Letteratura | It-tifkiriet letterarji: muniti sbieħ, muniti foloz
Fil-paġna tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ta' din il-ġimgħa, Kevin Saliba jittanta jerġa’ jmur lura fiż-żmien qalb it-tifkiriet tal-kotba Maltin ta’ tfulitu u żgħożitu. Jagħmel dan b’referenzi kontinwi għal żewġ xogħlijiet ta’ Jean-Paul Sartre: ir-rumanz La Nausée (In-Nawżja)u b’mod partikulari l-awtobijografija Les Mots (Il-Kliem). Kulma jmur is-sekwenza kronoloġika titħabbel filwaqt li intant jieħdu r-riedni l-kittieba li ltaqa’ magħhom fuq il-bankijiet tal-iskola. Skantat jgħodd il-ħin, dlonk jiftakar f’vers minn poeżija t’Oliver Friggieri...
“Ħajti bdejtha kif mingħajr dubju għad intemmha: qalb il-kotba. Fl-uffiċċju tan-nannu kien hemm minnhom kullimkien. Tfarfarhom kien mimnugħ għajr biss darba fis-sena, qabel jidħol Ottubru. Lanqas biss kont naf naqra li diġà ma kontx inweġġaħhom ’il dal-ħaġriet iddrizzati: weqfin jew mxenglin, mħaxknin bħal briksiet fuq l-ixkafef tal-librerija jonkella spazjati f’mogħdijiet tal-menħir. Kont inħoss li ġid familtna kien jiddependi minnhom.”
Hekk stqarr il-filosofu u kittieb Jean-Paul Sartre fl-awtobijografija tiegħu Les Mots (Il-Kliem).Din il-kwotazzjoni kont qlibtha għall-Malti daqs għaxar snin ilu, sewwasew f’dika l-fażi meta r-riċerki dwar Sartre kienu għadhom jokkupawli l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu tiegħi. Maż-żmien għoddni nsejtha. Madankollu din reġgħet tfaċċat f’moħħi bosta drabi tul dawn l-aħħar ġimgħat. Għadni m’iniex fiż-żgur l-għaliex. Qabelxejn forsi għax matul iż-żmien li domna maqfulin id-dar bosta persuni – kaġun ta’ raġunijiet psikoloġiċi li nsibhom interessanti ħafna – ħafna persuni ħassu l-ħtieġa stramba li jaqsmu ma’ sħabhom fuq il-midja soċjali listi b’kotba li b’xi mod jew ieħor ħallew impatt qawwi fuqhom. Inzerta li fl-istess mentri għadd kemxejn kbir ta’ qarrejja ta’ din il-paġna bagħtu jistaqsuni rigward il-listi tiegħi, fosthom ta’ dawk l-għaxarkotba bil-Malti li setgħu sawru l-formazzjoni letterarja tiegħi tul is-snin.
In-nasba tal-letteratura
Ngħid is-sew minn banda dan l-eżerċizzju fl-awtobijografija letterarja (jekk nistgħu nsejħulu hekk) xtaqt nevitah: ħafna drabi, l-iżjed matul l-ewwel ġimgħat tal-pandemija, ftit li xejn kont f’burdata li noqgħod inqalleb fl-arkivji tal-memorja bħalkieku ħajti kważi waslet fi tmiemha. Ħarsa retrospettiva bħal din kont diġà wettaqtha darba bl-għeruq u x-xniexel – tul bosta ġimgħat daqs tmien snin ilu – meta dehrli li ħajti tassew kienet mhedda. Frankament din id-darba fil-biċċa l-kbira ma ħassejt xejn minn dan u għaldaqstant ippreferejt nevita kemm jista’ jkun din il-battikata żejda. Dan għax naf illi f’ċirkustanzi bħal dawn kull ktieb ifisser fażi, u kull fażi tqanqal ħafna tifkiriet, u mit-tifkiriet imbagħad – m’hemmx xi ngħidu – ngħaddu għan-nostalġiji u għal dak l-għali bla fejda kollu li dawn spiss ikollhom ħabta jġibu magħhom.
Inzerta wkoll li ma nemminx li dad-drawwiet – aktarx marrada – jistgħu jkunu wisq utli f’sitwazzjonijiet ta’ ħajja jew mewt. Terġa’, jgħid x’jgħid kulħadd, difaċċ ċerti perikli estremi – sew jekk reali u sew jekk mistħajla – ngħid għalija ftit li xejn nara potenzjal fejjieqi ewlieni fil-letteratura. Jew inkella, ħalli npoġġiha hekk: l-esperjenza għallmitni li l-letteratura għandha s-setgħa li taħji daqskemm għandha l-qawwa li toqtol. Nasba din. Sartre fir-rumanz tiegħu La Nausée (In-Nawżja) jwissina biex noqogħdu b’seba’ għajnejn mil-letteratura. Jidhirli li minħabba xi raġuni jew oħra din kienet il-fehma ta’ diversi letterati oħrajn, fosthom Yves Bonnefoy, Jean Cocteau, mhux l-inqas Santu Wistin. Madankollu l-istqarrija l-oħra ta’ Sartre – voldieri dik li jagħmel f’Les Mots – xorta waħda baqgħet issus warajja, l-iżjed meta ċerti persuni staqsewni liema huma l-għaxar kotba jew kittieba tiegħi. Għaldaqshekk ma setax jonqos illi t-tifkiriet spontanji ta’ dawn il-kotba sikwit sejħu lura fil-memorja għadd ġmielu ta’ siltiet minn din l-awtobijografija letterarja.
Minn banda ma skantajt xejn. Ibda biex fil-fehma tiegħi dan it-test jirrappreżenta mod validu ħafna kif kittieb tal-istatura ta’ Sartre għandu jirrakkonta n-narrattiva ta’ ħajtu – id-dettalji żejda dwar meta u fejn ġara xiex jieħdu ħsiebhom l-istoriċi u l-iskulari. Għandu mnejn ukoll għax il-kelma “letteratura” – l-iżjed meta jfettilli mmur inqalleb fil-libreriji tal-imgħoddi – bqajt nassoċċjaha ħafna maż-żmien meta nxtħett niftaqad b’mod assidwu x-xogħlijiet ta’ Sartre, saħansitra l-manuskritti maħżuna fil-Bibljoteka Nazzjonali ta’ Franza.
In-nawżja
Mill-banda l-oħra mbagħad skantajt mhux ftit kif din il-kwotazzjoni weħlet daqstant ma’ moħħi. Awtur tal-istatura ta’ Sartre m’iniex u b’dir-rata qatt m’hu ser insir. Għadd kbir ta’ kotba d-dar ma kellniex. Wisq inqas għand in-nanna fejn fi tfuliti ma kont nara xejn għajr mediċini skaduti, frott imranġat u wirdien. Lin-nannu ma nafux. Qatt ma dehrli li ġid familti kien jiddependi mill-kotba iżda pjuttost mill-paga modesta li missieri kien iġib id-dar. Iżjed minn dan: f’Les Mots Sartre jiftakar u jikteb dwar il-kotba b’ċerta volontà luċida li din id-darba ’qas almenu għad għandi ħajra, jew inkella l-enerġija, nerġa’ nittanta nħaddem. It-tifkiriet letterarji Maltin illi reġgħu żaruni dan l-aħħar, b’mod partikulari s-sekwenzi kronoloġiċi, kellhom ħafna mill-modi vagi li bihom l-anti-eroj eżistenzjalist Antoine Roquentin – il-karattru ewlieni fir-rumanz La Nausée – jiftakar l-imgħoddi mbiegħed tiegħu filwaqt illi jipprova jsib tarf tal-ġrajjiet illi sawru l-ħajja tal-Markiż de Robellon. Għaldaqshekk jidhirli li l-listi li stajt noħloq din id-darba aktarx qajla setgħu jissodisfaw il-kurżitajiet tal-qarrejja. Bħan-narrattiva li ħaddem Alfred Sant fir-rumanz Bħal f’Dizzjunarju, l-ordni tagħhom tista’ tinqara fi kwalunkwe ordni bħall-ħajja u l-karriera t’Anġlu Debono. Anke dik tqabbad in-nawżja, xejn inqas minn dik “il-qmis tal-qoton bluna tirkaċċa mgħoxxija fuq il-ħajt lewn iċ-ċikkulata” li kien ra Roquentin fuq il-kuġin Adolf.
M’iniex kuntent b’dan il-mod kif l-imgħoddi tiegħi nfexx inawwar ġo moħħi matul l-eqqel fażijiet tal-kriżi tal-Virus Corona. Hu x’inhu nittama li ’l quddiem dawn il-memorji letterarji jseħħilhom isibu posthom mill-ġdid, sewwasew bħall-kotba tal-Librerija Muniċipali – rranġati lkoll puliti kif imiss fl-ordni alfabetika – li fihom kien imur jitgħarraf l-Awtodidatta fir-rumanz La Nausée. Madankollu minn dawn it-tifkiriet reċenti daqsxejn – addoċċ u forsi wkoll bl-istil tal-kurrent tal-koxjenza – ser nipprova nislet ċerti punti saljenti li qed jixgħelu f’moħħi dal-ħin mingħajr wisq kummenti. Minn banda s-soltu n-numru ferm żgħir t’għaxra jwaħħaxni, iżda għal darba ħabat tajjeb li ħadd ma staqsa għal xi mija.
Lura fiż-żmien
Ser niftakar fi ftit kittieb u ser ninsa ħafna: għajr ir-rivisti dwar il-futbol Ingliż, matul l-ewwel snin tal-Primarja ma niftakarni naqra xejn għajr il-kotba ta’ Trevor Zahra u l-Bibbja – l-ewwel it-traduzzjoni ta’ Dun Karm Sant u mbagħad b’mod partikulari dik tal-Professur Pietru Pawl Saydon. Din tal-aħħar baqgħet miegħi sal-lum u impossibbli nimmaġina li għad qatt nitlaqha. Bħall-istudenti kollha tal-Liċej tal-Istat – tajjeb jew ħażin – fis-Sekondarja fil-biċċa l-kbira l-letteratura Maltija waslet għandi permezz tal-antoloġija Qawsalla. Kien b’riħet dan li skoprejt bosta kittieba Malti li wħud minnhom għadni ngħożżhom sal-lum, fosthom Rużar Briffa, Dun Karm Psaila, Karmenu Vassallo, Lino Spiteri, Mario Azzopardi u Achille Mizzi. Dal-aħħar intbaħt li għadu sal-lum jogħġobni ħafna r-rumanz L-Isqaq ta’ Ġużè Chetcuti. Is-sentejn tal-kulleġġ qabelxejn sikwit ifakkruni ħafna fi tliet awturi: Achille Mizzi, Immanuel Mifsud u Doreen Micallef. Bil-ġabra Poeżiji Mizzi saħħarni wara l-poeżija moderna Maltija, Mifsud introduċieni għal stili ta’ proża innovattivi li qatt ma kont qrajt qabel, b’mod speċjali bil-ġabra Il-Ktieb tas-Sibt Filgħaxija, Micallef isseduċietni warajha kollha kemm hi b’bosta poeżiji, l-iżjed b’Eleanor Rigby, forsi wkoll għax dik il-ħabta kont skoprejt ukoll il-Beatles. Ħalla impatt fuqi wkoll it-teatru ta’ Francis Ebejer, b’mod partikulari L-Imnarja Żmien il-Qtil. L-interess fit-teatru kompla kiber permezz tax-xogħlijiet t’Alfred Sant, l-iżjed b’riħet id-dramm Pirandelljan Min hu Evelyn Costa? Iss’issa qed niftakar li din in-namra kienet bdiet permezz tal-ġabra 4 Drammit’Oreste Calleja. Qed niftakar ukoll li fi żmien il-kulleġġ – forsi sforz l-interess tiegħi f’Mizzi – kont bdejt inħarbex l-ewwel versi flimkien mal-poeta Norbert Bugeja. Matul is-snin tal-Università u anke fl-ewwel snin fid-dinja tax-xogħol kien iżjed moħħni f’Karl Marx u fil-politika partiġġjana milli fil-letteratura Maltija – ftit li xejn qrajt bil-Malti għajr ir-rumanzi ta’ Juan Mamo, Ġużè Orlando u Ġużè Ellul Mercer. Intant qrajt ukoll kull ktieb li stajt insib t’Alfred Sant. Minkejja ċ-ċokon ipeċpċek tat-tipa, kien laqatni bil-kbir ir-rumanz tiegħu Silġ fuq Kemmuna... aktarx għadu r-rumanz favorit tiegħi bil-Malti... Bilħaqq, kont qrajt ukoll ħafna xogħol t’Oliver Friggieri...
Muniti sbieħ, muniti foloz...
Daqshekk għal-lum. Kos, qiegħed nintebaħ proprju llum li donnu l-iktar kotba li għadni niftakar, għajr xi tnejn jew tlieta, huma dawk li studjajt fuq il-bankijiet tal-iskola. Qrajt ħafna oħrajn wara – uħud minnhom b’valur letterarju għola minn ċerti kotba li għadni kif semmejt. Saħansitra ħdimt fuq xi tnejn minnhom bħala reviżur. Biex imbagħad...
Roquentin f’La Nausée jilmenta li tifkirietu qishom “muniti tad-deheb antiki fil-kartiera tax-xitan: meta tiftaħha ma ssib xejn għajr weraq mejta”. Immela għandu mnejn sewwa jgħidilna Oliver Friggieri fil-poeżija Skantati Ngħoddu l-Ħin: “Is-snin muniti sbieħ, muniti foloz”.