stqarr, pirkażu, illi t-traduzzjoni Ingliża ta’ William Weaver tar-rumanz tiegħu Il Nome delle Rosa hija “ferm aħjar” mir-rumanz innifsu. It-traduttologa Prof. Clare Vassallo – li fis-snin disgħin studjat taħt Eco fl-Università degli Studi di Bologna – m’ilux qaltli li forsi Eco ried sempliċement jgħaddi kumpliment għax ħwejjeġ bħal dawn ma jgħidhom ħadd. Ngħid għalija stqarrijiet bħal dawn ma jiskantawnix wisq. Temmen illi jista’ jkun hemm milied letterarju isbaħ minn ta’ qablu?
It-tradutturi huma, l-ewwel u qabel kollox, qarreja – qarreja li jaqraw it-test-sors mill-qrib ħafna, fil-fond u mbagħad jinterpretawh, bl-influwenzi tiegħu kollha, kemm jekk ikunu konxji minnhom u kemm jekk le. Kull traduzzjoni hija interpretazzjoni tat-test-sors u għalhek ebda traduzzjoni mhi l-istess.
Éric-Emmanuel Schmitt, awtur kontemporanju Franċiż illi xogħlu nqaleb f’bosta lingwi inkluż għall-Malti (Toni Aquilina qaleb Is-Sur Ibrahim u l-Fjuri fil-Koran u jiena Oscar u s-Sinjura r-Roża), fid-djarju li jakkumpanja l-ktieb Concerto à la mémoire d’un ange jikteb hekk:“Meta ktieb jitlesta, tibda ħajtu. Mil-lejla ’l quddiem, jien ma nibqax aktar l-awtur. Minn issa ’l quddiem l-awturi tiegħu jsiru l-qarrejja [...] Voltaire kien jgħid li l-aqwa kotba huma dawk nofshom miktuba mill-immaġinazzjoni tal-qarrej. Jien naqbel ma’ din l-idea, imma f’qiegħ qalbi dejjem ikolli aptit inżid: jekk il-qarrej għandu ħila [...]
Kjarifika: ma niddejjaq xejn li l-qarrej ikollu aktar ħila minni.”
(Bi żvista fid-deskrizzjoni tal-verżjoni stampata ta’ dan id-djalogu l-kunjom tat-traduttologa deher Gauci minflok Borg. Il-verżjoni onlajn ġiet emendata bil-kunjom korrett: Dr. Claudine Borg.)